Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Swieqi - WSC - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xogħlijiet ta' tħaffir għaddejjin mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fl-inħawi tas-Swieqi? Jekk iva, tista' tara jekk hux possibbli li dawn ix-xogħlijiet ma jibdewx kmieni qabel is-sebħ u jekk hux possibbli li dan il-makkinarju jkollu xi tip ta' rubber mountings biex jitnaqqas l-inkonvenjent ta' vibrazzjonijiet fuq ir-residenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’xogħlijiet fi Triq l-Għajn u li dawn jibdew wara s-7.30 ta’ filgħodu. Infurmata wkoll li l-makkinarju li qed jintuża huwa ta’ daqs regolari, filwaqt li l-Korporazzjoni, bħalma jsir fi kwalunkwe proġett, qed tassigura li jkunu segwiti r-regolamenti stipulati waqt ix-xogħlijiet.

Enemalta - Montenegro - Proġett tal-windfarm

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Enemalta  baqgħalhiex  sehem fil-proġett tal-windfarm fil-Montenegro sal-lum il-ġurnata, u jekk iva, x’arranġament għandha biex tforni l-elettriku minnu?  Tista’ tgħid ukoll xi profitti/dividends qalgħet minn dan l-investiment f’dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 34578, ninsab infurmata li l-Enemalta għad għandha sehem indirett fil-proġett tal-windfarm fil-Montenegro għal 28.9% tal-proġett. Bħala azzjonisti indiretti nifhmu li hemm power purchase agreement mad-distributur tal-Montenegro.

Dħul mill-kirjiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35044, jista' l-Ministru jispjega kif numru ta' taxpayers inkluż pensjonanti u l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, irċevew nota, li d-dettalji dwarha wkoll qed jingħataw separatament, li ma ppermettitilhomx jiddikjaraw id-dħul minn kirjiet passivi fil-kaxxa 11a fil-formola tat-taxxa iżda ġegħlithom jiddikjarawhom bit-TA24, li f'ħafna każijiet fissret mijiet ta' ewro żejda f'taxxa dovuta?

Response (CARUANA, CLYDE)

It-tweġiba oriġinali kienet tirreferi għal każi komuni fejn koppja tkun intaxxata fuq return waħda, jew b’komputazzjoni ta’ miżżewġin jew b’ komputazzjoni separata. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin, daħħalna opzjoni oħra fejn, meta ċertu kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, koppji miżżewġin jistgħu jagħżlu li t-tnejn li huma jibagħtu formola tat-taxxa separata minn xulxin. Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li ż-żewġ konjuġi jkollhom it-tnejn li huma income taxxabbli minn negozju, salarju jew pensjoni. Meta ssir din l-għażla ta’ returns separati, u xi ħadd mill-konjuġi jkollu income minn kirjiet jew income minn ċerti investimenti (dawk li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet dwar l-“ income minn investiment” fl-Att dwar it-Taxxa fuq l- Income ), l-għażla li l- income mill-kirja ma tkunx intaxxata bir-rata ta’ 15% finali (bit-TA 24) ma tibqax applikabbli jekk it-total tal- income minn sorsi oħra mhux imsemmija f’dan il-paragrafu ma jaqbiżx it- tax free bracket (jiġifieri l-ammont ta’ income li huwa taxxabbli b’rata ta 0%). L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa sabiex it-taxxa fuq l- income ta’ koppji li jagħżlu li jibagħtu formoli separati tkun tixbah it-taxxa fuq l- income ta’ koppji li jagħżlu li jibagħtu formola waħda tat-taxxa bejnithom. Fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, jekk ma jagħżlux li l- income minn kirja ma tiġix intaxxata bir-rata finali ta’ 15%, dan l- income ikun magħdud mal- income tal-konjuġi li għandu l-ogħla income taxxabbli minn negozju, salarju jew pensjoni, irrispettivament minn ta’ min hu l- income mill-kirja, u allura jiġi ntaxxat b’rati aktar għolja. B’hekk l-għażla ta’ returns separati issir għal raġunijiet ġenwini u mhux sempliċiment biex tiġi evitata t-taxxa.

