Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar Residenzjali tal-Anzjani mmexxija mill-Privat

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema huma dawk id-Djar Residenzjali tal-Anzjani mmexxija mill-Privat, li jinvolvu direttament lir-residenti tagħhom fit-tmexxija ta’ dawn il-postijiet? Kemm-il darba ltaqgħu f’dawn l-aħħar sentejn?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 22366, inżid li dawn ir-residenti jiltaqgħu b’mod regolari u kemm hemm bżonn.

Vjolenza Domestika — Dipartiment tal-Emerġenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kien hemm persuni li ddaħħlu fid-Dipartiment tal-Emerġenza minħabba vjolenza domestika mis-sena 2019 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-Dipartimenti tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei u l-isptar Ġenerali t’Għawdex ġew irreġistrati 74 każ ta’ vjolenza domestika fl-2019 u 62 każ fl-2020.

Kunsilli Lokali — Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jindika s-servizzi li ngħataw minn kull kunsill lokali fil-qasam soċjali, mal-anzjani, maż-żgħażagħ u t-tfal f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u jingħata f’seduta oħra.

Fast Ferries bejn Malta u Għawdex – diesel sussidjat

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-fast ferries bejn Malta u Għawdex hux qed jibbenefikaw minn diesel sussidjat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fast Ferries li qegħdin joperaw servizz skedat bejn il-Port il-Kbir u l-Mġarr, Għawdex kif stabbilit skond il-Port Notice maħruġa min Transport Malta TM/PYD/PN/2021 jibbenifikaw min rata zero. Dan kif stipulatt skond l-Att Dwar Dazju Tas-Sisa (Kap 382) f’paġna 49. Iż-żewġ dokumenti msemmija qed jitqiegħedu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Żabbar – Triq Redeemer – leakage tal-ilma

Question

Tista’ l-Ministru ġentilment tara li leakage tal-ilma fi Triq Redeemer, Żabbar (il-leakage qiegħed lejn tarf Triq Redeemer, fejn tagħti għal Triq Sant Antnin,) li ilu jiġi rrappurtat għal dawn l-aħħar ħmistax, jiġi rranġat għax diġà inħela ħafna ilma nieżel lejl u nhar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda rapport fuq il-każ imsemmi. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet l-azzjoni neċessarja u l-problema ġiet risolta. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li idealment, għall-kwalunkwe rappurtaġġ ta’ ħsarat fil-futur, għandu jiġi kkuntatjat b’mod dirett il-Helpline tekniku tal-Korporazzjoni fuq 80076400, u b’hekk tkun tista’ tittieħed azzjoni u jsiru l-verifiċi kollha neċessarji mmedjatament.

Cruiseliners – Staff mid-Dipartiment tas-Saħħa biex jiċċekkja ċ-Ċertifikat tal-Vaċċin tat-turisti

Question

Peress li rċivejt xi ilmenti minn sidien ta’ ħwienet speċjalment fil-Belt u anke xufiera tat-taxi minħabba li passiġġieri li jidħlu fuq cruise liners mhux qed jitħallew jinżlu l-art biex jixtru, jieklu jew imorru b’taxi f’xi destinazzjoni u billi lil dawn is-sidien qed jgħidulhom li t-turisti fuq il-cruise liners mhux qed jitħallew jinżlu l-art minħabba li d-Dipartiment tas-Saħħa m’għandux biżżejjed staff biex jiċċekkja ċ-ċertifikati tal-vaċċin kontra l-Covid-19 (SARS-CoV-2) biex dawn it-turisti jkunu jistgħu jinżlu l-art, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jikkonferma jekk dan hux il-każ? Jekk iva hemm il-ħsieb li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata ħalli b’hekk ma jkompliex jintilef kummerċ f’settur li jiddependi fuq it-turisti b’mod partikolari dawk l-eluf li jiġu bi cruise liners?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Intepellant illi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (SARS-CoV-2) jeżistu protokolli maqbula mall-partijiet involuti dwar tali materja. Preżentament l-industrija qed taħdem b’sistema ta’ bubbles fejn il-passiġġieri jinżlu l-art u jittieħdu dawra ma’ Malta mingħajr ma jkun hemm waqfien f’postijiet. Turisti, residenti jew baħrin li jkunu se jieqfu Malta issirilhom il-verifikazzjoni neċessarja taċ-ċertifikat tat-tilqim u l-passenger locator form qabel dawn iħallu l-port. Għaldaqstant din mhiex kwistjoni ta’ riżorsi umani imma tal-protokolli eżistenti.
Leg 13 PQ #22478 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Nurses gradwati mill-MCAST

