Legislature:
Category:
Reset
Active:

Carers – ingaġġ ta’ barranin

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-kumpanija li tipprovdi l-carers fir-Residenza San Vinċenz de Paule Health Care qed timpjega l-barranin minflok il-Maltin? Jista’ jgħid għalfejn il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament marret għall-interview ma’ kandidati barranin u ġew impjegati l-barranin minflokha? Fil-fatt l-istess persuni barranin li għamlu l-kors magħha, ġew mibgħuta jagħmlu interview mill-Health Care u hi anqas biss issejħet għall-interview u dan meta l-JobsPlus qed tirreklama li hemm vakanzi ta’ carers u fil-fatt din il-persuna ġiet riferuta għand il-Health Care mill-JobsPlus stess u dan meta din il-persuna għamlet kors ta’ erba’ xhur għal carer u għaddiet mill-eżami finali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-reġistrazzjoni tal-carers mal-Kumpanija li tipprovdi s-servizz tal-carers huwa kompletament f’idejn il-Kumpanija.

Sptar Monte Karmeli – Sala Numru 7 tal-Irġiel – TV u siġġijiet

Question

Billi irċevejt bosta lmenti minn diversi qraba tal-pazjenti li jirrisjedu fis-Sala tal-irġiel Nru 7 fl-Isptar Monte Karmeli, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx possibiltà li jiżdied TV ieħor u jiġi aċċertat li jkun hemm biżżejjed siġġijiet quddiem it-TV għax kif inhi is-sitwazzjoni illum, ninsab infurmat li l-pazjenti jridu jistennnew lil xi ħadd iqum biex joqogħdu bilqiegħda jaraw it-TV?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sala tal-isptar imsemmi minnu, kull pazjent għandu fejn joqgħod bil-qegħda. Fil-preżent diġa hemm żewġ televiżjonijiet u qiegħed isir xogħol biex is-sistema tat-televiżjoni tinbidel għal waħda interattiva. B’hekk ikun jista jitwaħħal it-tielet televiżjoni f’parti oħra tas-sala.

Tender għas-servizz ta’ ġarr tal-passiġġieri bil-baħar bejn il-Belt, Tas-Sliema u t-Three Cities

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17674, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba li qed jagħmel referenza għaliha, u ċjoè t-talba li qed jgħid li saret mis-soċjetà Marsamxetto Steamferry Services Ltd u kwalunkwe korrispondenza oħra relatata mas-suġġett? Jista’ jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-estensjoni li ngħatat inklużi t-termini u kundizzjonijet?

Response (BORG, IAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-dokumentazzjoni minnu mitluba ma jistgħux jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra peress li huwa ta’ natura kummerċjalment sensitiva.

Pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li qiegħda f’dar għall-anzjani li d-dettalji dwarha wkoll qed jingħataw separatament peress li l-gvern qed jieħu l-pensjoni tagħha kollha kif ukoll ġiet mitluba biex tagħmel Standing Order il-bank biex jinġibdu aktar flus? Jista’ l-Ministru ġentilment jara li dan il-każ jiġi riżolt mill-aktar fis possibbli?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ li d-dettalji dwaru ingħataw b’mod separat, ġie mistħarreġ mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, u ġie kkonfermat li l-każ nħadem b’mod korrett, min naħa tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, dejjem skont l-informazzjoni disponibbli għand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Wild animals f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jagħti lista, bin-numru u l-ispeċi ta’ wild animals differenti li hawn f’Malta u li l-Gvern jaf bihom? Jista’ jgħid kemm minnhom qed jinżammu f’zoos(kemm dawk illegali kif ukoll dawk legali) u kemm minnhom qed jinżammu f’residenzi privati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoggi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni reġistrati li qed i¿ommu Dangerous Animals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni reġistrati li qed iżommu annimali li huma meqjusa bħala “Dangerous Animals”?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 14-il persuna rreġistrata li żżomm annimali li huma meqjusa bħala ‘Dangerous Animals’ skond L.S.439.19.

