Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vaċċin tal-Covid-19 lil psikologiki

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu vaċċinati l-psikologiki li jaħdmu fil privat peress li dawn jagħmlu one to one sessions u jkollhom exposure ma' kull klijent ta' madwar siegħa u bħalissa minħabba l-effetti tal-pandemija huma professjonisti li aktar minn qatt qabel huma ferm meħtieġa u imfittxija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed jimxi fuq strateġija għat-tilqim kontra l-Covid 19 billi jagħti prijoritajiet lill-gruppi ta’ nies li huma l-aktar f’riskju ta’ kumplikazzjonijiet f’każ ta’ kuntatt dirett ma dan il-virus.

Kunsilli Lokali — vouchers għall-Cat feeders - xiri ta' ikel minn petshops

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk meta cat feeder imur għand il-kunsill lokali biex jieħu vouchers biex jagħtihom lil cat feeders hux obbligat li jixtri ikel minn pet shop partikulari magħżul mill-Kunsill Lokali jew inkella hux fil-libertà li jixtri minn fejn irrid? Jekk il-pet shop ikun magħżul mill-Kunsill Lokali fuq liema mertu jintagħżel?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-iskema ma taqax taħt ir-responsabbilità ta’ dan il-Ministeru. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kunsilli Lokali — vouchers għal ikel u kura ta' annimali stray

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali għamel użu mill-iskema biex jieħu vouchers mill-kunsill lokali biex jittma jew jikkura animali stray? Liema huma dawn il-kunsilli lokali u kemm ħadu flus s’issa kull kunsill lokali minn din l-iskema?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-iskema ma taqax taħt ir-responsabbilità ta’ dan il-Ministeru. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Tour operators – ħlas

Question

Ġentilment nirreferi għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 18775, filwaqt li huwa pass tajjeb ħafna li l-lukandi ġew jew ser jiġu eżentati milli jħallsu l-liċenzji dovuti, jaħsibx il-Ministru li anki l-operaturi tal-coaches, trains u tad-dgħajjes tat-turisti li ilhom fuq sena weqfin minħabba li jiddependu mit-turisti għandhom ta’ lanqas jiġu eżentati milli jħallsu l-liċenzja dovuta lill-gvern jew entitajiet tiegħu li tammonta għall-eluf ta’ ewro meta dawn qed joħorġu flus f’manutenzjoni, pagi u spejjeż oħra mingħajr ma huma jdaħħlu xejn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18775.

Tour operators – ħlas

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18775, jaħsibx il-Ministru li anke l-operaturi tal-coaches, trains u tad-dgħajjes tat-turisti li ilhom fuq sena weqfin minħabba li jiddependu mit-turisti għandhom tal-anqas jiġu eżentati milli jħallsu l-liċenzja dovuta lill-gvern jew entitajiet tiegħu li tammonta għall-eluf ta’ ewro meta dawn qed joħorġu l-flus f’manutenzjoni, pagi u spejjeż oħra mingħajr ma huma jdaħħlu xejn? Filwaqt li d-deċiżjoni li jiġu eżentati l-lukandi hija waħda tajba ħafna, jaħsibx il-Ministru li għandu jsir l-istess mal-operaturi tal-coaches tat-turisti, trains u operaturi tad-dgħajjes tat-turisti li jinsabu fl-istess sitwazzjoni konsegwenza tal-pandemija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 18775.

Servizz ta’ appoġġ lill-vittmi tal-kriminalità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18704 u jindika x’servizz ta’ appoġġ jingħata lill-vittmi tal-kriminalità? X’tip ta’ għajnuna qed jirċievu? X’għandhom jagħmlu dawn il-vittmi sabiex jirċievu dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li dan il-Ministeru ma huwiex teknikament responsabbli la minn ġustizzja restorattiva u lanqas minn victim support, xorta, permezz tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), għandna numru ta’ servizzi li jagħtu għajnuna lill-vittmi tal-kriminalità. Fost dawn is-servizzi nsibu: - Is-servizzi ta’ għajnuna għall-vittmi ta’ vjolenza domestika fi ħdan l- Aġenzija Appoġġ . Dan jikkonsisti kemm f’ ħidma soċjali u ta’akkumpanjament ma’ dawn il-vittmi u post ta’ kenn ( shelter ) minn meta joħorġu minn djarhom sakemm isibu akkommodazzjoni alternattiva. - Is-servizzi kollha tal- Aġenzija Sedqa li huma mħasuba biex jgħinu lil kulmin huwa vittma ta’ xi vizzju ( addictive behaviour ). Dan jikkonsisti wkoll, naturalment, f’servizzi għal min għandu l-vizzju tad-droga. Dawn is-servizzi jibdew minn counselling u ħidma soċjali sa programmi aġġornati ta’ rijabilitazzjoni u after-care . - Is-Servizz tal-Protezzjoni tal-Minuri fi ħdan id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri kif imwaqqaf mill-Kap 602 tal-liġijiet ta’ Malta. Dan id-Direttorat jinvestiga kull rapport li jasal għandu fejn ikun allegat kull tip ta’ abbuż fuq tfal u żgħażagħ taħt it-18-il sena. Fejn ikun il-kas, is-servizz jirrakkkomanda lill-Qorti kompetenti biex tinħareġ Ordni ta’ Ħarsien ( Care Order ) u t-tfal jew jiġu fostered jew jgħixu f’dar tat-tfal. Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kulħadd jista’ jingħata dawn is-servizzi billi jċempel fuq in-numru 179, liema servizz jingħata bla ħlas.