ARMS - Kontijiet - Nuqqas tal-eko-riduzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il kont tal-elettriku kellha tirrevedi l-ARMS minħabba nuqqas tal-eko-riduzzjoni minn Jannar sal-ġurnata fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif jaf l-Onor. Interpellant u anke spjegajt f’din il-Kamra nkluż b’risposti għal mistoqsijiet parlamentari, dwar dan is-suġġett inħatar audit indipendenti. Dan l-audit għad irid ikun finalizzat. Infakkar li bħal dejjem dan il-Gvern ta u jagħti garanzija li kull klijent jieħu dak li hu tiegħu.

Elettriku - Accounts residenzjali - Persuni reġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm hawn accounts residenzjali tal-elettriku li għandhom reġistrata fuqhom persuna waħda, tnejn, tlieta, erbgħa, eċċ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, kif mgħoddija lili.

Dħul mill-kirjiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux obbligatorju li taxpayer jiddikjara d-dħul mill-kirjiet bil-formula TA24, jew għandu l-għażla li jdaħħalhom ukoll mal-formola tat-taxxa tad-dħul (Income Tax) fis-sezzjoni 11a? Jista' jgħid ukoll jekk din l-għażla, tgħoddx ukoll għall-pensjonanti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi taxpayer jista’ jiddikjara d-dħul mill-kirjiet fil-formola TA24. Din l-għażla trid tkun applikata għall-kirjiet kollha li jkun daħħal it-taxpayer għal dik is-sena. Madankollu, taxpayer għandu l-għażla wkoll li jiddikjara id-dħul mill-kirjiet fil-formola tat-taxxa fuq l-income u self-assessment kif spjegat hawn taħt: Jekk id-dħul mill-kirjiet ikun ġej minn attività ta’ negozju (bħal, per eżempju, fil-każ ta’ short lets ), l-income nett wara li jitnaqqsu l-ispejjeż għandu jiġi ddikjarat fis-sezzjoni tnejn (2) tal-formola tat-taxxa u jrid jiġi mehmuż rendikont ta’ dħul u spejjeż ( profit and loss account ) li juri kif wasal għall-income nett. Jekk id-dħul mill-kirjiet ma jkunx ġej minn attività ta’ negozju (jiġifieri jkun dħul passiv) id-dħul mill-kirjiet jista’ jiġi ddikjarat fil-kaxxa 11a tal-formola tat-taxxa u jintalab it-tnaqqis permess mil-liġi f’paġna tlieta (3) tal-istess formola. Dawn l-għażliet japplikaw ukoll għall-pensjonanti.

CfT: (OPEN ACCELERATED) WSC/T/084/2025 - WORKS – SUPPLY, LAY AND COMMISSION OF NEW PIPELINES IN THE PEMBROKE-TA’ QALI TUNNEL FOR THE WATER SERVICES CORPORATION – Offerenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33751, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskedi tekniċi tal-materjali, fittings u apparat li l-offerenti (Bidders) issottomettew li ser jużaw fit-tender submissions tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li diġà ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 33751, ninsab infurmata li l-iskedi tekniċi tal-materjali, fittings u apparat li l-offerenti (bidders) issottomettew kienu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet u r-rekwiżiti tekniċi hekk kif ippubblikati fis-sejħa għall-offerti.

Sistema tas-servizz tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid, jekk qabel jitwaħħal servizz ta' drenaġġ, jiġix verifikat li r-run-off tal-ilma tax-xita ma jkunx imqabbad mad-drenaġġ? Jekk iva, tista' tgħid min jagħmel din il-verifika?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sistema tal-ilma tax-xita tiġi verifikata waqt il-proċess tal-compliance fuq il-permess tal-iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar.  Jekk ma jingħatax il-green light mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, dan il-compliance ma joħroġx.