Question

Tista' l-Ministru ġentilment tgħid kemm igradwaw nurses mill-MCAST f'dawn l-aħħar tliet snin sena b'sena?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ gradwati mill-kors tan-nursing mill-MCAST hu kif se nsemmi: Sena Akkademika 2018 – 2019 Xejn Sena Akkademika 2019 – 2020 18 Sena Akkademika 2020 – 2021 16
Leg 13 PQ #22479 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni

MCAST — spiża għal kors tan-nurses

Question

Tista' l-Ministru ġentilment tgħid kemm hi l-ispiża biex isir kors tan-nurses fl-MCAST?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-kors tan-Nursing qed isir b’mod konġunt bejn l-MCAST u l-Università ta’ Northumbria. Barra s-salarji tal-letturi Maltin, isir ħlas lill-Università ta’ Northumbria ta’ €260,000 fis-sena liema kontribut ikopri, fost l-oħrajn, 1. Taħriġ u superviżjoni tal-letturi tal-MCAST. 2. External examiners biex jivverifikaw ir-riżultati tal-istudenti fl-aħħar ta’ kull sena akkademika. 3. Aċċess għal software speċjalizzat u programm akkademiku offrut mill-Università ta’ Northumbria.
Leg 13 PQ #22480 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni

MCAST — kors tan-nurses

Question

Tista' l-Ministru ġentilment tgħid kemm bdew kors tal-MCAST fil-kors tan-Nursing din is-sena?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. interpellant li n-numru ta’ studenti li bdew il-kors tan-Nursing tal-MCAST fis-sena akkademika 2021-2022 huwa ta’ 67 student.

Tqassim ta’ flus miġbura mill-LESA

Question

Jista’ l-Ministru jindika kif jitqassmu l-flus miġbura mill-LESA mit-taħrikiet li jsiru fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Agenzija, bi qbil bejn il-Ministeru Għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, L-Arti, Gvern Lokali, u l-Assocjazzjoni tal-Kunsilli nehdiet skema għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali, fejn japplikaw għall-proġett ta’ fejda fil-komunitajiet tagħhom. Kull Kunsill huwa eliġibbli li japplika għall-proġett, u jieħu lura 80% tal-ispejjeż, sa massimu ta’ €80,000 elf Ewro. Matul l-iskema li hija fuq perjodu ta’ tlett snin, kull kunsill jista’ jibbenefika darba biss.

