Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Tarxien – Triq Karlu Maratta - Tappieri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12446, u peress li kif jidher mir-ritratti annessi kien hemm tappieri li ġew magħluqa u siġillati bil-konkos fi Triq Karlu Maratta f’Ħal Tarxien, tista' l-Ministru tgħid għaliex dan sar u fejn kien pjanat li jiskula l-ilma tax-xita, hekk kif iż-żona llum il-ġurnata qed iżżomm ħafna ilma kuntrarju għal li kien jiġri qabel?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-infrastruttura li qed issir referenza għaliha ma tappartjenix lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-intervent allegat lanqas ma sar mill-Korporazzjoni.

L-Iklin – Qtugħ ta’ dawl frekwenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed jikkawża l-qtugħ ta’ dawl frekwenti fi Triq il-Wied u f’partijiet oħra tal-Iklin, peress li kien hemm minn tal-inqas tmien okkażjonijiet ta’ qtugħ ta’ dawl, li sitta minnhom ma kenux ippjanati, bejn is-27 ta’ Novembru 2025 u t-2 ta’ Frar 2026? Tista’ tgħid ukoll x’miżuri qed jittieħdu biex din is-sitwazzjoni ma tibqax tirrepeti ruħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li f’partijiet mil-lokalità msemmija, matul il-perjodu indikat fil-mistoqsija, l-qtugħ fil-provvista kien minħabba ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien, jew sospensjonijiet tas-servizz pjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.

Il-Fgura u Ħal Tarxien – Triq San Tumas u Triq Dun Karm Sant – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qed isir fi Triq Dun Karm Sant, Ħal Tarxien, u fi Triq San Tumas, il-Fgura, huwiex qed isir minn x’entità li taqa’ taħtu? Jekk iva, jista’ jgħid fiex jikkonsisti dan ix-xogħol, kemm hu mistenni li se jiġi jiswa, u meta hu mistenni li jitlesta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija mhumiex isiru minn dan il-Ministeru.

Il-Fgura u Ħal Tarxien – Triq San Tumas u Triq Dun Karm Sant – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol li qed isir fi Triq Dun Karm Sant, Ħal Tarxien, u fi Triq San Tumas, il-Fgura, huwiex qed isir minn x’entità li taqa’ taħtha? Jekk iva, tista’ tgħid fiex jikkonsisti dan ix-xogħol, kemm hu mistenni li se jiġi jiswa, u meta hu mistenni li jitlesta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Tas-Sliema - Triq San Ġwann il-Battista u Triq Sant'Agata – Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed iwassal biex numru ta' djar fl-inħawi ta' Triq San Ġwann il-Battista u Triq Sant' Agata f’Tas-Sliema, qed jinqagħtalhom id-dawl b'mod frewkenti, madwar tliet darbiet f'xahar, inkluż okkażjoni fejn ir-residenti damu 17-il siegħa mingħajr enerġija? Tista' tgħid ukoll meta hu ppjanat li din il-problema tissolva għal kollox?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fit-toroq indikati, l-qtugħ fil-provvista kien skont ma jiġri f’ċirkostanzi normali, jew minħabba ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien, jew inkella s-sospensjonijiet tas-servizz kienu ppjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli. Infurmata wkoll li fir-rigward taċ-ċirkostanza partikolari li qed issir referenza għaliha fil-mistoqsija, l-ħsara dak inhar ġrat kaġun tal-maltempata ‘Harry’ li laqtet lill-pajjiż fejn ġew ikkawżati numru ta’ ħsarat bir-riħ qawwi fuq l-linji tat-triq. Madankollu, it-tiswijiet setgħu jiskattaw biss kif naqset il-forza tar-riħ biex tkun imaħrsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema minħabba li biex issir it-tiswija kien hemm bżonn li jintużaw ‘cherry pickers’. Ladarba l-maltemp beda jnaqqas, inbeda x-xogħol u ngħatat lura l-provvista tal-elettriku.