Dangerous Animals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, jekk il-liġi titlobx li annimali meqjusa bħala “Dangerous Animals” għandhomx jinżammu f’zoos? X’inhi l-pożizzjoni ta’ dawk il-persuni li kellhom diġà annimali perikolużi fil-pusses tagħhom qabel il-liġi nbiddlet ċjoè li issa “Dangerous Animals” għandhom jinżammu f’zoos? Kemm minnhom irreġistraw li għandhom annimali perikolużi għandhom? Ġew mitluba jeħduhom f’zoo jew jirreġistraw l-annimali perikolużi tagħhom? Jekk iva kemm hu n-numru ta’ annimali reġistrati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ‘Dangerous Animals’ jistgħu jinżammu ġo stabbilimenti żooloġiċi u ġewwa siti li huma konformi mal-L.S. 439.19, li huma kollezzjoni privati. M’hemm l-ebda tibdil fil-liġi li jġiegħel l-annimali perikolużi biex jinzammu ġo żoos biss, dawn jistgħu jinżammu f’siti privati wkoll. Hemm 14-il persuna li huma rreġistrati biex iżżommu annimali perikolużi fuq is-siti privati tagħhom. Dawn in-nies irreġistraw l-annimali periklużi u ma ġewx mitluba biex jeħduhom fiż-żoos. In-numru ta’ annimali perikolużi li huma reġistrati ġo siti li jżommu l-annimali perikolużi, skond il-proviżjonijiet tal-L.S. 439.19, huma 55.

Persuni japplikaw biex iżommu wild animals fir-residenza privata tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk persuni llum jistgħux japplikaw biex iżommu “wild animals” fir-residenza privata tagħhom anki jekk l-“enclosure” fejn qed jinżammu dawn il-“wild animals” ikun konformi skont il-liġi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jekk hemm speċi ta’ ‘wild animals’ li mhumiex perikolużi u li mhumiex għall-wiri, dawn jistgħu jinżammu fir-residenza tan-nies, jekk l-enclosure fejn qed jinżammu huma konformi mal-liġi u sakemm iż-żamma tagħhom ma tmurx kontra xi liġi oħra.

Antidote għall-annimali li jistgħu jivvalenaw il-bniedem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-liġi tobbligax biex dawk il-persuni li jżommu annimali li jistgħu jivvalenaw il-bniedem b’gidma jew tingiża, biex jimpurtaw antidote għall-velenu tal-ispeċi tagħhom u jridu jżommu wieħed id-dar u ieħor għand l-Awtoritajiet tas-Saħħa? Kemm hawn persuni li ġabu antidote għall-annimali velenużi li qed iżommu, sabiex ikunu konformi mal-liġi?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tiġi miġbura u ser tingħata f’seduta oħra.

Tender għas-servizz ta’ ġarr tal-passiġġieri bil-baħar bejn il-Belt, Tas-Sliema u t-Three Cities

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid meta hu maħsub li se joħroġ it-tender għall-ġarr tal-passiġġieri bil-baħar bejn il-Belt Valletta, Tas-Sliema u t-Three Cities?

