Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid x’ħinjiet jiftaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop? X’ħinijiet ikun hemm tabib? X’ħinijiet ikun hemm nurse?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Kirkop jiftah kuljum bejn is-7 ta’ fil-għodu sat-8 ta’ fil-għaxija. It-Tabib tal-Familja jara l-pazjenti mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8 ta’ fil-għodu sat-8 ta’ fil-għaxija u s-Sibtijiet mit-8 ta’ fil-għodu sas-1 ta’ wara nofsinhar. L-infermiera tkun qed tagħti servizz fiċ-ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop, mit-Tnejn sal-Ħadd mis-7 ta’ fil-għodu sat-8 ta’ fil-għaxija.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid minn meta beda jopera ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop? Kemm attendew pazjenti s’issa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn meta beda’ jopera ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Kirkop igifieri mit-Tnejn 17 ta’ Settembru 2018 sas-29 t’ Ottubru 2018 attendew 7,050 persuna.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 32312 tat-Tnax-il Leġislatura bid-data tat-23 ta’ Marzu, 2017, jista’ d-Deputat Prim Ministru jinforma lill-Kamra fejn wasal il-proċess sabiex jinħolqu standards għad-Djar Residenzjali u Hostels u meta dawn l-istandards sejrin jiġu implimentati?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir grupp ta’ ħidma sabiex jiġu drafted l-istandards għad-Djar Residenzjali u Hostels sabiex ikunu konformi ma’ l-istrateġija l-ġdida dwar is-saħħa mentali.
Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali fil-komunità – kura u servizzi
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1970 bid-data tat-23 ta’ Ottubru 2017, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinfurmana x’konklużjonijiet ħarġu mid-diskussjonijiet li kienu għaddejjin biex jiżdiedu l-kura u s-servizzi lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali fil-komunità?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir ix-xogħol sabiex tinħareġ espressjoni ta` interess sabiex tkun tista’ tinstab binja alternattiva għal klinika u Ċentru ta` Matul il-Jum tal-Furjana li tkun adekwata u aċċessibli. Aktar il-quddiem ser tkun qed tinħareġ sejħa simili għal binja oħra fit-tramuntana ta` Malta biex niżviluppaw servizz ġdid ta` klinika u Ċentru ta` Matul il-Jum. Barra minn hekk fix-xhur li ġejjin ser tiġi varata policy għall-konsultazzjoni dwar kif NGOs fil-qasam tal-kura fil-komunita’ jkunu jistgħu jaħdmu f’sinerġija mal-Gvern.
Persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali – servizz ta’ outpatients fl-Isptar Mater Dei jew fil-komunità
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6607, jista’ d-Deputat Prim Ministru jindika kemm huwa n-numru ta’ klijenti li huma out-patients fl-Isptar Mater Dei f’kull waħda mil-lokalitajiet imsemmija fir-risposta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba minnu.
Akkomodazzjonijiet Soċjali — Persuni b’Nuqqas ta’ Saħħa Mentali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti minn persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li qed jistennew post għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fid-dawl li l-kriterja tal-eliġġibiltà ma tagħmilx referenza speċifika għall-persuni li għandhom sfidi u problemi ta’ saħħa mentali, l-Awtorità tad-Djar m’għandiex din l-istatistika.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet, hawn taħt imsemmija, u li qed jgħixu fil-komunità:
· Ansjetà
· Bipolar Disorder
· Skiżofrenja
· Dipressjoni
· Eating Disorders
· OCD
· ADD u ADHD
· Addiction?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġewwa iċ-ċentri ta’ matul il-jum hemm 1,377 persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jbatu minn ansjetà, 275 Bipolar Disease, 485 Skizofrenja, 1625 b’dipressjoni, 42 eating disorders, 184 OCD, 77 ADD u ADHD u 79 li għandhom addiction.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2819 bid-data tas-6 ta’ Diċembru, 2017, jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid illum kemm mit-13,558 persuna li huma out-patients u li qed jgħixu fil-komunità, qed jirċievu s-servizz tal-Programm ta’ Ħbiberija? X’għandha tagħmel persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali sabiex tibda tirċievi dan is-servizz?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant fl-2018, ġew riferuti 54 persuna. Dan huwa programm ta’ Ħbiberija offrut b’mod volontarju fil-komunità lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali. Dan is-servizz jindirizza persuni li għandhom diffikultà biex jissoċjalizzaw jew għandhom nuqqas ta’ sapport bħal ħbieb jew familjari fil-post fejn jgħixu. Il-voluntiera joffru madwar siegħa jew tnejn fil-ġimgħa fejn jiltaqu ma persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u jieħdu sehem f’attiviitjiet li jistgħu jkunu ta’ nteress u ta’ bżonn: bħal joħorġu jieħdu kafè, jaqraw xi ktieb, jaraw xi film, jakkumpanjaw lil persuna f’xi post li tkun tixtieq tmur eċċ. Biex persuna li għandha nuqqas ta’ saħħa mentali taċċedi għal dan is-servizz trid tiġi referuta mit-Tim Psikjatriku li huwa responsabbli għal kura tiegħu/tagħha. Dan jista’ jsir kemm mill-isptar kif ukoll mill-komunità.
Wied il-Għajn — inkjesta fi blokka fejn kien hemm nar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6660 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza tal-eżitu tal-inkjesta li saret minħabba nar fi blokka f’Wied il-Għajn fejn persuna tilef ħajtu, jista’ l-Ministru jgħid hux legali li fi blokka ta’ flats fejn ikunu joqogħdu numru ta’ residenti, l-aċċess għall-bejt ikun imblukkat jew agħar, magħluq b’mod permanenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-inkjesta msemmija ngħalqet fit-22 ta’ Ġunju 2018.
