Legislature:
Category:
Reset
Active:

Titjib fil-qagħda tat-Tfal f’pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 20861 u 20960 u jindika x’twettaq favur it-titjib tal-qagħda tat-tfal f’pajjiżna, f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Lokali – Korsijiet u taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsilli Lokali tat-Tielet Distrett organizzawx xi korsijiet/taħriġ fil-lokalitajiet tagħhom matul is-snin 2018, 2019 u s-sena l-oħra?’ Jekk iva, x’tip ta’ korsijiet ġew organizzati u meta saru dawn il-korsijiet/taħriġ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Xogħol ta’ Profiling mill-Proġett LEAP

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm-il profiling sar ta’ familji vulnerabbli matul is-sena l-oħra sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Fejn huma allokati dawn il-familji vulnerabbli li qed jiġu megħjuna mill-impjegati tal-Proġett LEAP? X’tip ta’ għajnuna qegħdin jingħataw?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nibda biex ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, minn Jannar 2019, ix-xogħol li kien jagħmel il-programm LEAP ġie integrat fis-servizzi tal-komunità tal-Aġenzjia għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunità fi ħdan l-FSWS. L-għan tal-Agenzija huwa li tiġġieled kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali filwaqt li ssaħħaħ l-iżvilup soċjali tal-komunità. Familji vulnerabbli, jingħataw assistenza soċjali skont il-bżonn partikolari tagħhom. L-għajnuna mogħtija lill-familji hija mfassla fuq perspettivi innovativi psiko-soċjali u multi-dixxiplinarji li jinkludu: A. Assessjar inizjali u dettaljat* li jindirizza lill-familja minn tmien punti fokali li huma: 1. Ħajja emozzjonali sana. 2. Familja u trobbija tal-ulied. 3. Relazzjonijiet soċjali. 4. Aspetti legali. 5. Għarfien finanzjarju u stabbilta’ fid-dħul. 6. Disponabbiltà għax-xogħol. 7. Edukazzjoni għal matul il-ħajja. 8. Akkomodazzjoni u stabbilita’ fid-dar. *L-Assessjar inizjali u dettaljat ħa post il-profiling li kien issir mill-Proġett LEAP. B. Pjan ta’ kura maqbul bejn il-partijiet kollha, b’interventi li huma relevanti u mkejla, li jiffukaw fuq miri speċifici u li jistgħu jinksbu fil-ħin allokat C. Kejl tal-eżitu sistematiku ( outcome measure ) li jwassal għal evalwazzjoni ta’ kemm is-servizz qed ikun effettiv u relevanti għall-familja partikolari, kif ukoll ikun indikkativ ta’ x’hemm bżonn issir il-quddiem. D. Sapport għall-aċċess ta’ s-servizzi soċjali u komunitarji speċjalizzati mmirati biex jintlaħqu l-għanijiet rispettivi. E. Żjarat fid-djar tal-familji u laqgħat ma’ professjonijiet oħra li jkunu qed jassistu lill-familja. F. Akkumpanjar għal xi visti li jkunu importanti bħal sptar jew laqgħat tal-iskola. G. Il-ħidma mal-familiji issir f’kuntest ta’ komunita’, fuq il-prinċipji ta’ l-izvilup tal komunita’ u parteċipazzjoni lokali. Minn Jannar 2020 sa’ Diċembru 2020, 1523 kas ibbenifikaw mis-servizzi tal-komunità tal-Aġenzjia għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunità. Il-lokalitajiet u l-għadd ta’ familji benefiċjarji huma skont kif tindika it-tabella hawn taħt: Servizz ta’ Assessjar Inizjali u Dettaljat għal Familji fil-Kommunità Għadd ta’ Familji Benefiċjarji Bkara Community 105 Cottonera Community 275 Mosta Community 115 Msida Community 67 Northern Harbour Community 73 Paulo Freire Institute 87 Qawra Community 303 Southern Community 144 Valletta Community 144 Western Community 101 Zabbar Community 109 Total 1523