Kumitat għat-Tisħiħ tal-Familja

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma r-responsabilitajiet li għandu l-Kumitat għat-Tisħiħ tal-Familja? Min huma l-membri f’dan il-Kumitat? X’rakkomandazzjonijiet għamlu minn mindu twaqqfet biex tissaħħaħ il-familja Maltija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kummissjoni Tisħiħ Familja huwa kumitat illi xogħolu huwa li jara t-tibdil fis-soċjetà u kif dan jaffettwa lill-familji. Il-Kumitat preżenti huwa kompost kif jidher hawn taħt: Chairperson: Sur Joe Gerada Viċi Chairperson: Sa Rita Law Membri: Dr Andrew Azzopardi Sa Claudia Cuschieri Dr Diane Galea Sa Antoinette Vassallo Sur Max Zammit Segretarja: Sa Mary Grace Gauci F’dawn l-aħħar snin, il-Kumitat kien irrakkomanda diversi miżuri fosthom li: - ninkoraġixxu xoghol “blended” biex jgħati ċans akbar lill-ħaddiema speċjalment nisa biex jlaħħqu kemm mar-responsabiltajiet tax-xogħol u anki dawk tal-familja, - ingħatat Informazzjoni kontinwa dwar il-miżuri u skemi li jgħinu l-familji jintegraw aħjar ir-responsabiltajiet tax-xogħol u tal-familja, - ġie imbuttat ir-reviżjoni tal-benefiċċju tal-paternal leave għal aktar involviment tal-missierijiet fit-trobbija tat-tfal u anki fid-dawl tal-izviluppi tal-politika tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-rakkommandazzjonijiet harġu wara l-istudju li kienet għamlet l-Universita’ ta’ Malta imsejjaħ “A scoping review of the current family-friendly practices in Malta”. Rakkomandazzjoni oħra kienet dik dwar il-bżonn li jitwessa’ is-servizz tal-helpline 179, b’mod partikolari biex tingħata aktar informazzjoni dwar benefiċċji u servizzi ta’ appoġġ soċjali u anki fid-dawl tas-sitwazzjoni li ġabet magħha l-COVID 19 fejn aktar nies ħassewhom waħedhom. Il-Kumitat ħadem b’mod intensiv għal żmien twil ma’ grupp ta’ esperti li evalwaw l-implikazzjonijiet tas-sitwazzjoni tal-COVID 19 fuq il-qasam soċjali u ħarġu b’rakkommandazzjonijiet varji f’rapport li kien ippreżentat f’Awwissu tas-sena 2020. L-aħħar inizjattiva tal-Kumitat kienet il-kampanja “Noħloq il-ferħ” f’2021 li kienet intenzjonata li tinkoraġġixxi relazzjonijiet aktar b’saħħithom fil-familji. Din il-kampanija li kienet mifruxa fuq perijodu ta’ xahrejn, ipproduċiet 3 filmati ta għarfien, dwar relazzjonijiet b’saħħithom anki bejn koppji separati u bit-tfal, kif ukoll dwar relazzjonijiet b’saħħithom fil-konfront tal-anzjani.