Ħruġ ta’ Compliance Certificates

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu responsabbli biex jivverifika li jinħareġ compliance certificate qabel jingħata servizz tad-dawl jew tal-ilma? Tista’ tgħid jekk hijiex l-ARMS, jew l-entità konċernata, jiġifieri l-Enemalta jew il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mal-applikazzjoni għas-servizz tad-dawl u l-ilma, ARMS titlob kopja tal-compliance certificate li jkun applika għalih l-applikant mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Ħal Tarxien – Triq Karlu Maratta - Tappieri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34235 u 34306 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12446, u peress li kif jidher mir-ritratti annessi kien hemm tappieri li ġew magħluqa u siġillati bil-konkos fi Triq Karlu Maratta f’Ħal Tarxien, tista' l-Ministru tgħid għaliex dan sar u fejn kien pjanat li jiskula l-ilma tax-xita, hekk kif iż-żona llum il-ġurnata qed iżżomm ħafna ilma kuntrarju għal li kien jiġri qabel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħal Tarxien li, fl-2023, kien ġie rrappurtat li allegatament intefa’ konkos fit-tappiera sabiex tingħalaq minn xi ħadd mhux magħruf. Il-Kunsill kien innotifika minnufih lill-awtoritajiet kompetenti u ġie mgħarraf li l-konkos li allegatament twaddab mela wkoll l-ispazju ta’ taħt it-tappiera. Fid-dawl ta’ dan, sabiex it-tappiera terġa’ tinfetaħ, ikun jeħtieġ li titneħħa parti mit-triq.

WSC – Servizz tal-ilma u drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 34269 u tgħid jekk kienx hemm każijiet mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) provdiet is-servizz tal-ilma u d-drenaġġ qabel ma nħareġ compliance certificate tal-post fejn ingħata? Jekk iva, tista' tgħid kemm kien hemm minn dawn il-każijiet u tgħid x'kienu r-raġunijiet għalfejn ingħata dan it-tip ta' permess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tmexxi bil-provvediment tas-servizzi a bażi tan-notifiki li tirċievi min-naħa tal-ARMS fuq applikazzjonijiet li din tal-aħħar tkun irċeviet. Fejn jidħlu applikazzjonijiet għall-konnessjonijiet ta’ drenaġġ dawn huma preklużi mill-compliance certificate, minħabba li t-tqabbid man-network tal-KSI huwa wieħed privat. Il-Korporazzjoni tkun infurmata f’dawn il-każijiet u jsir ftehim mal-partijiet konċernati kollha dwar kif għandha ssir il-konnessjoni.

Enemalta – Servizz tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 34268 u tgħid jekk kienx hemm każijiet mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fejn l-Enemalta provdiet is-servizz tal-elettriku qabel ma nħareġ compliance certificate tal-post fejn twaħħlu? Jekk iva, tista' tgħid kemm kien hemm minn dawn il-każijiet u tgħid x'kienu r-raġunijiet għalfejn ingħata dan it-tip ta' permess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta tmexxi bil-provvediment tas-servizzi a bażi tan-notifiki li tirċievi min-naħa ta’ l-ARMS fuq applikazzjonijiet li din tal-aħħar tkun irċeviet.

Il-Mosta - Triq Salvu Gatt - Problemi ta’ vultaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed iwassal biex numru ta’ djar fl-inħawi ta’ Triq Salvu Gatt, il-Mosta, qed ikollhom il-vultaġġ jitla’ u jinżel spiss? Tista’ tgħid ukoll meta hu ppjanat li din il-problema tissolva għal kollox?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fiż-żona indikata kien hemm ħsara fuq feeder partikolari u li din issewwiet. Infurmata wkoll li Enemalta qed tippjana li f’din iż-żona jsiru iktar feeders.