ARMS - Qari tal-meters

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 33857 u tgħid kemm hu n-numru ta’ meters li l-qari tagħhom jasal regolari b’mod awtomatiku għand l-ARMS?  Tista’ tgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ meters li l-konsumaturi jridu jagħtu l-qari tagħhom huma jew jistennew meter reader?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Gudja - Transport Malta - Illegalitajiet minn karozzi tal-kiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ħadet s’issa Transport Malta dwar illegalitajiet minn karozzi tal-kiri fi spazji pubbliċi fil-Gudja, li ġew irrappurtati fl-24 ta’ Novembru 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala parti mill-ħidma tas-Sezzjoni tal-Infurzar, ittieħdu diversi azzjonijiet bil-għan li jiġi indirizzat u mnaqqas kwalunkwe abbuż li seta’ beda jseħħ min-naħa ta’ ċerti kumpaniji tal-kiri li joperaw mill-inħawi viċin l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-uffiċjali tal-Infurzar jissorveljaw din iż-żona f’diversi ħinijiet tal-ġurnata sabiex, f’każ li jiġu osservati vetturi tal-kiri pparkjati barra u li ma jkunux mikrijin, dawn jiġu mħarrka. Skont ir-regoli applikabbli, vetturi tal-kiri jistgħu jiġu pparkjati fuq barra biss jekk ikunu mikrijin, filwaqt li vetturi li għadhom ma ġewx mikrija għandhom jinżammu ġewwa l-faċilitajiet tal-kumpanija. L-Awtorità qed taħdem mill-qrib mal-kunsilli lokali fl-istess inħawi, sabiex f’każ ta’ rapporti mingħand ir-residenti dwar irregolaritajiet, jintbagħtu uffiċjali fuq il-post biex jassistu u jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa kontra min ikun qed jabbuża.

Il-Gudja - Triq Pietro Gagliardi - Rapport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar dwar ir-rapport li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li jirrigwarda użu ta’ garaxxijiet għal skop kummerċjali kontra l-liġi tal-ippjanar fit-triq li isimha qed jintbagħat separatament ukoll fil-Gudja, minn meta sar dan ir-rapport fil-15 ta’ Diċembru 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret spezzjoni mid-Direttorat tal-Konformità u Infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar fis-sit fejn ġie rrappurtat użu illegali ta’ garaxxijiet għal skopijiet kummerċjali fi Triq Pietro Gagliardi, Il-Gudja.  Waqt l-ispezzjoni, il-garaxxijiet kienu vojta u ma kien qiegħed isir l-ebda xogħol fihom.

Il-Gżira - Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jitranġaw jew isiru mill-ġdid Triq San Albert; Triq Cameron; Triq il-Kubrit u Triq Reid, fil-Gżira?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq San Albert, Triq Cameron, Triq il-Kubrit u Triq Reid, fil-Gżira huma inklużi fil-lista ta’ toroq li l-Kunsill Lokali ppropona lil Infrastructure Malta biex twettaq xogħlijiet fihom. Ix-xogħol jibda skont l-esiġenzi tat-toroq li l-Kunsill Lokali ppropona.

ARMS - Kontijiet - Audit indipendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min qed jagħmel l-audit indipendenti fuq is-sistema tal-kontijiet tal-ARMS u x’inhuma t-terms of reference ta’ dan l-audit?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li l-kumpanija li tqabbdet mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika hija l-kumpanija tal-awditjar Grant Thornton Malta. L-għan tal-audit hu li b’mod indipendenti jistabbilixxi dak kollu li seħħ u r-rispons għalih, kif ukoll li jipprovdi rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni, bil-għan li finalment ikomplu jissaħħu s-sistemi ta’ governanza tal-ARMS. Nirreferi wkoll għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33754, fejn assigurajt ukoll li anke f’dan il-każ kulħadd jieħu dak li hu tiegħu.

ARMS - Qari tal-meters

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ meters li l-qari tagħhom jasal regolari b’mod awtomatiku għand l-ARMS?  Tista’ tgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ meters li l-konsumaturi jridu jagħtu l-qari tagħhom huma jew jistennew meter reader?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

ARMS Ltd – Eko-riduzzjoni – Nuqqasijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-ARMS tafx kemm kien l-ammont ta’ kontijiet residenzjali milquta min-nuqqas tekniku li wassal biex jitilfu l-eko-riduzzjoni, u jekk iva, kemm kien preċiżament dan l-ammont?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika dwar is-suġġett, fejn fiha spjegajt ukoll li ħtart audit indipendenti. Se nistenna l-eżitu ta’ dan l-audit. Peró għall-korrettezza qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija tal-ARMS li fiha kien hemm inkluż ukoll email tal-ARMS li wriet li meta l-Onor. Interpellant mar jikkwota emails quddiem il-bini tal-ARMS, kien qed jiċċensura l-istess emails biex ta impressjoni li ma tirriżultax meta wieħed jara l-korrispondenza sħiħa. Irrid infakkar ukoll li huwa dan il-Gvern li dejjem assigura l-orħos kontijiet tal-enerġija, u l-istess se jibqa’ jagħmel. L-istess kif solva inġustizzji mal-konsumaturi li ħalla Gvern Nazzjonalista kif spjegat ukoll fl-istqarrija tal-Ministeru li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Finalment, nassigura wkoll li anke f’dan il-każ kulħadd jieħu dak li hu tiegħu.