Persuni dipendenti mid-droga f’pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18705 u jindika n-numru ta’ persuni f’pajjiżna, li fil-preżent qed jingħataw għajnuna għaliex huma dipendenti mid-droga?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru jista’ jitkellem biss dwar il-persuni li jieħdu l-għajnuna mill-Aġenzija SEDQA fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). F’dan il-kuntest, it-tagħrif mitlub minnhu huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Każijiet Attivi Individwi Attivi Substance Misuse In-Patient Detoxification Unit (SMIPU) Dar l-Impenn 2 2 Kommunità Santa Marija (KSM – Ċentru Residenzjali ta’ Rijabilitazzjoni) 23 23 Addictions Community Service 470 470 Minbarra dawn is-servzzi, wieħed irid iżid is-Substance Misuse Out-Patient Detoxification Unit (SMOPU) jew id-DETOX kif inhuwa aħjar magħruf; fejn kuljum jattendu medja ta’ 750 persuna sabiex jieħdu d-doża tagħhom tal-mediċina methadone f’ dak li huwa essenzjalment opiate substitution treatment li huwa intiż sabiex iservi bħala servizz ta’ harm reduction.

Għajnuna lil tal-coaches, trainsu passenger boats

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18776 li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jikkunsidra jgħin lil tal-coaches, trains u tal-passenger boats għaliex dawn ma ngħataw l-ebda għajnuna u ilhom fuq sena weqfin? Jista’ l-gvern jgħin ukoll lil dan is-settur kif għen lill-bars u setturi oħrajn? Minbarra loans u spejjeż ta’ manteniment u pagi li dawn qed joħorġu l-flus għalihom mingħajr ebda dħul, dawn issa qed jintalbu jħallsu l-liċenzja in full minn Transport Malta, meta dawn ma ħadmux u ma ngħataw ebda għajnuna? Jaħsibx li qed issir diskirminazzjoni kontra dan is-settur?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18775 tas-Seduta 425.
Leg 13 PQ #18995 Sitting 426 2021-02-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Impjiegi tal-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huwa n-numru ta’ persuni li għandhom xi diżabilità u li huma impjegati mal-Gvern, mal-privat, jew inkella f’xi kumpanija parastatali jew Awtorità, rispettivament?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li għandhom xi dizabilità, u li huma impjegati mal-Gvern, mal-parastatali u mal-privat fl-aħħar ta` Diċembru 2020 jinsab fit-tabella t’hawn taħt. Settur Nies b’ diżabilit à li huma impjegati Gvern 733 Parastatali 506 Privat 2,733 Total 3,972