L-Istrateġija tas-Saħħa Mentali

Question

Jista d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika x’itwettaq sa’ issa mill-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali minn mindu ġiet implimentata fil-bidu tas-sena l-oħra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali hija mifruxa fuq meddha t’għaxar snin. Kemm ilha li ġiet varata din l-iStrateġija, bdiet ħidma u konsultazzjoni wiesgħa biex jibda’ u jitkompla x-xogħol f’oqsma diversi. Il-punti hawn taħt imsemmija jindikaw xi twettaq s’issa, iżda ma jirriflettix ix-xogħol kollu li sar minħabba li t-twettiq ta’ din l-iStrateġija huwa parti minn proċess kumpless u li jieħu ż-żmien. Nippromovu is-Saħħa Mentali u l-Ben Esseri -Nindirizzaw l-impatt tal-qafas soċjali fuq is-Saħħa mentali: Qed nindirizzaw il-qafas soċjali tal-individwu li jista’ jagħmel l-individwu iktar suġġett għall-mard mentali. Il-Mental Health Services qed jipparteċipa fi studju li qed isir mis-Superintendenza tas-Saħħa Pubblika, biex nistudjaw, l-impatt li l-qafas soċjali għandu fuq is-saħħa mentali u b’hekk ikun jistgħu jiġu ndirizzati biex nipprevvjenu dan il-mard. L-istħarriġ sa jsir iktar tard din is-sena bir-riżultati joħorġu s-sena d-dieħla. Qed inżidu l-għarfien dwar is-saħħa mentali billi l-professjonisti tas-Saħħa Mentali jużaw pjattaformi diversi – bħal Webinars, diskussjonijiet fil-komunita’ li jsiru fil-kunsilli lokali, mal-korp tal-pulizija, parteċipazzjoni fi programmi fuq il-midja tradizzjonali u wkoll fuq dik soċjali. L-Occupational therapists attendew għall-programm ta’ Financial Literacy biex b’hekk ikunu jistgħu jgħinu lill-persuni b’diżordni mentali biex jużaw flushom aħjar. -Użu ta’ sustanzi lleċiti: Qed tiżdied il-kooperazzjoni bejn professjonisti fis-Saħħa Mentali u NGOs f’dan il-qasam bil-ħsieb li tiżdied is-sinerġija bejniethom permezz ukoll ta’ stħarriġ tal-infermiera li jaħdmu ma’ dawn il-klijenti biex joffru terapija aħjar. Sar refurbishment estensiv ta’ sala għall-pazjenti nisa bid-dual diagnosis – problemi mentali u dipendenza mid-droga. Rikonfigurazzjoni tas-Servizzi tas-Saħħa -Integrazzjoni tas-Saħħa Fiżika ma’ dik Mentali Qed jingħata servizz minn tabib tal-familja fi ħdan is-servizzi tas-saħħa mentali. Tobba li qed jitħarrġu biex jispeċjaliżżaw bħala tobba tal-familja, qed jagħmlu tlett xhur fil-qasam tas-Saħħa Mentali, biex b’hekk iżidu l-għarfien tagħhom f’dan il-qasam. F’Ħal Qormi, kemm is-servizz primarju u dak mentali jingħataw mill-istess post u f’Lulju tal-2020 żdiedu s-servizzi tas-saħħa mentali li jingħataw miċ-ċentru tas-saħħa ta’ ħal-Qormi. Is-servizzi l-ġodda huma klinika tas-psychogeriatrics u oħra għall-adulti b’learning disorders. L-iSptar Psikjatriku ġdid sa jinbena ħdejn l-isptar Mater Dei, b’hekk titneħħa l-istigma assoċjata mal-isptar kurrenti. Barra minnhekk tiġi ffaċċilitata l-koperazzjoni bejn iż-zewġ sptarijiet billi jissaħħu s-servizzi psikjatriċi ġewwa Mater Dei u s-servizzi għall-mard fiżiku f’pazjenti ġewwa l-isptar psikjatriku. -Servizzi fil-komunita’: Ingħalqet il-Psychiatric Out Patients fl-isptar Mater Dei u dan is-servizz qed jingħata mill-kliniċi tas-saħħa mentali li qegħdin fil-komunita’ l-eqreb ta’ fejn jgħix il-klijent. ¯diedu l-professjonisti fil-qasam ta’ saħħa mentali fil-komunita’ biex ikunu jistgħu jlaħħqu maż-żieda tas-servizzi li qed jiġu provduti. Qed jintużaw premises fil-Qawra, minn fejn jingħataw servizzi fis-saħħa mentali permezz ta’ clinics biex jilħqu aħjar il-klijenti tat-Tramuntana ta’ Malta. Qed ikompli jissaħħaħ is-servizz tat-tfal CAPES fil-komunita’ biex isegwi tfal bi problemi ta’ Saħħa Mentali fil-komunita’ biex kemm jista’ jkun pazjenti t’eta żgħira ma jkollhomx bżonn jiddaħħlu fl-isptar Monte Carmeli. -Servizzi t’Emerġenza: