Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba parti minn Għawdex jew Għawdex kollu, esperjenza qtugħ fil-provvista tal-elettriku mhux ippjanat li dam aktar minn siegħa, tliet sigħat, sitt sigħat u tnax-il siegħa, matul l-aħħar ħames snin?
Tista’ l-Ministru tipprovdi l-indikaturi SAIDI u SAIFI, jew indikaturi ekwivalenti dwar il-frekwenza u t-tul tal-qtugħ, separatament għal Malta u għal Għawdex għal kull waħda mill-aħħar għaxar snin?
Provvista tal-elettriku – Customer interruptions mhux ippjanati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku mhux ippjanata ġiet irreġistrata f’Għawdex mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena? Tista’ tgħid ukoll kemm damu kumulattivament u kemm-il customer interruption ġiet irreġistrata għal kull sena?
Tista’ l-Ministru telenka s-servizzi essenzjali li ngħataw prijorità għall-provvista permezz ta’ generators jew supply restoration, inklużi faċilitajiet tas-saħħa, djar tal-anzjani, infrastruttura tal-ilma u drenaġġ, telekomunikazzjoni u servizzi tal-emerġenza?
Tista’ l-Ministru tgħid x’kapaċità ta’ emergency generation kienet diġà disponibbli f’Għawdex qabel seħħ l-inċident tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fit-28 u fid-29 ta’ Awwissu 2026 u jekk din kinitx biżżejjed biex tiggarantixxi provvista lil servizzi essenzjali?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il generator ġie trasportat jew mobilizzat f’Għawdex minħabba l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fit-28 u fid-29 ta’ Awwissu 2026, x’kienet il-kapaċità f’kVA jew MW ta’ kull wieħed, fejn tqiegħed u f’liema ħin opera?
Għawdex – Kapaċità tan-network elettriku – Assumptions
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema assumptions dwar żieda fil-popolazzjoni, akkomodazzjoni turistika, żvilupp ġdid, air-conditioning, vetturi elettriċi u elettrifikazzjoni oħra ġew ikkunsidrati meta ġiet ippjanata l-kapaċità tan-network tal-elettriku f’Għawdex?
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu t-tbassir tal-Enemalta għad-domanda massima għall-elettriku f’Għawdex għall-2030, l-2035 u l-2040 u jekk l-infrastruttura attwali hijiex kapaċi tlaħħaq ma’ dawn il-livelli b’redundancy suffiċjenti?
Tista’ l-Ministru tagħti l-ogħla domanda għall-elettriku rreġistrata f’Għawdex mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena u tgħid b’kemm żdiedet f’termini assoluti u perċentwali matul dan il-perjodu?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-investiment totali previst fil-pjan ta’ disa’ snin tal-Enemalta huwa allokat speċifikament għal Għawdex, maqsuma sena b’sena u proġett bi proġett?
Tista’ l-Ministru tgħid jekk xi parti mill-investiment fuq il-programm ta’ cables u substations ġodda f’Għawdex imħabbar fl-2025 kellhiex l-għan li tnaqqas ir-riskju speċifiku ta’ qtugħ estensiv bħal dak li seħħ fit-28 u d-29 ta’ Awwissu 2026? Jekk le, x’investiment kien ippjanat biex jindirizza r-redundancy tal-provvista ewlenija lejn Għawdex?
Għawdex – Proġett ta’ cables u substations ġodda – Nefqa
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa effettiva fuq il-programm ta’ cables u substations ġodda f’Għawdex imħabbar fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u tagħti breakdown skont il-proġett?
B’referenza għat-tħabbira tal-Gvern ta’ Ġunju 2025 dwar l-installazzjoni ta’ aktar minn għaxar kilometri ta’ cables ġodda f’Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid kemm minn dawn il-kilometri kienu effettivament tlestew sat-28 ta’ Awwissu 2026, maqsuma lokalità b’lokalità?
Tista’ l-Ministru tgħid meta ġew ikkummissjonati ż-żewġ Distribution Centres li jservu lil Għawdex, x’investiment sar fihom matul l-aħħar għaxar snin u jekk hemmx ippjanati upgrades jew sostituzzjoni ta’ tagħmir f’dawn iċ-ċentri?
Tista’ l-Ministru tgħid liema wieħed miż-żewġ Distribution Centres f’Għawdex ġie affettwat waqt l-inċident tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li affettwa lil Għawdex fit-28 u d-29 ta’ Awwissu 2026? Tista' tgħid ukoll x’tip ta’ ħsara seħħet, x’ikkawżaha u kemm naqqset il-kapaċità disponibbli biex jiġi ddistribwit l-elettriku f’Għawdex?
