Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każijiet ta’ Suwiċidju

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ persuni f’Malta u Għawdex li ġew irrappurtati lill-Pulizija li neħħew ħajjithom matul din il-Leġiżlatura u sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ l-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika ta’ każijiet ta’ suwiċidju? Billi skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa f’dawn l-aħħar 40 sena r-rata dinjija tas-suwiċidju żdiedet b’60% , jista’ jgħid kemm hi r-rata f’pajjiżna?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li matul din il-Leġiżlatura u ċjoè bejn it-3 ta’ Ġunju 2017 u l-4 ta’ Ġunju 2018, il-pulizija rreġistrat sitta u għoxrin (26) każ ta’ suwiċidju. Il-medja ta’ suwiċidji matul l-aħħar għoxrin sena kienet ta’ 23.5 kull sena, bl-ammonti jvarjaw minn sena għal oħra.
Leg 13 PQ #6157 Sitting 129 2018-06-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Passaporti — prezzijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru ġentilment jgħid il-prezzijiet differenti tal-passaporti ġodda jew biex jiġu mġedda u jekk hemmx tariffi differenti fi żminijiet differenti tas-sena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma l-Onor. Interpellant li dawk l-adulti li jmorru l-uffiċċju tal-passaporti biex japplikaw jew iġeddu l-passaport tagħhom bejn Settembru u Marzu jħallsu €70 filwaqt li dawk li jmorru bejn April u Awwissu jħallsu €80. Il-ħsieb wara din l-iskema kien li l-pubbliku jieħu vantaġġ minn dan l-iskont u jippjana bil-quddiem. B’hekk, il-pubbliku jkun jista jinqeda aħjar u fl-inqas ħin possibbli għaliex jiġu evitati kjuwijiet twal u iffullar fl-uffiċju tal-passaporti, speċjalment fix-xhur li huma l-aktar sinonimi mas-safar u meta d-domanda għas-servizz tkun fl-ogħla livelli. Għal spjegazzjoni aktar dettaljata nirreferi l-Onor. Interpellant għall-A.L 86 tal-2015.
Leg 13 PQ #6160 Sitting 129 2018-06-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Spiża Kapitali tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid x’kienet l-ispiża kapitali tal-Gvern għal kull sena mill-2013 sas-sena 2017? Jista’ jagħti wkoll il-figuri sena b’sena?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kumitat Parlamentari tad-Dijabete

Question

Peress li f’Malta hawn problema kbira fl-inċidenza tad-dijabete, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid għaliex ma reġax twaqqaf il-Kumitat Parlamentari tad-Dijabete li kien twaqqaf fuq inizjattiva tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, chaired minn Membru Parlamentari tal-Gvern u li kien qed jagħmel xogħol utli ħafna? Meta hemm il-ħsieb li se jerġa’ jiġi mwaqqaf dan il-kumitat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sotto-kumitat parlamentari tad-Diabetes Mellitus ma jinħatarx minni.

Blood Glucose sticks

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid meta l-persuni li jbatu mid-dijabete se jibdew jingħataw apparat u l-isticks biex jagħmlu moniteraġġ tal-blood glucose level tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuni li jbatu mid-dijabete tat-Tip 1 diġa ngħataw l-apparat u l-isticks biex jagħmlu moniteraġġ tal-blood glucose level. Dawk il-pazjenti li għandhom id-dijabete tat-Tip 2 u jieħdu l-insulina ilhom jingħataw l-apparat u l- isticks b’xejn biex jagħmlu moniteraġġ tal- blood glucose level mill-2017. Il-proġett li ser iwassal biex pazjenti li għandhom id-dijabete tat-Tip 2 u jieħdu mediċina orali, jingħataw l-apparat u l- isticks b’xejn biex jagħmlu moniteraġġ tal- blood glucose level beda’ f’ April li għadda u qiegħed ikun estiż raħal raħal. Sa issa beda’ fil-Furjana, il-Marsa u il-Ħamrun u qiegħed ikompli fil-Belt Valletta. Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikompli fil-Birgu, l-Isla, Bormla, x-Xgħajra, Ħaż Żabbar, il-Fgura u Ħaz Żebbuġ, u wara jkompli ma’ Għawdex u Malta kollha.