Malta - South H2 Corridor

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux tentattivi mill-Enemalta, mal-Operaturi involuti jew mill-Gvern Malti mal-Kummissjoni Ewropea, sabiex Malta tingħaqad mal-pipeline tal-idroġenu li hu ppjanat mill-Alġerija għall-Ġermanja via t-Tuneżija, l-Italja u l-Awstrija, magħruf bħala South H2 Corridor, u li ġie kkonfermat bħala Project of Common Interest mill-Kummissjoni Ewropea?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li fl-2022–2023 tlestew l-istudji neċessarji, l-Gvern ħa l-passi meħtieġa biex id-disinn tal-proġett tal-pipeline bejn Malta u Gela fi Sqallija jiġi rivedut u aġġornat biex il-pipeline ikun jista’ jintuża wkoll għall-idroġenu bħala pipeline “hydrogen-ready” . Dawn l-istudji servew mhux biss biex jiġi modifikat id-disinn tal-pipeline, iżda wkoll għamlu possibbli l-valutazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha l-proġett żamm postu fil-lista tal-Proġetti ta’ Interess Komuni (PCI). Bħala parti minn din il-valutazzjoni, tqies ukoll il-Proġett South H₂ Corridor – proġett maħsub biex jittrasmetti l-idroġenu mill-Afrika ta’ Fuq għall-Ewropa u li jgħaddi mill-infrastruttura tal-gass f’Enna (fi Sqallija), li diġà hija konnessa ma’ Gela fin-netwerk tal-gass ta’ Sqallija. Għalhekk, fil-każ li dan il-proġett South H₂ Corridor jimmaterjalizza, u kif semmejt qiegħed fil-lista tal-PCI, hemm il-potenzjal li l- Melita TransGas hydrogen-ready pipeline bejn Malta u Sqallija jkun jista’ jqassam l-idroġenu minn Gela permezz ta’ dan il- Corridor . Għaldaqstant, il-Gvern qed jissorvelja mill-qrib il-progress ta’ dan il-proġett u d-disponibilità tal-idroġenu fi Sqallija.

Qtugħ ta’ dawl

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34124, tista’ l-Ministru tgħid x’kienet it-tip ta’ ħsara lokalizzata jew manutenzjoni fi Triq il-Wied u f’partijiet oħra tal-Iklin imsemmija f’kull waħda minn dawn l-istanzi: - 27 ta’ Novembru 2025 bejn 1am - 9am; - 4 ta’ Diċembru mal-lejl; - 4 ta’ Diċembru bejn 3.15pm - 8pm; - 5 ta’ Diċembru bejn 7am u 12.15pm; - 9 ta’ Diċembru; - 18 ta’ Diċembru, manutenzjoni ppjanata bejn 10pm-5am; - 31 ta’ Diċembru bejn 11.15am - 1.30pm; u - 2 ta’ Frar 2026, ippjanata bejn 8.30am - 2pm, imma s-servizz ġie lura fl-4pm?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fiż-żona indikata żviluppaw ħsarat fuq feeder partikolari. Għaldaqstant, apparti li saru xogħlijiet fuq tiswija ta’ dan il-feeder sar ukoll rinfurzar tas-sistema b’feeder ġdid u manutenzjoni fuq is-sistema inġenerali. Kull meta kien possibbli, dawn ix-xogħlijiet saru  mal-lejl biex l-inkonvenjent kien mill-inqas possibbli.

Ħal Tarxien – Triq Karlu Maratta - Tappieri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34235 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12446, u peress li kif jidher mir-ritratti annessi kien hemm tappieri li ġew magħluqa u siġillati bil-konkos fi Triq Karlu Maratta f’Ħal Tarxien, tista' l-Ministru tgħid għaliex dan sar u fejn kien pjanat li jiskula l-ilma tax-xita, hekk kif iż-żona llum il-ġurnata qed iżżomm ħafna ilma kuntrarju għal li kien jiġri qabel?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-intervent allegat ma sarx mill-Ministeru jew entitajiet fi ħdanu.

WSC – Servizz tal-ilma u drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm każijiet mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) provdiet is-servizz tal-ilma u d-drenaġġ qabel ma nħareġ compliance certificate tal-post fejn ingħata? Jekk iva, tista' tgħid kemm kien hemm minn dawn il-każijiet u tgħid x'kienu r-raġunijiet għalfejn ingħata dan it-tip ta' permess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tingħata tweġiba f’seduta oħra.

Enemalta – Servizz tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm każijiet mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fejn l-Enemalta provdiet is-servizz tal-elettriku qabel ma nħareġ compliance certificate tal-post fejn twaħħlu? Jekk iva, tista' tgħid kemm kien hemm minn dawn il-każijiet u tgħid x'kienu r-raġunijiet għalfejn ingħata dan it-tip ta' permess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tingħata tweġiba f’seduta oħra.

Il-Marsa – Art tal-powerstation l-antika

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-art fejn kienet il-powerstation l-antika fil-Marsa hijiex proprjetà tal-Gvern, tal-Enemalta jew ta' terzi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art fejn kienet il-powerstation l-antika qiegħda fuq il-kotba ta’ Enemalta.