Response (BORG, IAN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, wara sejħa għall-offerti li kienet saret, permezz ta’ Kuntratt ta’ Servizz datat l-1 t’Ottubru, 2012 is-socjeta’ Marsamxetto Steamferry Services Limited kienet ingħatat id-dritt illi topera servizz għall-ġarr ta’ passiġġieri bil-baħar bejn il-Belt Valletta, tas-Sliema u l-Kottonera. Dan il-Kuntratt ta’ Servizz kellu terminu ta’ tmien snin. Permezz tal-imsemmi Kuntratt l-Awtorita’ kienet intrabtet illi tonora numru ta’ obbligazzjonijiet fosthom illi tibni numru ta’ Landing Places hekk kif stabbilit fl-imsemmi Kuntratt ta’ Servizz. Is-soċjeta’ Marsamxetto Steamferry Services Limited ghamlet talba mal-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta sabiex dan il-Kuntratt ta’ Servizz jiġi estiż għall-perjodu ta’ ħmistax-il (15) sena abbażi tal-fatt illi kien hemm dewmien biex jibda jingħata dan is-servizz minħabba proċeduri ġudizzjarji istitwiti minn terzi u kif ukoll minħabba n-nuqqas da parti tal-Awtorita’ illi tonora b’mod sħiħ u tempestiv l-obbligazzjonijiet tagħhom relattivament għall-proviżjoni ta’ dawn il-Landing Places filwaqt li rriżervat id-dritt li tfittex lill-Awtorita’ għad-danni. L-imsemmija soċjeta’ pproponiet li, in kontrokambju għal tali estensjoni taż-żmien, tagħmel investiment ta’ ħames miljun Ewro f’opri tal-baħar li huma environmentally-friendly, servizz ta’ trasport bla ħlas għall-passiġġieri bejn il-Landing Places u l-bini ta’ lift min-naħa ta’ Marsamxett sabiex tissaħħaħ il-konnettivita’ għall-benefiċċju ta’ kull min jagħmel użu minn dan is-servizz. Għalkemm indubbjament l-għoti tal-estensjoni mitluba soġġett għal dawn il-kundizzjonijiet kienet tissarraf f’ħolqien ta’ sistema ta’ konnettivita’ ħolistika għall-benefiċċju tal-pubbliku in ġenerali, din it-talba ma ġietx milqugħa da parti tal-Awtorita’ iżda minflok, anke sabiex jiġu tranżatti l-pendenzi kollha u tiġi evitata kawża għad-danni, ġie propost lill-Kabinett, u l-Kabinett aċċetta, illi t-terminu jiġi estiż biss għall-perjodu ta’ tliet (3) snin taħt l-istess pattijiet u kundizzjonijiet tal-Kuntratt tas-Servizz oriġinali b’dan illi Marsamxetto Steamferry Services Limited tirrinunzja għall-pretensjonijiet tagħha kollha għad-danni u tipprovdi servizz ta’ transport bla ħlas għall-passiġġieri bejn il-Landing Place tal-Belt Valletta, Tas-Sliema u l-Kottonera permezz ta’ żewġ vannijiet elettriċi. B’dan il-mod l-Awtorità nrexxielha tottjeni diversi kisbiet fosthom il-kontinwita’ tas-servizz, it-tisħiħ tal-konnettivita’ għall-benefiċċju tal-utenti ta’ dan is-servizz u dan mingħajr ebda ħlas u r-rinunzja għall-pretensjonijiet ta’ danni fil-konfront tagħha, u dan kollu mingħajr ma ngħatat estensjoni għal tul ta’ żmien kif kien qed jiġi mitlub mill-operatur iżda biss għal terminu qasir u raġjonevoli ta’ tliet snin. Għaldaqstant it-tender imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa maħsub li joħroġ meta joqrob it-tmiem tat-terminu tal-estensjoni u fi żmien utli sabiex tali servizz jibda, inn dak il-mument, jingħata minn dak l-operatur li jirbaħ tali tender.

Ħ’Attard – Triq Tumas Chetcuti – drenaġġ fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jieħu passi immedjati fuq Triq Tumas Chetcuti, f’Ħ’Attard fejn hemm drenaġġ fit-triq inkluż ħmieġ uman u toilet paper? Billi dan ilu hekk għal jiem sħaħ u huwa ta’ periklu għas saħħa tar-residenti, jistgħu jittieħu passi immedjati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant illi fil-25 ta’ Novembru 2020 daħal rapport għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma li fit-triq indikata s-sistema tad-drenaġġ ma bdietx topera kif suppost għax kien hemm sadd fis-sistema tad-drenaġġ. Fl-istess ġurnata saret investigazzjoni u l-Korporazzjoni wetqet intervent neċessarju sabiex il-problema ġiet risolta.