Aġenzija Sapport: Ilmenti minn klijenti/residenti

Question

Tista’ l-Ministru tindika n-numru ta’ ilmenti li resqu l-klijenti/residenti u/jew il-familjari tagħhom mill-għoti tas-Servizzi ta’ Matul il-Jum u d-Djar Residenzjali matul is-snin 2018, 2019 u s-sena l-oħra? Fuqiex kienu dawn l-ilmenti u jekk dawn l-ilmenti ġewx indirizzati?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Aġenzija Sapport tilqa’ l-ilmenti u s-suġġerimenti tal-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom, tara kif tista’ ttejjeb il-livell tas-servizzi u li tibqa’ tilħaq l-istandards mistennija. Dawn l-ilmenti, f’każ tas-servizzi ta’ matul il-jum u s-servizzi residenzjali normalment ivarjaw minn ħrug għal aktar servizzi personalizzati. Fl-aħħar xhur l-Aġenzija waqqfet dipartiment fi ħdanha li jassessja l-kwalità tas-servizzi u jara li l-livell tas-servizzi mogħtija huma dejjem ta’ livell għoli u skont l-interessi tal-persuni b’diżabilità.

Sigurtà fil-Kumpless San Vinċenz

Question

Sabiex ir-residenti ta’ San Vinċenz jiġu assigurati aktar sigurtà, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm CCTV cameras installati f’dan il-post? Fejn huma installati dawn il-cameras?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux possibbli nirrispondi għal raġuni ta’ sigurtá. Hu ppjanat li fix-xhur li ġejjin isir assessjar ta’ livelli differenti ta’ sigurtá f’San Vinċenz de Paul.

Ħal Kirkop – Sqaq/Triq l-Imdina – one way

Question

Fid-dawl li waslu diversi ilmenti minn persuni li jmorru jimxu bit-tfal tagħhom fi Sqaq/Triq l-Imdina, Kirkop li hi trejqa dejqa ħafna li ma jagħtix lok li jgħaddu żewġt karozzi minħabba d-djuq tiegħu u tgħaddi minn qalb l-għelieqi li minn Ħal Kirkop tagħti għall-by pass ta’ Valletta Road, Żurrieq u billi dan l-isqaq/triq jużawh bosta karozzi ħafna drabi bi speed esaġerat, , jaqbilx il-Ministru li wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, Sqaq l-Imdina ssir one way qabel ma jiġri inċident serju li jistgħu jweġġgħu n-nies u saħansitra tfal? Billi dan l-isqaq hu mfittex ħafna minn familji li jmorru jimxu qalb l-għelieqi bi tfal u trabi, jista’ l-Ministru jew Transport Malta u l-Kunsill Lokali jikkolaboraw bejniethom u ġentilment jikkunsidraw bis-serjetà li dan is-suġġeriment jiġifieri li din it-trejqa/sqaq isir one way, jiġi milqugħ liema suġġeriment ġie mgħoddi lili minn diversi familji li jmorru jimxu f’dan l-isqaq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità m’għandha ebda talba f’dan ir-rigward mill-kunsill lokali rispettiv u lanqas mir-residenti. Transport Malta ser tkun qiegħda tirreferi għand il-kunsill.

Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali — Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20747 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa saret lilu u jindika kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali f’dawn l-aħħar sentejn u fejn saru dawn l-ispezzjonijiet sabiex jiġu provduti servizzi li huma siguri u ta’ kwalità għolja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali għamlet 980 spezzjoni fl-2019 u 3,262 spezzjoni fl-2020. Dettalji dwar dawn l-ispezzjonijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Titjib fil-qagħda tat-Tfal f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20861 u jindika x’twettaq favur it-titjib tal-qagħda tat-tfal f’pajjiżna, f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’ seduta oħra.

