Legislature:
Category:
Reset
Active:

Iż-Żejtun - Junction tar-roundabout għal Triq tal-Barrani ma’ Vjal il-25 ta’ Novembru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkunsidrati alternattivi oħra għal junction tar-roundabout ippjanata għal Triq tal-Barrani ma’ Vjal il-25 ta’ Novembru, iż-Żejtun, u jgħid kif dawn jikkumparaw mal-proġett tar-roundabout proposta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’din il-junction ġiet immudellata roundabout mal-junction ta’ traffic lights kif inhi bħalissa.  Ir-roundabout kif proposta tat l-aħjar riżultati.  Ġew ukoll ikkunsidrati u mdaħħal fl-applikazzjoni, żewg bypass lanes bejn il-main road Tal-Barrani u Vjal 25 ta’ Novembru.

Iż-Żejtun - Proġett tar-roundabout għal Triq tal-Barrani ma’ Vjal il-25 ta’ Novembru

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru dwar il-junction tar-roundabout ippjanata għal Triq tal-Barrani ma’ Vjal il-25 ta’ Novembru, iż-Żejtun, u jgħid kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tal-ippjanar u ddisinjar ta’ dan il-proġett għadu għaddej.  L-istima għadha qed tiġi ddettaljata.

Santa Luċija - Proġett ta’ roundabout

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal għad-deċiżjoni biex il-ħruġ minn Santa Luċija minn ħdejn il-klabb tal-boċċi li kienet tagħti għar-roundabout ta’ Triq tal-Barrani, ma sarx minkejja li kien jidher fil-preżentazzjonijiet oriġinali tal-proġett tar-roundabout ta’ Santa Luċija?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjanti approvati tal-proġett ta’ Triq Ħal Luqa, Santa Luċija, kienu qed juru t-triq in kwistjoni - li kienet tgħaqqad Vjal l-Oleandri mar-roundabout diretta - magħluqa bil-bollards.  Din it-trejqa ta’ karreġġjata waħda kienet għat-telgħa mingħajr lok għal titjib fil-viżibilta’ tas-sewwieq, u toffri riskji kbar għal dak li kien joħrog fuq ir-roundabout u anke dawk li kienu iduru mar-roundabout.  Għaldaqstant din it-trejqa kellha tingħalaq għas-sigurta’ tas-sewwieqa.

Renal Unit - Appuntamenti għad-dialysis

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30373 u jgħid kemm hemm pazjenti jistennew appuntament għad-dialysis fir-Renal Unit?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ġewwa l-Isptar Materr Dei minn meta bdew it-‘twilight sessions’ nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ħamis, mhemmx waiting list f’dan il-mument.   Barra minn hekk, infurmat li qed jingħataw ukoll tliet sessions kull ġimgħa lill-aktar pazjenti. Lanqas fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, mhemmx pazjenti jistennew appuntament.

Renal Unit - Pazjenti li jagħmlu użu mid-dialysis

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30372 u jgħid kemm hemm pazjenti li jagħmlu użu mid-dialysis fir-Renal Unit?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li għar-rigward tal-isptar Mater Dei, qed jingħataw 110 sessjoni tal-haemodialysis, kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa, 100 sessjoni nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis, kif ukoll 80 sessjoni nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Ħadd. F’dan il-jiem għandna 368 pazjent li qed jirċievu Renal Replacement Therapy; 278 pazjent għall-Haemodialysis u 90 pazjent għall-Peritoneal Dialysis. Barra minn hekk, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm 47 pazjent.

Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2014/45 - Roadworthiness tests

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30370 u jgħid jekk Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2014/45 li tittratta roadworthiness tests ġietx tradotta fil-liġijiet tagħna fl-intier tagħha, inkluż fejn jidħlu testijiet perjodiċi ta’ muturi akbar minn 125cc kif kien tħabbar minn Transport Malta fl-2020? Jekk iva, jista’ jgħid meta u b’liema avviż legali, abbozz ta’ liġi jew liġi sussidjarja daħlu dawn ir-regolamenti fil-liġijiet tagħna?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom ġiet trasposta b’mod sħiħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tar-Regolamenti dwar Testijiet biex jiċċertifikaw li Vetturi bil-Mutur huma Tajba għat-Triq (L.S. 65.15).