Tkompla l-iżvilupp tat-tim tas-servizz fl-emerġenza fl-isptar Mater Dei, billi s’issa hemm preżenza ta’psikjatra jew HST u zewġ infermiera. Qed ikomplu jsiru diskussjonijiet sabiex kontinwament jissaħħu s-servizzi li jingħataw mill-isptar Mater Dei u dawk tal-isptar Monte Carmeli. -Sptar Akut Psikjatriku Ġdid L-isptar Akut Psikjatriku Ġdid huwa ppjanat li jsir ħdejn l-isptar Mater Dei, dan biex il-pazjenti taż-żewġ sptarijiet jkollhom servizzi aħjar tal-kura fiżika u dik mentali – integrated care. Beda’ x-xogħol fuq l-ippjanar ta’ dan l-isptar billi sar il-medical brief, l-art qed tiġi ttrasferita lill-Ministeru għas-Saħħa u nħareġ tender għad-Design ta’ din il-faċilità. L-isptar sa jkollu madwar 120 sodda u jkollu sezzjoni ta’ Kura Intensiva. Sa jkun hemm taqsima ta’ Sptar ta’ Matul il-Jum (Day Hospital), biex isir moniteraġġ mill-qrib ta’ persuni li jgħixu fil-komunità li għalkemm m’għandhomx bżonn kura ġewwa l-isptar għandhom bżonn ikunu segwiti aktar mill-qrib. - Repurposing ta’ L-iSptar Monte Carmeli Sar refurbisment estensiv fis-sala għall-pazjenti bid-dual diagnosis. Is-sala ġiet mgħammra bis-sħiħ biex permezz t’għamara, aperturi u faċilitajiet sanitarji (anti-ligature) tkun addattata għal dawn il-klijenti biex it-terapija tingħata f’ambjent sikur u sabiħ. Hemm sezzjoni li hija ddedikata għal-pazjenti li għandhom bżonn ta’ kura aktar intensiva. Tlestew żewġ Isolation Units li huma sikuri biex jistgħu jakkomodaw lill-pazjenti b’diżordni mentali imma li jkunu qed isofru wkoll b’mard infettiv. Qed isir xogħol f’ żewġ swali tas-psychogeriatrics, peress li hemm domanda għal din it-tip t’akkomodazzjoni fis-soċjeta. Kull sala sa takkomoda 23 pazjent u sa jsir ġnien addattat għal dawn il-klijenti. Sa jsiru żewġ Isolation Units, biex jakkomodaw pazjenti b’mard psikjatriku meta jkunu qed isofru wkoll minn mard infettiv. Qed jiġi ppjanat ġnien fil-Young People’s Unit, bħala post terapwetiku għall-klijenti t’eta’ żgħira. Qed isir refurbishment fuq sala oħra għall-kura ta’ pazjenti li jkollhom bżonn t’ammissjoni aktar fit-tul minħabba problemi ta’ Saħħa Mentali. Qed tiġi ppjanata sala oħra li se sservi għall-istess kategorija msemmija hawn fuq u dalwaqt jinħareġ it-tender għax-xogħolijiet. Support lill-Persuni b’Diżordni Mentali -Rijabilitazzjoni u support Komplejna bil-ħidma biex persuni b’diżordni mentali ma jibqgħux jirċievu l-kura ġewwa l-isptar imma billi jibdew jgħixu fil-komunita’ ġewwa l-hostels. Persuni b’learning disability ma baqgħux jgħixu fl-isptar Monte Carmeli imma issa qed jgħixu fil-komunita’ ġewwa dar partikolari. Nsaħħu lill-Ħaddiema fil-qasam tas-Saħħa Mentali u nintroduċu Sistemi Ġodda Niżvilluppaw u nsostnu lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa mentali Preceptorship programme li ta sapport u taħriġ lill-infermiera ġodda biex jinżammu f’dan l-impieg. Ingħata taħriġ lill-infermiera li jinkludi safe wards project, Mental Health First Aid (li ngħata lill-ħaddiema tal-komunita’) u Coaching lill-managers tal-Infermiera kif ukoll taħriġ ieħor lill-management biex jitjieb is-servizz mogħti. Biex jiġu involuti il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali fid-deċiżjonijiet f’dan il-qasam qed isiru laqgħat ta’ konsultazzjoni bejn il-management u l-ħaddiema f’dan is-settur regolarment. Sar pjan biex jiġu ngaġġati kontinwament aktar professjonisti f’dan il-qasam sabiex ikun hemm aktar żvilupp fiż-żieda tal-professjonisti fil-qasam tas-Saħħa Mentali infatti qed isiru diskussjonijiet regolari biex jinħarġu applikazzjonijiet sabiex jiġu ngaġġati iktar ħaddiema professjonali f’dan il-qasam. Sabiex jiġi pprovdut sostenn psikoloġiku lill-ħaddiema fis-Saħħa Mentali qed jiġi pprovdut programm mill-ESP (Employee Support Programme).