Strateġija Nazzjonali biex Titnaqqas l-Obeżità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika xi twettaq f’dawn l-aħħar tliet snin mill-Istrateġija Nazzjonali biex Titnaqqas l-Obeżità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn is-sena 2017 u l-2020, sar ħafna proġress f’ażżjonijiet relatati mal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Obeżita’. L-aktar importanti kienu f’dawn it-taqsimiet: Serviżżi: Tkompliet l-edukazzjoni għal professjonisti tas-saħħa dwar il-kura tal-Obeżita’ fl-adulti. Saru tlett seminars għall-professjonisti tas-saħħa (inkluż tobba tal-familja) dwar aspetti varji tal-kura ta’ adulti li huma obeżi. Dawn saru flimkien mal-assoċjazzjoni internazjonali EASO – European Association for the Study of Obesity, fejn grupp ta’ seba’ speċjalisti minn diversi pajjiżi ġew iħarrġu l-professjonisti Maltin. Sar titjib fis-servizzi ta’ programmi ta’ telf ta’ piż (Piż tajjeb tul Ħajtek) minn nutrizzjonisti u għalliema tal-attività fiżika. Din l-aħħar sena, il-programm beda’ jsir online minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Studji: Sar Studju Nazzjonali dwar il-Konsum tal-Ikel. F’dan l-istudju ġdid, madwar elf persuna ipparteċipaw. Kull persuna kien intervistat darbtejn dwar l-ikel li kiel fl-aħħar 42 siegħa. Ir-riżultati qegħdin jintużaw: biex jigu aggornati l-linji gwida tad-dieta’ nazzjonali fl-ippjanar u l-evalwazzjoni tal-politiki tas-saħħa biex tgħin l-isforzi tal-kummerċ u tal-formulazzjoni mill-ġdid biex tidderieġi riżorsi għal aktar riċerka Nutrizzjoni u Attivita’ Fiżika: Saret it-tnedija ta’ Linji Gwida ġodda dwar id-Dieta għat-Tfal Maltin ta’ bejn it-6 xhur u 3 snin – il-Mod Mediterranju. Saret Kampanja biex nippromwovu dawn il-Linji gwida. Saru ukoll diversi seminars għall-ġenituri dwar il-Linji Gwida. Saru wkoll seminars għall-professjonisti tas-saħħa u għall-carers fin-nurseries. Ġew mneħdija ukoll l-Linji Gwida ġodda dwar id-Dieta għat-Tfal Maltin ta’ bejn it-3 snin u 12-il sena – il-Mod Mediterranju. Dawn il-linji ġwida huma ibbażati fuq il-linji ġwida għal-adulti u jużaw il-platt bnin biex jispjeġaw is-7 gruppi ta’ nutrijenti li huma il-qofol ta’ dieta’ bbilanċjata. Il-Promozzjoni ta’ dawn il-Linji gwida saret ukoll permezz tal-mezzi tax-xandir lokali u użu tal-mezzi ta’ siti soċjali . Saru diversi preżentazzjonijiet lill-ġenituri, kif ukoll lill-għalliema tal-Home Economics bħala parti mit-Taħriġ tagħhom sabiex b’hekk dawn il-linji gwida se jservu bħala l-qafas tal-Kurrikulu Edukattiv dwar in-nutrizzjoni fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. L-għan ta’ dawn il-Linji gwida huwa li tfal jieklu dieta’ bbilanċjata u li ġenituri jevitaw li tfal jieklu porzjonijiet kbar iżżejjed. Sar taħriġ għal professjonisti tas-saħħa dwar interventi qosra dwar is-saħħa, sar ukoll seminar għal diversi professjonisti tas-saħħa, inkluż tobba tal-familja, u ħaddiema oħra tal-kura primarja. Dan sar flimkien mal-Għaqda Dinjija Għas-Saħħa, fejn tim ta sitt esperti ġew iħarġu lill-professjonisti Maltin dwar interventi qosra dwar is-saħħa. Dawn l-interventi huma dwar it-tabakk, dieta’ mhux ibbilanċjata, nuqqas ta’ eżerċizzju, u l-użu mhux meqjus tal-alkoħol. Saret it-tnedija tal-Avviż Legali 266 ta’ 2018 fejn hemm linji ġwida dwar l-ikel li jista’ jinbiegħ fl-iskejjel. Saru l-laqgħat informattivi mas-sidien tat-tuckshops li jissuplixxu l-ikel u x-xorb waqt il-ħin tal-iskola. F’dawn il-laqgħat ġew spjegati kemm dak li jingħad f’dan l-avviż kif ukoll ġie spjegat it-tipi ta’ ikel u xorb permessibbli u dawk li mhux permessibbli fl-iskejjel. Dawn il-laqgħat informattivi saru ukoll lill-kapijiet tal-iskejjel kollha kemm tal-Istat, tal-Knisja u kif ukoll dawk Indipendenti. Saru ukoll laqgħat informattivi għall-ġenituri. Sar taħriġ dwar il-prattika tal-Motivational Interviewing. L-Motivational Interviewing hija teknika li professjonisti tas-saħħa jużaw biex jgħinu lill-persuni li jixtiequ jagħmlu xi tibdil iżda mhumiex ċerti kif. Dan huwa l-ewwel pass biex inżidu l-użu ta’ din it-teknika u ngħinu l-klijenti tagħna biex ibiddlu l-istil ta’ ħajja għal-aħjar. Kien hemm diversi linji ġwida dwar l-attivita fiżika għall-etajiet differenti fil-popolazzjoni flimkien ma’ attivitajiet ta’ edukazzjoni. Sar taħriġ dwar ir-riformulazzjoni tal-ikel għall-partijiet interessati involuti fl-industrija tal-ikel lokali.