Raħal Ġdid – Ġnien Toni Bezzina - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa maħruġa mill-Gvern, Infrastructure Malta u/jew entitajiet/awtoritajiet governattivi oħra għall-proġett ta’ Ġnien Toni Bezzina, f’Raħal Ġdid, u jagħti break down ta’ kif u fiex intefqet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijijet fi Ġnien Toni Bezzina għadhom għaddejjin u għaldaqstant l-ispiża finali ma tistax tingħata.

Raħal Ġdid – Ġnien Toni Bezzina - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa maħruġa mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid għall-proġett ta’ Ġnien Toni Bezzina, u jagħti break down ta’ kif u fiex intefqet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant jagħmel referenza għal mistoqsija parlamentaru nru 30489.

Eżamijiet tas-sewqan - Proċess ta’ appell mir-riżultat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx proċess ta’ appell mir-riżultat tal-eżami tas-sewqan ta’ kull kategorija, u kif inhu dan il-proċess f’kull kategorija?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta adottat proċedura ġdida fejn kandidat jista’ jappella r-riżultat tat-test prattiku bil-miktub billi jibgħat email fuq practicaltestpetition.tm@transport.gov.mt . Il-proċess t’appell huwa ugwali għal kull kategorija. L-Awtorità taħtar bord intern, magħmul minn uffiċjali tekniċi, li jkollu l-kariga li jirrevedi l-appell tal-kandidat. Kandidat jirċievi risposta fi żmien għoxrin (20) jum minn meta jsir l-appell.

Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2014/45 - Roadworthiness tests

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2014/45 li tittratta roadworthiness tests ġietx tradotta fil-liġijiet tagħna fl-intier tagħha, inkluż fejn jidħlu testijiet perjodiċi ta’ muturi akbar minn 125cc kif kien tħabbar minn Transport Malta fl-2020? Jekk iva, jista’ jgħid meta u b’liema avviż legali, abbozz ta’ liġi jew liġi sussidjarja daħlu dawn ir-regolamenti fil-liġijiet tagħna?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Eżamijiet tas-sewqan - Preżenza tad-driving instrucor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt eżami tal-liċenzja tas-sewqan, id-driving instructor hux permess li jkun preżenti fil-karozza mal-eżaminatur u l-istudent? Jista’ jgħid ukoll jekk il-preżenza tiegħu jew le hijiex għażla tal-istudenti jew hijiex fid-diskrezzjoni tal-eżaminatur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant illi waqt l-eżami tas-sewqan, l-istudent jista’ jagħżel li jkun akkumpanjat minn terza persuna, hekk kif stabbilit fil-Liġi Sussidjarja 65.18 – Klawsola 25.

Transport Malta - Vehicle Inspection Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jagħmlu xogħol ta’ spezzjonijiet fil-Vehicle Inspection Unit ta’ Transport Malta? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom għandhom liċenzja ta’ VRT testers?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Vehicle Inspection Unit, li tifforma parti mis-sezzjoni tal-Infurzar, tikkonsisti minn 10 uffiċjali tal-infurzar. Fir-rigward taċ-ċertifikat ta’ VRT tester, jiġi kjarifikat li l-ebda uffiċjal li jingħaqad mas-sezzjoni tal-infurzar mhu mitlub ikollu dan iċ-ċertifikat sabiex ikun eliġibbli għal dan ix-xogħol. L-uffiċjali jiġu mħarrġa apposta għat-tip ta’ xogħol li jkunu assenjati għalih.

Għawdex - Azzjonijiet ta’ infurzar ta’ Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati kien hemm mill-azzjoni ta’ infurzar ta’ Transport Malta f’Għawdex li saret f’Lulju 2025? Jista’ jgħid kemm-il vettura ġiet konfiskata u kemm persuni nstabu li qegħdin f’Malta b’mod illegali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-azzjoni ta’ infurzar li saret f’Għawdex f’Lulju 2025, ġiet ikkonfiskata vettura waħda. L-informazzjoni dwar kemm instabu persuni li qegħdin f’Malta b’mod illegali għandha tintalab lill-Ministru kkonċernat.