Rapport Annwali tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15583, jista’ l-Ministru jindika fiex kienu jikkonsistu in-nuqqasijiet imsemmija mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali u f’liema postijiet kienu dawn in-nuqqasijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministeru kkonċernat.

Abbużi fiżiċi u sesswali fuq it-Tfal -Azzjonijiet meħuda

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22005, jista’ l-Ministru jindika is-sentenzi mogħtija lil 541 aggressur ta’ kazijiet li jinvolvu vittmi taħt it-18 il-sena?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx din it-tip ta’ statistika.

Awtorità tal-Ippjanar – Kummissjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar – permess

Question

B’referenza għall-permess li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, il-Kummissjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar ħareġ il-pemess biex jinbena razzett tan-nagħaġ u mogħoż meta: (a) Dan huwa lokat f’żona Category 3 Rural Settlement li skont is-South Malta Local Plan tali rural settlement huwa kkunsidrat bħala żona abitabbli u għalhekk mhux permess bini li jista’ jikkawża impatt negattiv fuq tali residenzi, bħal fil-każ ta’ żvilupp ta’ rziezet kif ukoll ma jistax isir bini fuq art agrikola verġni; (b) Dan il-permess ħareġ f’kunflitt mal-policy SMSE8 li tifforma parti mis-South Malta Local Plan, għalkemm il-policies fil-Local Plan għandhom preċedenza fuq policies oħra, fosthom dawk li jinsabu fir-Rural Policy and Design Guidance 2014; (c) Dan il-permess ħareġ għalkemm ma jaqa’ taħt l-ebda policy tar-Rural Policy and Design Guidance 2014? Barra minn hekk, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm skont ir-raġunijiet mogħtija mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar fis-sentenza tiegħu tal-25 ta’ Mejju 2021 kien ċar li dan il-permess hawn isfel imsemmi ħareġ bi ksur kemm tas-South Malta Local Plan, tal-iSPED u tar-Rural Policy and Design Guidance 2014 dan il-permess ma ġiex miċħud / revokat mill-istess tribunal iżda ntbagħat lura l-Kummisjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li, b’deċiżjoni datata l-25 ta’ Mejju 2021, it-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ordna li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant terġa’ tmur għand l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex fid-determinazzjoni tagħha l-Kummissjoni tal-Ippjanar tikkunsidra l-Policy SMSE 08 tal-Pjan Lokali tan-Nofsinhar. Għaldaqstant din l-applikazzjoni għad trid tiġi pproċessata u deċiża mill-ġdid skont il-liġi.

Work Benefit – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li hija single mother u trabbi żewġ ulied, għadha ma ħaditx il-Work Benefit la ta’ April u qed jgħidulha li lanqas mhu se tieħu ta’ Lulju għaliex qegħdin lura u għadhom qed jinħadmu? Billi għal din is-single mother dawn il-flus ikunu ppjannati diġà x’se tħallas bihom, jista’ ġentilment jara hux possibbli li jinħadmu u jingħataw lil din il-persuna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-persuna li d-dettalji dwarha ingħattaw b’mod separat, dalwaqt se titħallas l-In-Work Benefit dovut.