Budget 2021 – benefiċċji lil persuni b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tindika x’benefiċċji hemm indikati għall-persuni b’diżabilità u għal min jieħu ħsiebhom skont il-Budget 2021?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jaghmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika x’benefiċċji hemm indikati għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u għal min jieħu ħsiebhom skont il-Budget 2021?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi rigward benefiċċji finanzjarji li qed jirreferi għalihom hu, għandu jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Ninfurmah ukoll illi s-servizzi għal kura tas-Saħħa Mentali kif ukoll mediċini psikjatriċi se jkomplu jingħataw bla ħlas kif ukoll se jkompli jsir Immodernizzar tal-Faċilitajiet tas-Saħħa Mentali.

Tour operators – ħlas

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jara għaliex it-tour operators qegħdin jiġu mitluba jħallsu r-route fee ta’ double decker buses, il-liċenzji tal-passenger boats, il-coaches u trains in full għas-sena 2020, meta dawn l-operaturi ħadmu anqas minn 3 xhur biss, f’din is-sena? Tista’ Transport Malta tikkunsidra tirrevedi l-ħlas peress li dawn ma ngħataw ebda għajnuna mill-gvern imma minflok qed jintalbu jħallsu l-ħlas ta’ sena li fiha jaħdmu biss tliet xhur?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tat-Trasport għandha l-obbligu sabiex tiġbor il-ħlasijiet li huma dovut lilha. Madankollhu ninsab infurmat li l-Awtorita’ qed tifhem is-sitwazzjoni finanzjarja tal-mument u qedgħha toffri skema ta ħlas lil dawn l-operaturi.
Leg 13 PQ #18776 Sitting 425 2021-02-08 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għajnuna lil tal-coaches, trainsu passenger boats

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkunsidra jgħin lil tal-coaches, trains u tal-passenger boats għaliex dawn ma ngħataw l-ebda għajnuna u ilhom fuq sena weqfin? Jista’ l-gvern jgħin ukoll lil dan is-settur kif għen lill-bars u setturi oħrajn? Minbarra loans u spejjeż ta’ manteniment u pagi li dawn qed joħorġu l-flus għalihom mingħajr ebda dħul, dawn issa qed jintalbu jħallsu l-liċenzja in full minn Transport Malta, meta dawn ma ħadmux u ma ngħataw ebda għajnuna? Jaħsibx li qed issir diskirminazzjoni kontra dan is-settur?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Iż-Żejtun – inħawi ta’ Bulebel – trab iswed

Question

Fid-dawl li wasluli ilmenti dwar trab iswed fl-inħawi ta’ Bulebel fiż-Żejtun, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk hux infurmat dwar dan u jekk iva saritx investigazzjoni dwar dan il-fatt? Jekk iva, jista’ jgħid x’kien l-eżitu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li la l-ufficcju tiegħi u lanqas l-ERA, bħala l-Awtorità kompetenti, ma rċevjna ilmenti ta’ trab iswed. Jekk l-Onorevoli Interpellant jgħaddi d-dettalji neċessarji lill-uffiċċju tiegħi jew anke lill-ERA tkun trid issir investigazzjoni skont il-każ.
Leg 13 PQ #18702 Sitting 423 2021-02-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Lokalitajiet fejn jgħixu l-barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għandux informazzjoni fejn qegħdin jgħixu l-madwar 67,000 barrani li jinsabu f’pajjiżna? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ xogħol qegħdin iwettqu u minn liema pajjiżi ġejjin dawn il-barranin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tabella A turi r-regjun fejn qegħdin jgħixu l-barranin li jaħdmu f’Malta, waqt li Tabella B turi x’tip ta’ xogħol qegħdin iwettqu, L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ Mejju 2020.

Djar Residenzjali u Hostels — Standards

Question

Wara li ġiet imnedija l-istrateġija nazzjonali għas-Saħħa Mentali f’Lulju, 2019 u b’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12006, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa , issa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Istandards li jrid ikollhom id-Djar Residenzjali u l-Hostels f’dan il-qasam tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għadhom għaddejin il-preparamenti neċessarji dwar l-Istandards li jrid ikollhom id-Djar Residenzjali u l-Hostels fil-qasam tas-saħħa mentali.

Servizz ta’ appoġġ lill-vittmi tal-kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’servizz ta’ appoġġ jingħata lill-vittmi tal-kriminalità? X’tip ta’ għajnuna qed jirċievu? X’għandhom jagħmlu dawn il-vittmi sabiex jirċievu dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tinghata f’seduta oħra.

Persuni dipendenti mid-droga f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ persuni f’pajjiżna, li fil-preżent qed jingħataw għajnuna għaliex huma dipendenti mid-droga?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’ seduta oħra.