Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet it-tagħbija, f’MW u bħala perċentwal tal-kapaċità massima, fuq kull wieħed mit-tliet feeders li jfornu lil Għawdex fis-sigħat ta’ qabel il-ħsara? Tista’ tagħti dawn iċ-ċifri fuq bażi ta’ siegħa għall-perjodu bejn nofsinhar u nofsillejl tat-28 ta’ Awwissu 2026?
Tista’ l-Ministru tgħid jekk, qabel il-ħsarat tat-28 ta’ Awwissu 2026, kienx hemm xi rapport, test, allarm, technical assessment jew rakkomandazzjoni li indikat degradazzjoni jew riskju ta’ failure fuq xi wieħed miż-żewġ cables li sussegwentement ġarrbu ħsara?
Tista’ l-Ministru tgħid meta sar l-aħħar test tekniku jew condition assessment fuq kull wieħed mit-tliet feeders ta’ 33kV li jfornu lil Għawdex u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tat-testijiet li saru matul l-aħħar ħames snin?
Tista’ l-Ministru tgħid, għal kull wieħed mit-tliet feeders ta’ 33kV li jfornu lil Għawdex, f’liema sena ġie installat u kkummissjonat, x’tip ta’ cable ntuża, x’inhi l-kapaċità nominali tiegħu u x’inhi l-ħajja teknika mistennija tiegħu?
Għawdex – Ħsarat fil-feeders tal-elettriku – Rapport tekniku
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tekniku sħiħ, hekk kif dan jitlesta, dwar il-ħsarat li żviluppaw inkluża root-cause analysis u r-rakkomandazzjonijiet tekniċi li joħorġu minnu, fejn tnejn mit-tliet feeders ta’ 33kV prinċipali li jfornu lil Għawdex ikkaġunaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku fit-28 u fid-29 ta’ Awwissu 2026?
Tista’ l-Ministru tispjega kif tnejn mit-tliet feeders prinċipali li jfornu lil Għawdex setgħu jiżviluppaw ħsara fl-istess perjodu? Tista’ tgħid ukoll jekk l-Enemalta tqisx dawn iż-żewġ ħsarat bħala relatati jew bħala żewġ failures indipendenti?
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-kawża teknika tal-ħsarat li żviluppaw fuq tnejn mit-tliet feeders ta’ 33kV li jfornu lil Għawdex? Tista’ tgħid jekk ġiex stabbilit jekk dawn il-ħsarat kinux relatati ma’ sħana eċċessiva, overloading, degradazzjoni tal-cable, ħsara f’joints, ilma jew umdità, jew kawża oħra?
Tista’ l-Ministru tagħti kronoloġija dettaljata tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li affettwa lil Għawdex fit-28 u fid-29 ta’ Awwissu 2026, inkluż il-ħin ta’ meta seħħet kull ħsara, meta ġiet identifikata, meta beda x-xogħol ta’ tiswija u meta reġgħet ingħatat il-provvista lil kull lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-tweġiba tapplika wkoll għal mistoqsijiet parlamentari oħrajn minn dawk li ssottometta dwar l-istess suġġett.
Ninsab infurmata li fit-28 ta’ Awwissu 2026 żviluppaw żewġ ħsarat fuq tnejn mit-tliet feeders ta’ 33kV li jfornu lil Għawdex.
L-ewwel ħsara kienet fuq il-cable bejn iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni f’Kemmuna u ċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni fix-Xewkija. Dan il-feeder intefa’ fit-28 ta’ Awwissu 2026 fis-19:28. Malli rriżultat il-ħsara, minnufih skatta x-xogħol meħtieġ biex jinstab fejn kienet u malli din ġiet lokalizzata f’Għawdex stess, inbeda t-tħaffir u x-xogħol kollu li kellu jsir biex sussegwentement il-cable reġa’ nxtegħel fid-29 ta’ Awwissu 2026 fis-13:10.
It-tieni ħsara kienet fuq il-cable bejn iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni f’Kemmuna u ċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni fil-Qala. Dan il-feeder intefa’ fit-28 ta’ Awwissu 2026 fid-20:44. F’dan il-każ ukoll skattat minnufih ħidma biex jinstab fejn kienet il-ħsara, li eventwalment ġiet lokalizzata f’Kemmuna. Għaldaqstant, kellhom jiġu mobilizzati l-inġenji rispettivi biex ġew trasferiti bejn Għawdex u Kemmuna. Hemm ukoll kellu jsir tħaffir u x-xogħol kollu meħtieġ sakemm il-cable reġa’ nxtegħel fid-29 ta’ Awwissu 2026 fl-21:41.