Persuni li jbatu bid-Dementia u/jew Alzheimer’s

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm hawn persuni li hu kkalkulat li jbatu bid-Dementia jew/u Alzheimer’s f’pajjiżna? Kemm hu kkalkulat li se jiżdied dan in-numru fl-għaxar snin li ġejjin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li, skont studju li sar mill-Universita` ta' Malta u li kien ġie ppublikat f'rivista akkademika fis-sena 2012, kien instab illi fis-sena 2010, f'Malta kien hawn 5,198 persuna bid-dimenzja u/jew Alzheimer. Dan in-numru kien maħsub illi jilħaq is-6,071 persuna fis-sena 2015, u 9883 persuna fis-sena 2030.

Spiża totali marbuta mad-Dementia/Alzheimer’s

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm hu kkalkulat li hi l ispiża totali f pajjiżna marbuta mad-Dementia/Alzheimer’s?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, studji ta' kemm id-dimenzja tiswa’ lil Malta qatt ma saru lokalment. Iżda skont studju li sar mill-Universita' ta Karolinska, fl-Izvezja u li ġie ppublikat fis-sena 2010, instab illi f'Malta n-nefqa totali fuq id-dimenzja tvarja bejn 63.1 miljun Ewro, għal 96.2 miljun Ewro. Id-differenza f'dawn il-figuri, jiddependi mill-ammont ta' kura informali (ċioe dik li tingħata mill-familja). L-ewwel figura tikkorrespondi għal 1.6 siegħat ta' kura nformali kuljum, filwaqt illi t-tieni figura tikkorrespondi għal 3.7 siegħat ta' kura nformali kuljum. Għalkemm għaddew kważi għaxar snin minn dan l-istudju, huwa jibqa l-aktar studju ricenti li għandna ta' din ix-xorta.

Sptar Monte Carmeli – Pazjenti li ġew discharged

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm pazjenti li ġew discharged mill-Isptar Monte Carmeli matul is-sena l-oħra u din is-sena u reġgħu ġew ammessi fl-istess sena li ġew discharged sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2017 kien hemm 709 pazjenti li ġew re-admitted fl-isptar Monte Carmeli filwaqt li minn Jannar sal-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena kien hemm 228.

Kunsilli Lokali: Impjiegi ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali li impjegaw magħhom persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali matul din il-Leġiżlatura?

Response (BONNICI, OWEN)

Minħabba l-protezzjoni tal-identita’ ta’ dawn il persuni ma nħossx li ghandi naghti indikazzjoni speċifika f’ liema Kunsilli Lokali dawn gew impjegati.

Servizzi Residenzjali għall-Persuni b'Diżabilita — Standards Nazzjonali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28025 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm saru sorveljanza mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali fid-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Nuqqas ta’ Saħħa Mentali/Hostels, meta saru dawn iż-żjarat u f’liema Residenza saru dawn iż-żjarat ta’ sorveljanza matul din il-Leġiżlatura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali permezz tal-uffiċjali tiegħu jagħmel żewġ tipi ta’ spezzjonijiet fil-faċilitajiet liċenzjati għas-saħħa mentali f’pajjiżna, jiġifieri (1) spezzjonijiet / żjarat għall-għarrieda jew bħala parti minn investigazzjoni ta’ lmenti li jkun irċieva u (2) spezzjonijiet ippjanati skont Artiklu 6 tal-Att dwar is-Saħħa Mentali li daħal fis-seħħ f’Ottubru 2013. Ma tinżammx statistika dwar spezzjonijiet għall-għarrieda. Dwar spezzjonijiet ippjanati skont l-Att dwar is-Saħħa Mentali, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-iskedi dettaljata tal-ispezzjonijiet li saru matul din il-leġiżlatura.

Servizzi Residenzjali għall-Persuni b'Diżabilita — Standards Nazzjonali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28025 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm saru sorveljanza mill-Health Care Standards Directorate fid-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Nuqqas ta’ Saħħa Mentali/Hostels, meta saru dawn iż-żjarat u f’liema Residenza saru dawn iż-żjarat ta’ sorveljanza matul din il-Leġiżlatura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Health Care Standards Directorate jagħmel kemm spezzjonijiet għal għarrieda jew bħala parti minn investigazzjoni ta’ lmenti li jkun irċieva kif ukoll spezzjonijiet ippjanati. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra il-lista tal-ispezzjonijiet li saru mill-Health Care Standards Directorate matul din il-leġiżlatura sal-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena.

