Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #5576 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Jobsplus – xogħol li qed isir minn terzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-Jobsplus kemm għandha xogħol li qed isir minn terzi (outsourcing)? Jista’ jagħti lista ta’ outsourcing tal-Jobsplus u lil min ingħata x-xogħol? F’kull każ jista’ jgħid kemm qed jiġi jiswa kull outsourcing u f’kull każ kif intgħażlet il-kumpanija/organizzazzjoni/individwi li lilhom ingħata x-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ebda xogħol li kienet tagħmel sa minn dejjem il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, u wara r-rebranding il-Jobsplus, ma ġie kkuntrattat lil terzi permezz ta’ outsourcing għajr il-call centre tal-Korporazzjoni fejn il-Jobsplus illum hija msieħba fi ftehim li l-Gvern għandu mas-Centrecom, u s-servizz tat-tindif li jsir fl-uffiċċji ta’ Jobsplus. Is-servizz tas-Centrecom fis-sena 2017 kien jammonta għal €142,680 filwaqt li bejn Jannar u April tal-2018 ammonta għal €37,824. Is-servizz tat-tindif ingħata wara sejħa ta’ tender pubbliku li ntrebaħ minn Floorpul Ltd. bl-ammont ta’ €6.86 is-siegħa.

Diskors tal-Budget 2016 – inizjattivi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5477 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għall-inizjattiva li tħabbret fid-Diskors tal-Budget 2016, fejn ħaddiema jistgħu jibqgħu jaħdmu fis-settur privat minkejja li jkollhom biżżejjed bolol imħallsa biex jirtiraw bil-pensjoni u li jekk jibqgħu jaħdmu l-pensjoni tiżdied b'5% (62 yrs), 5.5% (63 yrs), 6% (64yrs) u 6.5% (65 yrs), jikkunsidrax il-Ministru li din l-inizjattiva tiġi estiża wkoll għall-ħaddiema fis-settur pubbliku? Għalkemm fiha nnifisha hija inizjattiva tajba, ma jaħsibx li għandha tiġi estiża wkoll għas-settur pubbliku, biex b'hekk titneħħa kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema tas-settur pubbliku?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali, matul din il-leġislatura l-miżura imsemmija minnu, ser tkun qed tinfetaħ ukoll għall-impjegati fis-settur pubbliku.

Microchipping ta’ klieb — persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-Qorti għax il-kelb tagħhom ma kienx microchipped mill-2013 sal-lum, sena b’sena?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Marsaxlokk – Pontoon tal-Magħluq – xogħlijiet

Question

Jista’ l Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ fuq il-pontoon tal-Magħluq f’Marsaxlokk minħabba li diversi dgħajjes fosthom ħafna ta’ sajjieda part-time ma jistgħux jorbtu għax il-baħar sar baxx ħafna minħabba l-ammont ta’ ramel li daħal? Billi kellhom isiru pontoons oħrajn u fid-dawl li bħalissa qed jintużaw wieħed u nofs biss, jista’ jgħid meta se jinbnew pontoons ġodda? Peress li, kif konvint li l-Ministru jaf li hemm part-time fishermen u sidien oħrajn tal-opri tal-baħar li qed iħallsu t-tariffa biex jorbtu fuq il-pontoons imma issa ma jistgħux jagħmlu dan, jista’ jara li jsir ix-xogħol li hemm bżonn? Billi dawn is-sidien ilhom madwar ħames snin jiġu mwiegħda li Transport Malta se tagħmel ix-xogħol meħtieġ ta’ dredging u bini ta’ pontoons ġodda, jista’ jintervjeni biex dan ix-xogħol isir?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tenders għax-xogħlijiet fuq il-pontoons imsemmija qegħdin f’fażi ta’ evalwazzjoni. Dan filwaqt li bħalissa qed isiru wkoll testijiet fuq is-sedimenteżistenti sabiex eventwalment ikun jista’ jsir ix-xogħol tad-dredging.
Leg 13 PQ #5477 Sitting 107 2018-05-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Diskors tal-Budget 2016 – inizjattivi

Question

B'referenza għall-inizjattiva li tħabbret fid-Diskors tal-Budget 2016, fejn ħaddiema jistgħu jibqgħu jaħdmu fis-settur privat minkejja li jkollhom biżżejjed bolol imħallsa biex jirtiraw bil-pensjoni u li jekk jibqgħu jaħdmu l-pensjoni tiżdied b'5% (62 yrs), 5.5% (63 yrs), 6% (64yrs) u 6.5% (65 yrs), jikkunsidrax il-Ministru li din l-inizjattiva tiġi estiża wkoll għall-ħaddiema fis-settur pubbliku? Għalkemm fiha nnifisha hija inizjattiva tajba, ma jaħsibx li għandha tiġi estiża wkoll għas-settur pubbliku, biex b'hekk titneħħa kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema tas-settur pubbliku?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Dar tal-Anzjani – każ ta’ anzjana