Matul dan il-perjodu, it-timijiet tekniċi tal-Eenemalta ħadmu biex ġew lokalizzati, iżolati u msewwijin il-ħsarat. Ir-restawr tal-provvista sar b’mod gradwali sabiex tiġi evitata kwalunkwe ħsara ulterjuri fis-sistema.
Mill-eżami tekniku li sar, il-ħsarat ġew identifikati li kienu fil-ġonot tal-cables rispettivi. Wara fault location ġie indikat li l-ewwel ħsara kienet taħt l-art fix-Xewkija, filwaqt li t-tieni ħsara nstabet f’Kemmuna. Meta jinbeda x-xogħol jiġi verifikat u jsiru t-testijiet meħtieġa biex jiġi determinat ikunx hemm moisture content jew ilmijiet. Dan il-proċess isir fuq kull ħsara li jkun hemm meta tkun relatata ma’ cables.
Infurmata li ż-żewġ ħsarat seħħew fuq feeders differenti u fuq partijiet differenti tan-network. Għaldaqstant, dawn il-ħsarat qed ikunu meqjusa mill-Enemalta bħala li kienu indipendenti minn xulxin.
Għal ħsara infrastrutturali ta’ din ix-xorta, l-Enemalta għandha proċedura li tiġi segwita waqt ix-xogħlijiet ta’ tiswija. It-tim tekniku li jkun fuq il-post jagħmel analiżi permezz ta’ testijiet biex jiddetermina li, ġaladarbda titneħħa l-ġonta li tkun falliet, jiġi aċċertat li l-cable rispettiv ikun f’qagħda b’saħħtu biex isir l-intervent fuqu ħalli jerġa’ jiġi f’qagħda operabbli. Wara li x-xogħlijiet ikunu tlestew, il-cable jiġi spezzjonat minn inġinier fejn issir sensiela ta’ testjar biex ikun assigurat li x-xogħol sar skont is-sengħa qabel l-istess cable jibda jiġi loaded permezz tal-kurrent.
Fil-każ tat-tliet feeders li jfornu lil Għawdex, cable minnhom huwa cable tal-aluminju b’kapaċità ta’ 300mm² b’rating ta’ 340A. It-tieni cable huwa cable tal-aluminju ta’ 240mm² b’rating ta’ 304A. It-tielet cable huwa cable tar-ram ta’ 185mm² b’rating ta’ 350A.
Il-ħajja teknika ta’ cable tiddependi mit-tip u mill-kostruzzjoni tagħhom, kif ukoll mill-kundizzjonijiet ambjentali u operazzjonali. Għaldaqstant, m’għandhiex tiġi attribwita ħajja teknika waħda u uniformi lit-tliet feeders kollha. Waqt ix-xogħlijiet il-cable jiġi spezzjonat biex jiġi identifikat li l-kundizzjoni tal-conductor tkun f’kundizzjoni tajba.
L-Enemalta tissorvelja kontinwament in-network, inkluż it-tagħbija fuq il-feeders, sabiex l-infrastruttura titħaddem fil-limiti operattivi stabbiliti. Fuq kull wieħed mit-tliet feeders, isiru spezzjonijiet permezz ta’ għaddasa darbtejn fis-sena biex tiġi spezzjonata l-integrità tal-cables. Mill-Kamra tal-Kontroll ikun qed jiġi monitored il-power flow li jkun għaddej minn ġo dawn it-tip ta’ cables. Is-switchgears rilevanti għandom monitoraġġ ta’ partial discharge kontinwu, filwaqt li kull erba’ xhur il-ħaddiema tekniċi tal-Enemalta jagħmlu wkoll testing manwali.
Qabel il-ħsarat tat-28 ta’ Awwissu 2026 ma kien hemm xejn li jindika failure imminenti fuq xi wieħed miż-żewġ feeders li sussegwentement ġew affettwati. Fis-sigħat ta’ qabel seħħew il-ħsarat, it-tagħbija fuq it-tliet feeders kienu qed jitħaddmu fil-limiti normali. L-ebda wieħed mill-feeders ma qabeż il-limiti operattivi tiegħu fil-perjodu inkwistjoni. Għaldaqstant, il-ħsarat ma seħħewx f’kundizzjonijiet fejn xi wieħed mill-feeders kien qed jitħaddem lil hinn mil-limiti operattivi tiegħu.
Infurmata wkoll li, wara li ż-żewġ feeders ġew affettwati mill-ħsarat, il-feeder li baqa’ fis-servizz kompla jopera fil-limiti normali u fl-ebda ħin ma qabeż il-limiti operattivi tiegħu. Il-kapaċità disponibbli minn feeder wieħed ma kinitx biżżejjed sabiex tagħmel tajjeb għad-domanda adizzjonali li kienet maqsuma fuq iż-żewġ feeders l-oħra.