Helpline — telefonati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm telefonati ġenwini tal-Helpline għall-għajnuna u li saru minn persuni bi problemi ta’ saħħa mentali bħal depressjoni, solitudni u każijiet ta’ suwiċidju matul is-sena l-oħra u matul din is-sena sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej ; TIP TA’ TELEFONATA SENA 2017 Telefonati Ġenwini 8895 Raġunijiet għal Telefonati marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ saħħa mentali 2017 Ansjetà ( Anxiety ) 96 Saħħa Mentali ( Mental Health ) 1040 Dipressjoni ( Dipression) 369 Solitudini ( Loneliness ) 684 Affarijiet Suwiċidali ( Suicidal Issues ) 54 Total ta’ telefonati marbuta ma’ kwsitjonijiet ta’ saħħa mentali 2243 Għas-sena 2018 l-informazzjoni għadha mhux magħrufa minħabba li tinġabar kull sitt xhur u għaldaqstant l-informazzjoni tkun tista’ tiġi provduta aktar tard.

Servizz Outreach

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi proċedura hemm biex persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali tibda tirċievi s-Servizz ta’ Outreach? Min huwa responsabbli minn dan is-servizz? Hemm xi waiting list biex persuna tinqeda minn dan is-servizz? Kemm huwa ż-żmien li persuna tistenna biex tirċievi dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dawk il-persuni li jkollhom bżonn is-servizz tal-Outreach jiġu riferuti mill-Konsulenti Psikjatriċi rispettivi tagħhom. Dan is-servizz jaqa` taħt ir-responsabbilta’ tas-Senior Nurse Manager u Charge Nurse. M`hemm l-ebda lista ta` stennija u persuna tiġi segwita immedjatament .

Persuni li jbatu bid-dijabete

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid kemm hu kkalkulat li hawn persuni f’Malta u f’Għawdex li jbatu bid-dijabete?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni li jbatu bid-dijabete u jieħdu xi mediċina b’xejn relatata ma din il-kundizzjoni sal-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena huwa ta’ 30, 677. Ninfurmah ukoll illi n-numru attwali ikun xi ftit akbar għaliex ikun hemm ftit pazjenti li jikkontrollaw din il-kundizzjoni bid-dieta biss u oħrajn li jagħżlu li ma jużawx mediċinali b'xejn milli jipprovdi l-istat. Skont l-iStħarriġ Nazzjonali dwar is-Saħħa (EHIS) li sar fl-2015, 8.5% mill-popolazzoni ta' eta' 'l fuq minn 15-il sena iddikkjaraw li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete. Dan jammonta għal madwar 33, 600 persuna. Dan in-numru ma jinkludix dawk li jsofru minn din il-kundizzjoni imma għadhom ma jafux. Filfatt riżultati preliminari ta’ studju nazzjonali li għaddej bħalissa jindikaw li n-numru jista’ jkun akbar.

Spiża totali nazzjonali marbuta mal-inċidenza tad-Dijabete

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid kemm hu kkalkulat li hi l-ispiża totali nazzjonali marbuta mal-inċidenza tad-dijabete f’pajjiżna (Spiża; preventive measures, kura primarja, hospitalization, mediċini, surgery, telf ta’ ġranet ta’ xogħol eċċ.)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

San Maison Elderly Home – trasferiment ta’ pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid hux minnu li d-Dar tal-Anzjoni ta’ Sa Maison Home se tagħlaq? Jekk fl-affermattiv, billi hemm numru ta’ pazjenti mill-Isptar Monte Carmeli traferit f’din il-home, jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid fejn se jmorru jekk tagħlaq din il-home ? Kemm hemm pazjenti trasferiti mill-Isptar Monte Carmeli għal San Miason? Jekk dawn il-pazjenti jiġu trasferiti f’post ieħor min se jħallas u kemm se jitħallas għal kull pazjent?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dar tal-Anzjani ta’ Sa Maison ser tingħalaq minħabba xi xogħol ta’ rinovar f’din l-istess dar, filwaqt li ser ikunu qed jinfetħu żewġt idjar oħra li permezz tagħhom ser jospitaw 40 pazjent li kienu ġew trasferiti mill-isptar Monte Carmeli fis-sena 2003 taħt l-iskema Extended Care System. Trattativi mad-diriġenti ta’ Sa Maison għadhom għaddejin. Hemm ukoll 18 pazjenti oħra li ġew trasferiti f’ Sa Maison matul Novembru tal-2017 peress li kien qed isiru xi xogħlijiet strutturali fl-isptar Monte Carmeli. Dawn il-pazjenti ser jiġu trasferiti f’dar oħra tal-anzjani liema negozjati għadhom ukoll għaddejjin.
Leg 13 PQ #5965 Sitting 124 2018-06-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Korp tal-Emerġenza / Kumpaniji Parastatali – suldati — ħlas dovut