Agenzija għas-Servizzi Korrettivi - Organigramma tal-istruttura tat-tmexxija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14812 rigward l-organigramma li turi kif inhi mqassma l-istruttura tat-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proċess ġiex konkluż u approvat?  Jekk iva, jista’ jqiegħed l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tidher fit-tabella hawn taħt. Position Name Chief Executive Officer Christopher Siegersma Chief Operations Officer Col (retd) Etienne Scicluna Head of Finance Ayrton Mizzi Head Security and Intelligence Robert Edmondson Head Care, Reintegration & Education Mariella Camilleri Deputy Head Administration Silvio Farrugia Deputy Head Payroll Pierre Sciberras Deputy Head Health & Safety Saviour Baldacchino Deputy Head Education & Training Marie Claire Boffa Deputy Head Projects Dylan Grima Deputy Head CoRRS Gabriella Grima Micallef

Il-Gudja — Skema ta' Parkeġġ għar-Reisdenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-iskema ta’ parkeġġ għar-residenti fil-ħinijiet ta’ billejl, li ġiet applikata f’numru ta’ toroq fil-Gudja minħabba l-problema partikolari tal-Ajruport, tiġi estiża għal iżjed toroq, peress li l-problema oriġinali tidher li mxiet fit-toroq li ma jaqgħux taħt din l-iskema?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Raħħala li kellhom bhejjem li mardu b’infezzjonijiet u mietu — Ex-gratia payments

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30063, dwar ex-gratia payments li ġew allokati lil raħħala li kellhom bhejjem li mardu b’infezzjonijiet u mietu mis-sena 2021 sal-lum, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-iskemi bbażati fuq liġijiet Ewropej li qed jirreferi għalihom fl-istess tweġiba? Jista’ jgħid ukoll kemm inġiebu fondi minn kull skema fis-snin imsemmija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm skema waħda bl-isem “Compensation for Clostridial Disease Outbreaks in Dairy Cattle Operations” b'allokazzjoni ta' fondi ta' EUR 52,000 minn fondi nazzjonali, li ġiet implimentata f'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE). Nru 1407/2013, (UE) Nru 1408/2013 u (UE) Nru 360/2012 fir-rigward tal-għajnuna de minimis għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, u r-Regolament (UE) Nru 717/2014 fir-rigward tal-ammont totali ta' għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda, il-perjodu ta' applikazzjoni tagħha u kwistjonijiet oħra.

Il-Gudja — Monitoraġġ tal-kwalità tal-arja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jew xi entità oħra qattx għamlet monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fl-inħawi tal-Gudja u tal-Ajruport Internazzjonali? Jekk iva, tista’ tgħid x’kienu dawn ir-riżultati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmel monitoraġġ tal-arja permezz ta’ netwerk passiv f’diversi lokalitajiet fosthom fl-inħawi tal-Ajruport Internazzjonali li jinkludu il-Gudja, Ħal-Luqa, l-Imqabba u Ħal-Kirkop. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi r-riżultati tal-konċentrazzjoni annwali medja tal-gassijiet fl-inħawi msemmija.

ERA — Monitoraġġ għall-kwantità ta’ Fuel Vapours fl-arja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hijiex attrezzata biex tkejjel u tiċċekkja għall-kwantità ta’ Fuel Vapours fl-arja, partikolarment għall-Volatile Organic Compounds (VOCs)? Jekk iva, tista’ tgħid fejn sar dan l-iċċekkjar u l-monitoraġġ matul is-snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ERA hija attrezzata biex timmoniterja Volatile Organic Compounds (VOCs). Fil-fatt, l-ERA timmoniterja VOCs ambjentali, preċiżament benżin, etil benżin u ksileni, permezz ta’ netwerk instantanju fl-istazzjonijiet tal-Imsida u ta’ San Pawl il-Baħar kif ukoll permezz ta’ netwerk ta' monitoraġġ passiv f’żoni mifruxa ma’ Malta u Għawdex.