Biex tilqa’ għad-domanda li Għawdex jista’ jkollu fis-snin li ġejjin, l-Enemalta qed twettaq aktar investimenti li se jinkludu żewġ cables ġodda ta’ 33kV taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex, konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn iż-żewġ gżejjer, żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni u aktar tisħiħ tal-konnettività interna tan-network ta’ 33kV f’Għawdex.
Dan ikompli jibni fuq l-investimenti li diġà saru fl-aħħar snin. Mill-2023 ’il hawn, l-Enemalta kkummissjonat 18-il substation ġdida f’Għawdex, lestiet erba’ transformer upgrades, poġġiet 24 kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ medju, issostitwiet tagħmir f’disa’ switchgear installations u awtomatizzat 43 substation sabiex jitjiebu l-monitoraġġ, l-identifikazzjoni tal-ħsarat u l-ħinijiet ta’ restawr.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu s’issa biex tiġi implimentata d-Direttiva tal-UE 2023/1544 li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2023/1544, li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali, sar ix-xogħol meħtieġ sabiex id-dispożizzjonijiet tagħha jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan ir-rigward, ġie iffinalizzat l-abbozz tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni fuq livell tekniku. Bħalissa għaddejjin l-aħħar diskussjonijiet qabel ma tali leġiżlazzjoni tgħaddi għall-fażijiet li jmiss.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra itemised break down tan-nefqa fuq it-tagħmir tal-uffiċċju tal-Project Green, mit-twaqqif tal-aġenzija fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll għal kull item tgħid jekk in-nefqa saritx b’tender, b’sejħa għal kwotazzjonijiet, b’direct order, jew b’mod ieħor?
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra itemised break down tan-nefqa fuq it-tagħmir tal-uffiċċju tal-Climate Change Authority, mit-twaqqif tal-Awtorità fl-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll għal kull item tgħid jekk in-nefqa saritx b’tender, b’sejħa għal kwotazzjonijiet, b’direct order, jew b’mod ieħor?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa mit-twaqqif tagħha, l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima kompliet fejn kienet ħalliet l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi u baqgħet tinvesti f’tagħmir elettroniku modern li jsaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tal-operat. Dan it-tagħmir kien jikkonsisti prinċiparjament f’laptops/tablets, monitors, printers u apparat ieħor għal-laqgħat virtwali. In-nefqiet annwali kienu ta’ €5,899 fl-2024 (minn Novembru), €40,238 fl-2025 u €26,279 fl-2026 (sa Ottubru). L-apparat inxtara skont il-proċeduri tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għall-iskema Irrinova Darek għal kull reġjun fejn din l-iskema ħarġet? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ġew rifjutati, kemm minnhom ġew approvati biex jidħlu fit-tielet fażi, u kemm minnhom ġie ffirmat il-kuntratt, maqsuma reġjun b’reġjun?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskema maħruġa fl-2025, fir-Reġjun tat-Tramuntana, kien hemm 2,139 applikazzjoni, li 1818 għaddew għat-tieni fażi, filwaqt li s’issa kien hemm 431 li għaddew għat-tielet fażi. Min-naħa l-oħra, fl-iskema maħruġa fl-2026, fir-Reġjun tan-Nofsinhar, kien hemm 1815 applikazzjoni li 1423 applikazzjoni għaddew għat-tieni fażi, filwaqt li għadu għaddej il-proċess għat-tielet fażi.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għall-iskema tal-grant tal-batteriji domestiċi mar-Regulator for Energy & Water Services (REWS) minn Ġunju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar, u fl-istess tabella tindika kemm minnhom ġew ipproċessati sal-lum, kemm ġew approvati, u kemm ġew rifjutati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-2025, l-iskema tal-grant tal-batteriji domestiċi kienet miftuħa bejn Frar u Awwissu. Matul dan il-perjodu, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), irċieva 3,248 applikazzjoni li minnhom ġew approvati 3,122 u m’hemm l-ebda pendenza. Din is-sena l-iskema reġgħet fetħet f’April u n-numru t’applikazzjonijiet li rċieva l-Uffiċċju tar-Regolatur kien jammonta għal 3,433. Minn dawn s’issa ġew approvati 1,953, filwaqt li 37 ġew rifjutati.
Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-ħsarat (faults) kollha li ġew reġistrati fuq in-network tal-Enemalta f’Lulju u Awwissu 2026, u fl-istess lista tindika:
x’kienet il-kawża tal-ħsara;
meta ġiet installata l-ġonta jew it-tagħmir li kellu l-ħsara;
min hu l-manifattur;
meta u x’ħin kien meta ġie rappurtat jew innutat; u
meta u x’ħin kien meta ġie msewwi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda attwalment tiġi miġbura u eżaminata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fil-kuntest ta’ proċess ta’ awditjar li għadu għaddej.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-pjan tal-Gvern biex l-ammont ta’ skart imħallat li jmur fil-landfill jinżel minn kważi 80% kif inhu rrappurtat illum għal taħt l-10% sal-2035, skont id-direttivi Ewropej?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jimplimenta l-Istrateġija fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart bil-għan li jkompli jnaqqas progressivament l-ammont ta’ skart li jintrema fil-landfill u jersaq lejn il-miri Ewropej relatati mal-ekonomija ċirkolari u l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart. Dan qed isir permezz ta’ pakkett komprensiv ta’ miżuri li jinkludu t-tisħiħ tal-ġbir separat tal-frazzjoni organika u tal-materjali riċiklabbli, investimenti f’faċilitajiet ta’ sortjar, trattament u rkupru tal-iskart, kif ukoll infrastruttura ġdida maħsuba biex tkompli tnaqqas id-dipendenza tal-pajjiż fuq il-landfill.
F’dan il-kuntest, il-Gvern qed iwettaq investimenti sinifikanti permezz tal-proġett Ecohive Complex, li jirrappreżenta trasformazzjoni sostanzjali fis-sistema nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart u li se jkompli jsaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiż għat-trattament, l-irkupru u l-ipproċessar ta’ diversi flussi ta’ skart. Dawn il-miżuri, flimkien ma’ inizjattivi oħrajn previsti fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart, huma maħsuba biex inaqqsu progressivament il-volum ta’ skart li jintrema fil-landfill u jappoġġjaw it-tranżizzjoni ta’ Malta lejn sistema aktar sostenibbli u effiċjenti tal-immaniġġjar tar-riżorsi. Dawn jinkludu wkoll proġetti bħal Waste to Energy u l-Iskip Management Facility.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn charging stations taħt is-sistema taċ-Charge My Ride f’Malta u Għawdex? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx xi forma ta’ kuntratt li jittratta l-immaniġġjar tagħhom, meta jiskadi dan il-kuntratt, u x’inhu l-pjan ’il quddiem biex dawn iċ-charging stations jiżdiedu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3122 ninfurmah li l-kuntratt li jitratta l-immaniġġjar jiskadi fl-2028.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa tal-Gvern, Infrastructure Malta u/jew entitajiet/awtoritajiet governattivi oħra għall-proġett ta’ Ġnien Tony Bezzina, f’Raħal Ġdid, u jagħti break down ta’ kif u fiex intefqet?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi din hija il-breakdown tax-xogħlijiet li għamlet Infrastructure Malta fil-proġett ta’ Ġnien Toni Bezzina, f’Raħal Ġdid.
Servizz
Ammont eskluż il-VAT (€)
Civil & Finishing works
679,420.33
M&E works
92,355.08
Ancillary Services
28,909.42
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa tal-Gvern, Infrastructure Malta u/jew entitajiet/awtoritajiet governattivi oħra għall-proġett ta’ Ġnien Tony Bezzina, f’Raħal Ġdid, u jagħti break down ta’ kif u fiex intefqet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju tal-proċess tal-ippjanar jew tal-compliance, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) jew l-Awtorità tal-Ippjanar jaraw li l-bini sar skont ir-rekwiżiti ta' Technical Document F, kif infurzati mill-Avviż Legali u inklużi bħala kundizzjonijiet tal-permessi tal-ippjanar?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tispjega kif it-tkabbir fis-settur tal-kostruzzjoni, id-domanda akbar għat-tkessiħ (air conditioning), l-introduzzjoni ta’ vetturi elettriċi (EVs), u l-provvista tal-elettriku lill-vapuri mill-art (shore-to-ship power) qed jiġu riflessi u kkalkulati fit-tbassir tad-domanda massima għall-perjodu 2027–2035?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tbassir tad-domanda għall-elettriku u l-ippjanar tan-network isiru fuq bażi kontinwa u jiġu aġġornati regolarment fid-dawl ta’ data operattiva, ekonomika u infrastrutturali.
Fil-proċess tat-tbassir jitqiesu fost oħrajn l-iżvilupp ekonomiku u demografiku, iż-żieda fl-elettrifikazzjoni tat-trasport inklużi vetturi elettriċi, żviluppi marbuta ma’ shore-to-ship power, it-tkabbir fl-attività turistika u kummerċjali, kif ukoll l-effett ta’ temperaturi ogħla u żieda fl-użu ta’ sistemi ta’ tkessieħ.