CfT: (OPEN ACCELERATED) WSC/T/084/2025 - WORKS – SUPPLY, LAY AND COMMISSION OF NEW PIPELINES IN THE PEMBROKE-TA’ QALI TUNNEL FOR THE WATER SERVICES CORPORATION – Offerenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33613, peress li fil-link provdut hemm biss id-dokumenti li bihom inħareġ it-tender, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tas-sottomissjonijiet li saru mill-offerenti, inkluż dawk li rebħu t-tender?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 33613, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni provduta f’din il-link https://www.etenders.gov.mt/epps/eawarding/showDetailsOpenedTender.do?resourceId=12461784 , li qed inpoġġi screenshot tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra. Kwalunkwe informazzjoni u dokumenti mhux aċċessibbli mill-pjattaforma tal-ePPS huma ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant ma jistgħux jiġu pubblikati.

Santa Venera - Triq Carini - Vultaġġ ħażin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux rapporti dwar vultaġġ ħażin fi Triq Carini, Santa Venera, u jekk iva, meta hu ppjanat li tiġi solvuta l-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li saru żewġ rapporti dwar it-triq indikata u l-Enemalta ħadet azzjoni billi saru xogħlijiet fis-substation biex ġie rranġat il-vultaġġ. Għaddejjin ukoll preparamenti biex f’din iż-żona ta’ Santa Venera jsiru cables ġodda ta’ vultaġġ baxx.

CfT: (OPEN ACCELERATED) WSC/T/084/2025 - WORKS – SUPPLY, LAY AND COMMISSION OF NEW PIPELINES IN THE PEMBROKE-TA’ QALI TUNNEL FOR THE WATER SERVICES CORPORATION

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha sottomessi fl-għoti tat-tender ‘CfT: (OPEN ACCELERATED) WSC/T/084/2025 - WORKS – SUPPLY, LAY AND COMMISSION OF NEW PIPELINES IN THE PEMBROKE-TA’ QALI TUNNEL FOR THE WATER SERVICES CORPORATION’, dwar pipelines ġodda fit-tunnel bejn Pembroke u Ta’ Qali għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li, b’referenza għat-tender li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, id-dokumenti li huma meqjusin pubbliċi diġá huma aċċessibblii mill-pjattaforma tal-ePPS permezz ta’ din il-link https://www.etenders.gov.mt/epps/cft/viewContractNotices.do?resourceId=12461784 , kif jidher fl-iscreenshot li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Gudja – Triq Bettina u Triq San Ċiru – Bozza maqtugħa

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-bozza maqtugħa fil-kantuniera ta’ Triq Bettina u Triq San Ċiru fil-Gudja, li ilha tiġi rrappurtata mill-inqas mit-12 ta’ Novembru 2025, tiġi rranġata? Tista’ tgħid ukoll x’qed jikkawża d-dewmien fl-indirizzar ta’ rapporti ta’ ħsarat ta’ dan it-tip?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li r-rapport wasal għand l-Enemalta ftit ġimgħat ilu u x-xogħlijiet ta’ tiswija għandhom isiru din il-ġimgħa malli t-temp jippermetti.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma - Ftehim kollettiv

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim kollettiv tal-impjegati tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li huwa fis-seħħ bħalissa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Id-dokument mitlub huwa kummerċjalment sensittiv u mhux qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.  Il-kundizzjonijiet huma dawk maqbula bejn l-Amministrazzjoni, WSC u l-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-entità.

San Vincenz de Paul – Renal Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tinfetaħ ir-Renal Unit ġewwa r-Residenza San Vincenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll b’kemm-il pazjent se jibda jopera?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ tlestija tal-aħħar xogħlijiet fuq ir-Renal Unit fi ħdan San Vinċenz de Paul wasal fi stadju avvanzat, u l-unit se jkun f’pożizzjoni li jibda jopera matul dan l-ewwel kwart ta’ din is-sena. Il-unit se jkun mgħammar b’ħames magni tad-dijaliżi, flimkien ma’ magna addizzjonali li se sservi bħala riżerva. Dan id-dipartiment se joffri kapaċità ta’ madwar 70 sessjoni ta’ dijaliżi fil-ġimgħa. L-operazzjonijiet se jitħaddmu b’mod gradwali, b’kapaċità inizjali ta’ massimu ta’ 10 slots ta’ dijaliżi kuljum.