Transport Malta – Sospensjoni ta’ ħlasijiet

Question

Fid-dawl li l-Awtorità tat-Turiżmu ġustament issospendiet il-ħlas tal-liċenzji tal-lukandi peress li ma jistgħux u mhumiex jaħdmu, jista’ l-Ministru jara li Transport Malta tilqa’ l-karba ta’ sidien ta’ dgħajjes li jagħmlu tours ta’ turisti li sa dil-ġimgħa stess irċievew talba għall-ħlas għall-berthing fees meta dawn ilhom ma jaħdmu sentejn u baqgħu jintalbu jħallsu kemm il-berthing fees, kif ukoll liċenzji u ħlas ta’ rotot tal-istess dgħajjes tat-turisti, coaches, double deckers u trackless trains minn Transport Malta u dan minkejja li għalkemm ilhom ma jaħdmu sentejn, qed jintalbu ħlas li hu government incurred, meta dawn diġà għandhom ħafna spejjeż u dħul ta’ xejn? Jista’ ġentilment jikkunsidra bis-serjetà din it-talba ta’ sospensjoni ta’ dawn il-ħlasijiet, fid-dawl tad-deċiżjoni li ħadet l-Awtorità tat-Turiżmu minħabba li dawn il-ħlasiiet mitluba minn Transport Malta jistgħu jkunu kaġun li dawn is-sidien ifallu u magħhom ibatu mijiet ta’ familji li l-għajxien tagħhom u tal-familji tagħhom jiddependu minn dawn il-kumpaniji?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta tiġbor il-ħlasijiet li huma dovuti lejha mingħand kull operatur, filwaqt li tibqa’ disposta li jkollha ftehim neċċessarju dwar il-pagamenti dovuti. Għandu jingħad ukoll li l-operaturi bbenefikaw minn għajnuniet oħrajn mogħtija mill-Gvern waqt il-pandemija.

Vouchers għal Cat Feeders — xiri ta' ikel minn petshops

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsjiet parlamentari 20767 u 19520 li saru lill-Ministru għall-Agrikolutra, s-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali u 19368 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u ġentilment jgħid jekk meta cat feeder imur għand il-kunsill lokali biex jieħu vouchers biex jagħtihom lil cat feeders hux obbligat li jixtri ikel minn pet shop partikulari magħżul mill-Kunsill Lokali jew inkella hux fil-libertà li jixtri minn fejn irrid? Jekk il-pet shop ikun magħżul mill-Kunsill Lokali fuq liema mertu jintagħżel?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tressaq din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Servizz Reaching Out

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10374, jista d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li s-servizz tas-Support Group li jismu Reach Out, jibda jiġi organizzat ukoll f’lokalitajiet oħra u mhux bil-fors fiċ-Ċentru Tommaso Chetcuti li qiegħed fl-Isptar Monte Carmeli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tas-Support Group (Reach Out) waqaf jingħata fl-2020 kemm minħabba nuqqas ta’ konkorrenza kif ukoll minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Bħalissa aktar sapport lill-familjari qed jingħata minn diversi professjonisti li jaħdmu fis-Servizzi tas-Saħħa Mentali. Fil-ħames Ċentri ta’ Rijabilitazzjoni, jiġi offrut sapport lill-familjari ta' klijenti li jużaw dawn is-servizzi mill- Occupational Therapists . L- Occupational Therapists qegħdin ukoll jaħdmu biex jagħtu sapport, tagħrif u tagħlim fuq bażi iktar wiesgħa biex jilħqu kemm jista’ jkun iktar familji u dan qed isir permezz ta’ webinars online , li jsiru darba f’xahar u huma miftuħin kemm għas- service users u l-familjari tagħhom, għall-membri tal-istaff, kif ukoll għall-pubbliku. Familji li jkollhom bżonn terapija jiġu riferuti lill tim ta’ psikoloġisti għal- family therapy.

Rapport dwar il-Qasam tas-Saħħa Mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 19100, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, permezz tad-Department of Health Information and Research fi ħdan il-Ministeru tiegħu, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-qasam tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liem rapport qed jirreferi.