Question

Jista’ l-Ministru jintervjeni biex anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li tinsab f’Dar tal-Anzjani ssirilha gwardarobba żgħira għaliex il-qraba qed jispiċċaw ġejjin u sejrin bil-ħwejjeġ għax m’għandhomx fejn ippoġġuhom, inkluż ħwejjeġ tas-sajf u tax-xitwa? Billi din l-anzjana qed tispiċċa bil-ħwejjeġ fuq is-siġġu, possibbli li tinstab soluzzjoni aktar dinjituża billi ssirilha gwardarobba żgħira li kif jien infurmat diġà saru għal xi anzjani oħrajn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirrisjedi l-ebda resident bl-isem li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, fid-dar residenzjali għall-anzjani tal-Floriana (Dar il-Mistrieħ). Għaldaqstant, qed nitlob li tingħadda l-informazzjoni korretta sabiex tkun tista’ tiġi indirizzata t-talba tal-Interpellant.

Birgu – sparar fuq ħamiem

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5165 u jispjega kif kien hemm preżenza tal-Pulizija fil-Birgu waqt li kien qed isir sparar fuq il-ħamiem liema mod jammonta għall-moħqrija tal-annimali u hu metodu kundannabli kif stqarr l-istess Kummissarju tal-Annimali? Billi l-moħqrija fuq l-annimali hu att kundannabli bil-liġi kif spjega l-istess Ministru, u li l-Pulizija kienet preżenti id f’id ma’ min kien qed jikkommetti dan l-att ta’ moħqrija tal-annimali, u minflok qdiet dmirha u ħadet passi kontra min ordna li jsir sparar fuq il-ħamiem u joħloq tbatija bla bżonn lil dan il-ħamiem, meta hemm alternattivi oħrajn ferm aktar umani u effettivi kif tiġi kontrollata l-popolazzjoni tal-ħamiem?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5320.

Wied il-Għajn – Triq is-Silla – galleriji li ċedew – spezzjonijiet mill-PA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu (u qed jittieħdu) wara li fi blokka ta’ appartamenti li qed tinbena fi Triq is-Silla, Wied il-Għajn numru ta’ galleriji ċedew u waqgħu? Saru spezzjonijiet mill-Awtorità għall-Ippjanar? Jekk iva, meta? X’ġie deċiż?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sit imsemmi kien munit b’permess ta’ żvilupp, u minn diversi spezzjonijiet li saru kemm qabel u kif wara seħħ l-inċident kien qed jinbena skont il-Pjanti approvati. L-Awtorita tal-Ippjanar ser tirreferi l-każ lill-Kamra tal-Periti u lill-Bord li jirregola l-Liċenzji tal-Benneja għall-konjizjoni u jekk jinħass il-bżonn investigazjoni ulterjuri tagħhom.

Wied il-Għajn – Triq is-Silla – galleriji li ċedew – spezzjonijiet mill-OHSA

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu (u qed jittieħdu) mill-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) wara li fi blokka ta’ appartamenti li qed tinbena fi Triq is-Silla, Wied il-Għajn ċedew u waqgħu numru ta’ galleriji? Saru spezzjonijiet mill-OHSA? Jekk iva, meta? X’ġie deċiż?

Response (DALLI, HELENA)

L-OHSA bdiet l-investigazzjoni tagħha, liema investigazzjoni għadha ma ngħalqitx. L-OHSA tikkonferma wkoll li nħarġu ordnijiet skont l-Att Kap. 424, biex jieqaf ix-xogħol biex tkun assigurata s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.
Leg 13 PQ #5375 Sitting 104 2018-04-24 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Birgu – sparar fuq ħamiem — passi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5166 dwar il-qtil barbaru permezz ta’ sparar fuq ħamiem il-Birgu li deher f’filmat fuq Times of Malta online u dan quddiem turisti li baqgħu ddiżgustati b’dan l-att, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma dawn il-passi li se jittieħdu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Birgu – sparar fuq ħamiem — passi

Question

B’referenza għall istqarrija tal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima dwar il-qtil barbaru tal-ħamiem fil-Birgu, u fid-dawl li f’din l-istqarrija l-Ministru kien qal “li se jieħu l-passi kollha meħtieġa dwar dan il-każ”, u billi sal-lum issa li għaddew kważi ħmistax-il ġurnata, jista' l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu jew se jittieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed jevalwa s-sitwazzjoni minn lat ħolisiku u għaldaqstant aktar informazzjoni ser tingħata b’mod pubbliku aktar il-quddiem.