NCV Code — dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk id-dgħajjes kollha tat-turisti liċenzjati, inkluż id-dgħajjes li joperaw il-ferry Sliema – Valletta u Three Cities ferry to Valletta humiex konformi mal-NCV Code u nħarġilhomx ċertifikat relattiv tan-NCV compliance kif tesiġi l-liġi wara li jiġu konfermati li ssodisfaw ir-riżultati kollha li jesiġi l-kodiċi? Jekk le, l-Awtorità qed tapplika u tenforza r-regolamenti tal-kodiċi NCV għad-dgħajjes kollha biex taċċerta a level playingfield għal kulħadd? Hemm xi dgħajjes partikolari li joperaw f’dan il-qasam li għandhom eżenzjonijiet jew derogi mir-rekwiżiti tal-NCV Code? Jekk iva, liema huma dawn id-dgħajjes? Jista’ ġentilment iwieġeb il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li taħt l-NCV Code m’hemm ebda kategorija ta’ opri tal-baħar taħt l-isem ta’ dgħajjes tat-turisti.

Ċekk tal-pensjoni – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jara qabel jaġġorna l-parlament għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament baqa’ ma rċeviex iċ-ċekk tal-pensjoni ta’ Ġunju u dan minkejja li ċempel lid-dipartiment diversi drabi? Jista’ l-Ministru jitlob lil xi uffiċċjal b’dan il-każ immedjatament għaliex dan l-individwu jgħix bil-pensjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont ir-rekords tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jidher li l-pagament tal-pensjoni ta’ Ġunju, fil-fatt reġa’ ntbagħat lill-individwu msemmi u ġie msarraf ukoll.

Gżira – Ċentru tas-Saħħa temporanju — tinda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkunsidra li fiċ-Ċentru tas-Saħħa temporanju tal-Gżira, issir tinda kif saret fil-Health Centre ta’ Ħal Kirkop ħalli min ikun qed jistenna jkollu fejn jistkenn mix-xemx u possibbilment l-anzjani jkollhom fejn joqogħdu bilqiegħda għax kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa qed ikollhom jistennew ġox-xemx u bilqiegħda fuq l-għetiebi tan-nies?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li d-daqs tat-triq u l-bankina jipprekludu li ssir struttura barra, qiegħed isir minn kollox sabiex jitnaqqas il-ħin ta’ stennija.

Għawdex – San Blas – Żvilupp illegali — multi

Question

B’referenza għall-istorja li dehret fuq il-Malta Independent online il-Ħamis, 23 ta’ Lulju 2020, jista’ l-Ministru jgħid x’multi qed jitħallsu fuq l-iżvilupp illegali f’San Blas Għawdex, liema żvilupp ġie servut b’diversi enforcement notices? Meta beħsiebha l-awtorità tieħu passi konkreti kontra ż-żewġ persuni wara dan l-iżvilupp? Ma jaħsibx li dan hu każ tipiku fejn l-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda sfortunatament tidher strong with the weak and weak with the strong?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żewġ avviżi ta’ infurzar in kwistjoni huma EC086/20 u EC087/20, li huma suġġetti għal multi ta’ kuljum hekk kif stabilit fl-Avviż Legali 276 tal-2012. Il-multi jibdew jiddekorru b’€10 kull jum, wara sittax-il ġurnata minn meta l-istess avviżi ta’ infurzar ikunu servuti, u jiżdiedu gradwalment sa’ €50 kull jum. L-istess avviżi ta’ infurzar jordnaw lis-sidien u/jew persuni li jokkupaw l-art biex fi żmien 16-il ġurnata (wara d-data li l-istess avviżi jkunu servuti), biex ineħħu l-iżvilupp illegali kollu u s-siti jitreġġgħu lura għall-istat oriġinali tagħhom. Għaldaqstant, l-Awtorità tal-Ippjanar tkun tista’ tirrevedi l-pożizzjoni tagħha skont l-eżitu tal-istruzzjonijiet mogħtija fl-istess avviżi ta’ infurzar.