Għawdex – Sistema tal-elettriku – Single points of failure
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx analiżi dwar single points of failure fis-sistema li tforni lil Għawdex, inkluż ir-rotta tal-cables minn Malta għal Għawdex u l-infrastruttura f’Kemmuna? Jekk iva, meta saret u x’kienu l-konklużjonijiet tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda mat-tweġiba dettaljata li diġà tajtu għall-mistoqsija parlamentari 2674, din it-tweġiba wkoll tapplika għal mistoqsijiet parlamentari oħrajn li ressaq dwar l-istess suġġett.
Il-Gvern, permezz tal-Enemalta, qed ikompli jwettaq programm ta’ investiment fl-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Għawdex, kemm biex isaħħaħ in-network eżistenti kif ukoll biex iżid il-kapaċità, l-affidabbiltà u r-reżiljenza tal-provvista.
Fil-fatt, mill-2025 sal-lum, l-investiment fi proġetti relatati mas-substations u l-cables f’Għawdex laħaq €4,298,871. Permezz ta’ dan l-investiment, kompla jissaħħaħ in-network tal-medium voltage (11kV) u tal-low voltage fil-gżira. Matul dan il-perjodu biss, tpoġġew madwar 15-il kilometru ta’ cables ġodda tal-medium voltage f’diversi lokalitajiet, fosthom ix-Xewkija, il-Qala, Għajnsielem, ir-Rabat, Sannat, il-Munxar, Marsalforn, ix-Xagħra, l-Għarb, Kerċem u l-Għasri. Dan ifisser li tpoġġew ħames kilometri aktar mill-10 kilometri mwiegħda għall-istess perjodu f’Għawdex.
F’Għawdex qed jitmexxew proġetti infrastrutturali oħrajn li għandhom l-għan li jsaħħu b’mod sostanzjali l-konnessjonijiet tal-elettriku bejn Malta u Għawdex. Kif diġà tħabbar, dawn jinkludu żewġ links ġodda ta’ 33kV bejn Malta u Għawdex, kif ukoll konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn iż-żewġ gżejjer. Dawn l-investimenti huma intiżi sabiex iżidu l-kapaċità, ir-reżiljenza u r-redundancy tas-sistema tal-elettriku li tforni lil Għawdex.
Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrijiet pubbliċi tal-Enemalta, li jagħtu aktar dettalji dwar il-programm ta’ investiment iddedikat għal Għawdex. Dan il-programm huwa intiż biex l-Enemalta żżid il-kapaċità tas-sistema u tħejji n-network biex ikun jista’ jilqa’ għad-domanda futura.
Bħala parti mit-tħejjijiet għal dawn il-konnessjonijiet il-ġodda, huwa ppjanat li matul is-sena li ġejja jsiru estensjonijiet tas-switchgear ta’ 33kV fiċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni tax-Xewkija u tal-Qala, kif ukoll fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ Vendome. Barra minn hekk, se ssir estensjoni tas-switchgear ta’ 11kV fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tax-Xewkija.
Fl-istess waqt, l-Enemalta tkompli tissorvelja u tevalwa kontinwament l-infrastruttura eżistenti li tforni l-elettriku lil Għawdex, inklużi l-feeders ta’ 33kV, ir-rotot tal-cables u l-infrastruttura relatata, bil-għan li jiġu identifikati riskji u tissaħħaħ ir-reżiljenza.
Fir-rigward tal-infrastruttura affettwata mill-ħsarat inkwistjoni, iż-żewġ feeders li seħħew ħsarat fuqhom ifornu liċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni tax-Xewkija u tal-Qala, li ġew ikkummissjonati fl-2017 u fl-1996 rispettivament. Dawn iż-żewġ ċentri huma fornuti miċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ Kemmuna.
Biex tinżamm l-affidabbiltà tal-infrastruttura eżistenti, l-Enemalta twettaq ukoll programm regolari ta’ manutenzjoni preventiva u monitoraġġ tekniku. Bħala parti minn dan il-programm, isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq is-switchgear kull sentejn fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Qala u kull tliet snin f’dak tax-Xewkija. Isiru wkoll testijiet tal-partial discharge kull tliet xhur, filwaqt li fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Qala hemm sistema ta’ monitoraġġ kontinwu, 24 siegħa kuljum, sebat’ijiem fil-ġimgħa.
Dwar il-kriterji li fuqhom l-Enemalta tiddetermina l-kapaċità meħtieġa tas-sistema tal-elettriku u tippjana l-investimenti infrastrutturali tagħha, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 2125.