Birgu – sparar fuq ħamiem

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5158 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk intalabx permess jew parir mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali għall-sparar fuq il-ħamiem fid-dawl tax-xemx fil-Birgu? Jekk intalab permess, minn min intalab u x’kienet ir-risposta tad-Direttorat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ntalab l-ebda permess mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa dwar dan il-każ.

Sparar fuq il-Ħamiem — investigazzjoni mill-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5163 u ċjoe: Jista’ l-Ministru ġentilment jispjega jekk il-Pulizija hux ser tieħu passi kontra min ta l-ordni li jsir sparar fuq il-ħamiem bil-konsegwenza li dan beda jaqa’ mal-art u jmut bil-mod meta dan jammonta għall-moħqrija fuq l-annimali? Għalkemm nifhem li ammont kbir ta’ ħamiem hu pest iżda billi hemm metodi oħra kif jiġi kkontrollat il-ħamiem li huma anqas krudili, qed issir investigazzjoni mill-pulizija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-awtorizzazzjoni kienet ilha diversi xhur li ngħatat u ntużat riċentement.

Birgu – sparar fuq ħamiem

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5160 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Birgu li allegatament kien wara d-deċiżjoni li jsir sparar fuq ħamiem fid-dawl tax-xemx, talabx parir professjonali biex jiġi kkontrollat l-ammont ta’ ħamiem fil-Birgu u jekk iva lil min talab?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ ser jiġi riferut lill-Bord tal-Governanza, mwaqqaf taħt l-att tal-Kunsilli Lokali, sabiex ikun jista jagħti l-konsiderrazzjoni tiegħu.

Birgu — qtil ta' Ħamiem

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5159 u ċjoè: B’referenza għall-qtil tal-ħamiem fil-Birgu, liema ordni jidher li saret mill-Kunsill Lokali tal-Birgu, filwaqt li nifhem li l-ħamiem fi kwantità hu pest li jrid jiġi kkontrollat, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkunsidrati metodi oħra li jeżistu kif jiġi kkontrollat l-ammont ta’ ħamiem liema metodi alternattivi m’humiex daqstant krudili?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor, Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 5321.

Ħal Qormi – Health Centre — lift

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi l-problema tal-lift fil-Health Centre ta’ Ħal Qormi? Billi jien infurmat li ilu madwar 7 ġimgħat wieqaf, jista’ jgħid għaliex ilu daqshekk bil-ħsara u dan fid-dawl li dan il-Health Centre jintuża minn bosta anzjani li għandhom problema ta’ mobbiltà u jsibuha diffiċli biex jużaw it-taraġ? Jista’ jgħid meta hu maħsub li dan il-lift jitlesta billi jiġi rranġat jew mibdul? Jista’ jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-lift taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi għandu ħsara fil-motherboard. Il-proċess sabiex tinxtara motherboard ġdida huwa għaddej.

Birgu – sparar fuq ħamiem – permess mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5164 u jgħid jekk intalabx permess mill-Pulizija biex isir sparar fuq ħamiem fil-Birgu fl-abitat meta hemm metodi anqas krudili kif jiġi kkontrollat il-ħamiem li nifhem li meta jiżdied ħafna hu pest u li jrid jiġi kkontrollat għax hu wkoll theddida għas-saħħa? Minn min intalab il-permess u lil min saret it-talba?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5320.

Birgu – sparar fuq ħamiem – permess mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk intalabx permess mill-Pulizija biex isir sparar fuq ħamiem fil-Birgu fl-abitat meta hemm metodi anqas krudili kif jiġi kkontrollat il-ħamiem li nifhem li meta jiżdied ħafna hu pest u li jrid jiġi kkontrollat għax hu wkoll theddida għas-saħħa? Minn min intalab il-permess u lil min saret it-talba?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Birgu – sparar fuq ħamiem

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif kien hemm preżenza tal-Pulizija fil-Birgu waqt li kien qed isir sparar fuq il-ħamiem liema mod jammonta għall-moħqrija tal-annimali u hu metodu kundannabli kif stqarr l-istess Kummissarju tal-Annimali? Billi l-moħqrija fuq l-annimali hu att kundannabli bil-liġi kif spjega l-istess Ministru, u li l-Pulizija kienet preżenti id f’id ma’ min kien qed jikkommetti dan l-att ta’ moħqrija tal-annimali, u minflok qdiet dmirha u ħadet passi kontra min ordna li jsir sparar fuq il-ħamiem u joħloq tbatija bla bżonn lil dan il-ħamiem, meta hemm alternattivi oħrajn ferm aktar umani u effettivi kif tiġi kontrollata l-popolazzjoni tal-ħamiem?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.