Groomers tal-annimali — regolarizzazzjoni

Question

Fid dawl ta’ kelb li allegatament miet wara li kien għall-grooming, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-groomers għandhomx jiġu regolarizzati kif anke ġie issuġġeriet mill-Kummissarju tal-Annimali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern diġa’ qed jaħdem sabiex jirregola din il-professjoni. Filfatt, diġa’ ġie preparate abbozz dwar ir- regolamentazzjoni ta’ din il-professjoni mill-Veterinary Surgeons Council u bħalissa għaddejja konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

Persuni li jbatu mill-obeżità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kien hemm persuni li daħlu l-isptar minħabba l-problema tal-obeżità f’dawn l-aħħar tliet snin? Kemm kien hemm persuni li mietu kawża tal-obeżità f’dawn l-aħħar tliet snin u sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl- 2018 kien hemm 62 persuna li daħlet l-isptar minħabba l-problema tal-obeżità, fl-2019 57 u fl-2020 31. Skont l-istimi li nħadmu mill-IHME (Institute for Health Metrics and Evaluation GBD Results Tool | GHDx (healthdata.org)) kien hemm 369 mwiet li jistgħu jiġu attribwiti għall-obe¿ità f’Malta fl-2019. Din il-figura, ras għal ras, hija inqas mill-medja Ewropea.
Leg 13 PQ #21878 Sitting 482 2021-06-30 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Tfal f’risku tal-faqar

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-aħħar statistika li għandu f’idejh ta’ kemm hawn tfal li huma f’riskju tal-faqar f’Malta u Għawdex u fejn qegħdin jgħixu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li, skont statistika dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għixien (EU-SILC) tal-2019, minn popolazzjoni f’dik is-sena ta’ 112,833 persuna taħt it-18-il sena, l-istima rigward in-numru ta’ dawk fl-istess faxxa t’età u huma f’riskju ta’ faqar kien ta’ 16,857 jew ftit inqas minn 15%. Din iċ-ċifra tirreferi biss għall-faqar monetarju meqjus relattiv, jiġifieri dawk il-persuni li jaqgħu taħt il-linja tas-60% tad-Dħul Medjan Ekwavilizzat Nazzjonali. Inżid ninforma li fl-2013, minn popolazzjoni ta’ 80,834 persuna taħt it-18-il sena, in-numru kien ta’ 18,233 persuna taħt l-istess faxxa t’età li kienu f’riskju ta’ faqar. Dan ifisser li fl-2013 kien hemm 1,376 tifel u tifla jew 9% aktar f’riskju ta’ faqar milli kien hemm fl-2019 minkejja popolazzjoni iżgħar ta’ nies fl-2013. Meta wieħed imbagħad iħares lejn iċ-ċifri tar-Riskju ta’ Faqar jew Esklużjoni Soċjali li jikkunsidraw il-komponenti kollha tal-istima tal-faqar u li huwa allura l-indikatur ewlieni f’dan ir-rigward, wieħed isib li waqt li fl-2013 kien hemm 24,300 persuna taħt it-18-il sena jew 32% li kienu f’Riskju ta’ Faqar jew Esklużjoni Soċjali, dawn niżlu għal 19,300 jew 23.6% fl-2019. Dan ifisser tnaqqis ta’ 5,000 tifel u tifla jew 8.4%.
Leg 13 PQ #21879 Sitting 482 2021-06-30 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Programmi għat-tfal foqra

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi programmi jew inizjattivi konkreti jeżistu fil-qasam edukattiv biex jiġu megħjuna l-istudenti li jinsabu f’riskju tal-faqar jew qegħdin jgħixu fil-faqar? Mill-aħħar figuri li għandha l-Ministru f’idejha, kemm huwa stmat li hawn tfal f’riskju tal-faqar jew qegħdin jgħixu fil-faqar?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jopera Skema 9 li hija miżura nazzjonali tal-baġit intenzjonata li ttejjeb il-ħajja tal-istudenti fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji (etajiet minn 3 sa 16) li jgħixu f’ambjenti familjari u kulturali żvantaġġjati sabiex dawn ikollhom esperjenzi u żvilupp edukattiv aħjar fl-iskola. Din l-inizjattiva tkopri għoti ta’ kolazzjon, xiri ta’ uniformijiet, għoti ta’ stationery u photocopies u attivitajiet ekstrakurrikulari.