Question

Jista’ l-Prim Ministru jiċċara jekk persuni li kienu f’Korp tal-Emerġenza jew impjegati mal-kumpaniji parastatali fejn kienu jaħdmu bħala suldati u ħafna minnhom bħala tradesmen u li kienu impjegati bejn is-snin 1972 u l-1997 hux se jieħdu flus dovut lilhom kif qed jieħdu ħaddiema oħrajn? Billi dawn wettqu xogħol importanti u taw servizz utli lil pajjiż, jaħsibx li dawn ukoll għandhom jibbenefikaw minn flus (somma) li l-Gvern qed jagħti l-ħaddiema oħra?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #5981 Sitting 124 2018-06-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għalliema tar-Reliġjon

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bżonn ta’ għalliema ġodda tar-Reliġjon fis-sena skolastika li jmiss? Kemm applikaw għalliema tar-Reliġjon u kemm biħsiebu jdaħħal il-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għar-Riżorsi Edukattivi bħalissa qiegħed fil-proċess li jiddetermina l-bżonnijiet tal-iskejjel tal-Istat għas-sena skolastika 2018/19. Waqt dan il-proċess jiġu wkoll ikkunsidrati t-talbiet tal-edukaturi għal ċaqliq minn skola għal oħra. Għal dawk li huma għalliema, dan il-proċess jingħalaq fl-aħħar ta’ Ġunju 2018. Ikun f’dan l-istadju li nkunu nafu eżattament kemm għandna bżonn nimpjegaw għalliema għal kull suġġett. Din is-sena applikaw disa’ persuni bħala għalliema tar-Reliġjon.

Għarfien dwar is-Saħħa Mentali — Programmi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5933 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5839, jista’ l-Ministru jindika dawk il-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex li kellhom taħditiet regolari f’din il-Leġiżlatura dwar suġġetti relatati ma’ għarfien/stigma dwar is-saħħa mentali u meta saru dawn it-taħditiet u minn min saru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Cleansing Malta – uffiċjali tas-sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Uffiċjali tas-Sigurtà impjegati mal-Gvern u li qegħdin ma’ Cleansing Malta, b’ordni tad-Direttur Ġenerali qed jgħidulhom li se jintbagħtu jiġbru ż-żibel il-Belt u minflokhom se jiġu ngaġġati Uffiċjali tas-Sigurtà mill-privat? Jista’ jgħid jekk dan id-Direttur Ġenerali għandux dritt li jgħid li se jibgħat impjegati bi grad ta’ Uffiċjal tas-Sigurtà jiġbru ż-żibel biex xogħolhom jittieħed mill-privat? Il-Ministru ġie infurmat b’dan u kien ta l-approvazzjoni tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minħabba diversi raġunijiet, inħass il-bżonn li għal iktar sigurta’ organizzata, għandu jkun hemm sigurta’ professjonali fuq bażi ta’ 24 siegħa fil-binja amminstrattiva tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, peress li qed isiru investimenti kbar fejn jirrigwarda makkinarju. Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux minnu li ngħatat xi ordni mid-Direttur Ġenerali rigward dawn l-uffiċjali tas-sigurta’ sabiex imorru jiġbru l-iskart matul il-lejl fil-Belt Valletta. Dawn se jibqgħu jaħdmu ta’ uffiċjali ta’ sigurta’ f’binjiet oħra tad-Diviżjoni fosthom Pembroke u Mellieħa. Biss dawn ingħatatilhom l-għażla fuq bażi individwali biex jekk jixtiequ jkunu jistgħu parti mit-tim li jiġbor l-iskart matul il-lejl. Dan dejjem fuq għażla individwali.