Dipartiment tad-Dermatoloġija — Psychiatric Outpatients

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk parti mis-Psychiatric Outpatients hux se ttieħed minn Dermatology Department?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għaddej proċess sabiex is-servizz tas- Psychiatric Outpatients jingħata kemm jista’ jkun mill-komunita’

IL-Kottonera — Mental Health Community Services

Question

Peress li infurmat li bħalissa qed isiru diversi kuntatti fil-Kottonera mal-Arċipriet, kunsill lokali u oħrajn biex jitpoġġa staff addizzjonali tal-Mental Health Community Service, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jaċċerta li l-klijenti li se jużaw dan is-servizz ikollhom moħħhom mistrieħ li ma jidhrux li dawn deħlin għal kura ta' saħħa mentali u dan minħabba listigma li sfortunatament għadha tgeżwer il-problemi ta' saħħa mentali u jekk dawn il-klijenti jiġu mitluba jattendu f'post identifikabli jista' jasal li ma jmurx għall-kura minħabba l-biża' tal-istigma?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi parti sostanzjali mill-lokalitajiet li qed jiġu identifikati se jkunu użati l-iżjed minn timijiet ta’ professjonisti bħala bażi għalihom u mhux għal pazjenti.

Sptar Monte Carmeli — pazjenti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li pazjenti li ilhom snin twal l-Isptar Monte Carmeli u kienu jmorru ftit jien bil-leave għand xi membru tal-familja tagħhom jerġgħu jibdew jitħallew imorru għaliex issa ladarba il-miżuri tal-COVID-19 ġew rilaxxati, dan qed ikun ta' detriment għas-saħħa mentali tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi issa li l-miżuri tal-Covid-19 ġew rilaxxati, il-pazjenti ser jerġgħu jibdew jitħallew imorru ftit jiem bil-leave. Dan isir f’parametri li jissalvagradwaw il-pazjent.

Kura tas-Saħħa Mentali fil-komunità– catchment areas – professjonisti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista ta’ professjonisti bil-grad tagħhom għal kull catchment area fil-Kura tas-Saħħa Mentali fil-komunità kif kienu qabel u kif inhuma llum wara li nbiddlu l-catchment areas?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabelli t’hawn taħt li qed jindikaw in-numru ta’ professjonisti fil-Kura tas-Saħħa Mentali fil-komunità, tal-catchment areas kif kienu qabel u kif inhuma issa. Catchment Areas kif kienu qabel: Nurses Occupational Therapists Social Workers Psychologists Doctors North 12.5 - 0.5 3 2 Central 16 3 3 6 4 South 12 3.5 2 5 2.5 National Service (POP / CYPS) 14 - 0.5, 0.75, 1 Catchment areas kif inhuma preżentament; Nurses Occupational Therapists Social Workers Psychologists Doctors North 15 1.5 2 6 4.5 Central 16.5 2 2 3 3.5 South 13 3.5 2 5 4 National Service (POP / CYPS) 13 - 0.5, 0.75, 1

Kura tas-Saħħa Mentali fil-komunità– catchment areas – konsultazzjoni mal-professjonisti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni li qabel saru l-catchment areas il-ġodda, ma ġewx ikkonsultati l-professjonisti kollha li jaħdmu fil-kura tas-Saħħa Mentali fil-komunità u minflok dawn ġew imposti fuqhom mingħajr ebda konsultazzjoni? Ma jaħsibx id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa li kien ikun ferm aħjar li l-amministrazzjoni kkonċernata tisma’ minn dak li huma on the field qabel tiddeċiedi, ħalli kull professjonist iħossu parti mit-tibdil li sar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant l-catchment areas il-ġodda inħaddmu speċifikament minn professjonisti ‘on the field’ fil-komunita’. Dawn l-aħħar erbgħa xhur kien hemm diversi laqgħat mal-professjonijiet fil-komunita’.