Aġenzija Sapport: Każijiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru tindika n-numru ta’ każijiet pendenti fis-servizzi mogħtija mill-Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ każijiet pendenti fuq il-lista ta’ stennija fis-servizzi ta’ Aġenzija Sapport sad-data tat-30 ta’ April, qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Katavru ta’ vittma

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20376, jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi progress biex il-katavru tal-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament, li ġie maqtul fi qtil razzista f’Ħal Far b’tir ta’ arma tan-nar, jintbagħat għand il-familja tiegħu ġewwa l-Kosta tal-Avorju biex ikunu jistgħu jagħmlu d-difna wara aktar minn sentejn mill-qtil barbaru tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kif ġa għidt fil-mistoqsija parlamentari 20376 l-Gvern ikkommetta ruħu li jħallas l-ammont sabiex l-katavru tal-vittma jiġi trasportat lura lejn pajjiżu u dan jinkludi t-trasport lejn il-post tad-difna, permessi u ħlas tal-kamra mortwarja. Il-Gvern ser ikopri wkoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tar-rappreżentant tal-familja li ser jakkumpanja l-katavru minn Malta. Il-familja ingħatat assigurazzjoni li dawn ser jitħallsu f’Marzu 2020. Minkejja diversi emails mibgħuta mill-Ministeru lir-rapreżentant tal-familja fl-aħħar sena, l-awtoritajiet għadhom bla risposta rigward data għat-trasferiment tal-katavru. Madanakollu ma kienx hemm zviluppi ġodda wara li ngħatat din it-tweġiba parlamentari, dan għad illi r-rappreżentanti tal-familja reġgħu gew ikkuntattjati għal darb’oħra.

Kunsilli Lokali — vouchers għal ikel u kura ta' annimali stray

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19521 u 19369 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u jgħid kemm-il kunsill lokali għamel użu mill-iskema biex jieħu vouchers mill-kunsill lokali biex jittma jew jikkura animali stray? Liema huma dawn il-kunsilli lokali u kemm ħadu flus s’issa kull kunsill lokali minn din l-iskema?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniku skema li l-Ministeru għandu hija dik tal-LC CARE Project Fund. M’għandna l-ebda skema ta’ vouchers biex jitimgħu jew jikkuraw annimali stray.

Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali f’dawn l-aħħar sentejn u fejn saru dawn l-ispezzjonijiet sabiex jiġu provduti servizzi li huma siguri u ta’ kwalità għolja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.

Opportunità indaqs għan-nisa fl-impjiegi

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13442, jista’ l-Ministru jindika kemm saru ilmenti ta’ allegat diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol f’dawn l-aħħar tliet snin u jekk dawn id-diskriminazzjonijiet ġewx indirizzati?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

It-tabella t’hawn taħt turi kemm saru ilmenti ta’ allegat diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol f’dawn l-aħħar tliet snin sas-27 t’ April 2021. B’referenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, il-Kummissarju tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza għandha l-poter li tinvestiga każijiet ta’ allegata diskriminazzjoni skont il-Kap 456 tal-Liġijiet ta’ Malta. Wara kull investigazzjoni, il-Kummissarju toħroġ opinjoni bil-miktub dwar jekk instabitx biżżejjed evidenza ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ dak li ġie allegat, skont il-mandat tal-Kummissjoni. Dawn l-opinjonijiet jintbagħtu lill-partijiet ikkonċernati, u jinkludu rakkomandazzjonijiet relatati mal-każ. Ilmenti ta' allegata diskriminazzjoni bejn nisa u rġiel 20187 20195 20206 2021*4 sas-27 t’April 2021 Total22
Leg 13 PQ #20749 Sitting 455 2021-05-03 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Budget 2021 – benefiċċji lill-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18998 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, u li issa ġiet irreferuta lilu u jindika x’benefiċċji hemm indikati għall-persuni b’diżabilità u għal min jieħu ħsiebhom skont il-Budget 2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari 19541.