Fir-rigward tal-miżuri operattivi li jittieħdu f’każ ta’ interruzzjoni fil-provvista, l-Onor. Interpellant staqsa dwar l-użu ta’ generators. Ninfurmah li dawn jintużaw skont il-ħtieġa u ċ-ċirkostanzi operattivi. F’eventwalità li jkun hemm ħtieġa li tingħata provvista permezz ta’ generators jew li jsir restawr tal-provvista, l-ewwel prijorità tingħata lill-faċilitajiet tas-servizzi tas-saħħa u lid-djar tal-anzjani.
F’dan il-kuntest, ninsab infurmata li fil-ġurnata inkwistjoni, kemm l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif ukoll Casa Giuseppe, fir-Rabat, baqgħu mqabbdin mal-grid u ma ġewx affettwati minn qtugħ fil-provvista.
Dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-prestazzjoni tan-network, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) jingħata l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni u l-affidabbiltà tan-network, liema informazzjoni tiġi pubblikata fid-dominju pubbliku permezz tan-
National Report of the Regulator for Energy and Water Services to the European Commission
. Dan ir-rapport jinkludi informazzjoni dwar in-network tal-elettriku, is-sigurtà u l-affidabbiltà tiegħu, il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda u s-sigurta tal-provvista.
Fir-rigward tal-assistenza lill-konsumaturi affettwati minn interruzzjonijiet fil-provvista, kif jaf l-Onor. Interpellant, dan il-Gvern iħaddem skema ta’ kumpens ex gratia għall-familji u n-negozji milquta. Din l-iskema hija separata mill-proċedura stabbilita għal talbiet għal danni, li permezz tagħha l-konsumaturi jistgħu jissottomettu l-Claim for Damages Application Form tal-Enemalta.
Dwar il-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni waqt inċidenti li jaffettwaw il-provvista tal-elettriku, il-Ministeru dejjem ikun f’kuntatt dirett u kontinwu mal-Enemalta matul l-istadji kollha ta’ inċident, u jinżamm aġġornat dwar l-iżviluppi, l-interventi tekniċi u l-proċess tar-restawr tal-provvista.
Min-naħa tagħha, l-Enemalta tikkomunika pubblikament hekk kif ikollha informazzjoni ċara u verifikata dwar iċ-ċirkostanzi tal-inċident. L-Enemalta tuża diversi mezzi biex iżżomm lill-pubbliku infurmat waqt interruzzjonijiet fil-provvista. Dawn jinkludu l-Live Outage Map, is-servizz tal-SMS għall-klijenti reġistrati, il-Customer Care, il-WhatsApp u Messenger chatbots, kif ukoll aġġornamenti fuq il-mezzi soċjali u informazzjoni lill-media.
L-Enemalta qed tkompli ittejjeb l-aċċess tal-klijenti għall-informazzjoni dwar il-provvista tal-elettriku permezz tas-servizzi diġitali tagħha. Il-klijenti jistgħu jidħlu permezz tal-e-ID u jaraw informazzjoni dwar ħsarat li jkunu qed jaffettwaw direttament il-provvista marbuta mal-kontijiet tagħhom, inklużi ħsarat fuq in-network tal-low voltage.
Għawdex – Ħsarat fil-feeders tal-elettriku – Contingency plan tal-Enemalta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Enemalta kellhiex contingency plan speċifiku għall-eventwalità li żewġ feeders minn tlieta lejn Għawdex ikunu barra mis-servizz simultanjament? Jekk iva, tista’ tqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra u tgħid meta ġie ttestjat l-aħħar?
Għawdex – Feeders tal-elettriku – Kapaċità massima
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-kapaċità massima tal-feeder ta’ 33kV li baqa’ operattiv u x’kienet id-domanda f’Għawdex meta seħħ l-inċident ta’ qtugħ fil-provvista tal-elettriku li affettwa lil Għawdex fit-28 u fid-29 ta’ Awwissu 2026? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm differenza, f’MW, bejn il-provvista disponibbli u d-domanda?
Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-sistema tal-elettriku li tforni lil Għawdex hijiex iddisinjata biex tibqa’ tforni lill-gżira kollha f’każ li feeder wieħed ikun barra mis-servizz? Tista’ tgħid ukoll x’livell ta’ redundancy hija mfassla biex tipprovdi s-sistema?
Għawdex – Cables tad-dawl – Temperature ratings u operating limits
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk it-temperature ratings u l-operating limits tal-cables li jfornu lil Għawdex ġewx riveduti fid-dawl tat-temperaturi ogħla u tal-perjodi itwal ta’ domanda għolja għall-elettriku li qed jesperjenza pajjiżna?