Peress li l-punt legali sollevat mill-Onor. Membru jinċidi fuq il-mertu tal-inkjesta ma jkunx prudenti u lanqas ma huwa skont ir-regoli dwar il-mistqosijiet parlamentari li jiġi espress parir legali fuq dan il-punt fil-Kamra.
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija dwar il-każ tal-allegat qtil ta’ ferħ ta’ qattusa li ġiet imsawta sal-mewt f’restaurant f’Għajn Tuffieħa? Jista’ jgħid ukoll meta saru dawn ir-rapporti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li ma saru ebda rapporti lill-pulizija dwar il-każ tal-allegat qtil ta’ ferħ ta’ qattusa barra restaurant f’Għajn Tuffieħa.
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-pulizija ordnatx li ssir awtopsja fil-każ tal-allegat qtil ta’ ferħ ta’ qattusa li ġiet imsawta sal-mewt f’restaurant f’Għajn Tuffieħa fejn anke r-ritratti tal-qattusa mejta dehru fuq il-media?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, il-Pulizija bdiet tinvestiga il-każ ex officio wara li segwiet rapporti li dehru fil-media soċjali u rapporti relatati mal-każ. Sfortunatament meta l-pulizija marru fuq il-post, l-imsemmi qattus kien tneħħa.
Għajn Tuffieħa – qtil ta’ qattusa — interrogazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid x’investigazzjoni saret wara l-allegat qtil ta’ qattusa f’restaurant f’Għajn Tuffieħa? Kemm kellmet/interrogat nies il-pulizija fl-investigazzjoni tagħha?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi dwar l-allegat qtil ta’ qattusa f’restaurant f’Għajn Tuffieħa, il-pulizija ħadet passi meta saret taf bil-każ mill-media soċjali u matul l-investigazzjonijiet tagħha kellmet numru ta’ persuni li kien magħruf li kienu fuq il-post meta sar l-allegat inċident fit-12 ta’ Awissu 2018, inkluż lil min allegatament seta’ wettaq ir-reat.
Għajn Tuffieħa – qtil ta’ qattusa – filmati ta’ CCTV cameras
Question
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk fl-investigazzjoni tal-Pulizija dwar l-allegat qtil brutali ta’ ferħ ta’ qattusa f’Għajn Tuffieħa elevatx filmati ta’ CCTV Cameras li seta’ kien hemm fir-restaurant fejn allegat inqatlet il-qattusa u minn CCTV cameras oħra li seta’ kien hemm fl-inħawi inkluż iżda mhux biss fejn instabet mejta?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi dwar l-allegat inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, il-Pulizija għamlu l-indaġini tagħhom.
Wied il-Għajn – inkjesta fi blokka fejn kien hemm nar
Question
B’referenza tal-eżitu tal-inkjesta li saret minħabba nar fi blokka f’Wied il-Għajn fejn persuna tilef ħajtu, jista’ l-Ministru jgħid hux legali li fi blokka ta’ flats fejn ikunu joqogħdu numru ta’ residenti, l-aċċess għall-bejt ikun imblukkat jew agħar, magħluq b’mod permanenti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6065 u 5933 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5839, jista’ l-Ministru jindika dawk il-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex li kellhom taħditiet regolari f’din il-Leġiżlatura dwar suġġetti relatati ma’ għarfien/stigma dwar is-saħħa mentali u meta saru dawn it-taħditiet u minn min saru?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li saru bosta laqgħat ta’ informazzjoni u outreach minn staff speċjalizzat mill-isptar Monte Carmeli dwar is-saħħa mentali. Dawn il-laqgħat ikunu miftuħa għall-pubbliku in ġenerali.
Qed nannetti ma’ din ir-risposta lista tal-laqgħat li saru matul din il-leġiżlatura s'issa, jiġifieri matul din l-aħħar sena, liema informazzjoni kienet provduta mill-istess Sptar.
LokalitàPostData
Is-SwieqiKunsill Lokali04/07/2017
Il-MellieħaDay Centre26/09/2017
In-NaxxarDay Centre20/10/2017
Ħaż-ŻebbuġKunsill Lokali24/10/2017
Il-BirguKunsill Lokali25/01/2018
In-NaxxarKunsill Lokali16/02/2018
Is-SwieqiKunsill Lokali20/02/2018
Il-GżiraDay Centre18/04/2018
VallettaFondazzjoni RISE30/04/2018
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jinfetaħ formalment il-Family Resource Centre f’Wied il-Għajn? Kemm hemm familji vulnerabbli identifikati minn social mentors u li sarilhom profiling, li jgħixu f’din il-lokalità? X’tipi ta’ għajnuna qegħdin jirċievu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, għalkemm ma sarx ftuħ formali taċ-Ċentru LEAP ta’ Wied il-Għajn, madanakollu l-ħidma mill-istess Ċentru ilha tingħata għal dawn l-aħħar 24 xahar, wara li saru l-preparazzjonijiet meħtieġa, sabiex jiġi attrezzat iċ-Ċentru b’dak li hemm bżonn sabiex jopera.
Hemm 299 individwu li ġejjin minn familji vulnerabbli u li joqogħdu Wied il-Għajn, li ġew identifikati minn
social mentors
li sarilhom il-
profiling.
Ingħatat assistenza lil għoxrin familja minn Wied il-Għajn sabiex jiġi mogħti self mingħajr depożitu minn banek lokali sabiex tinxtara residenza flok kiri, dan bis-sħab u f’kollaborazzjoni mal-Awtorita` tad-Djar. Fl-2017 ġew mgħejjuna 14-il familja u s’issa, f’din is-sena ġew mgħejjuna 6 familji.
Kien hemm ukoll 11-il familja minn Wied il-Għajn illi bbenefikaw mill-iskema ta’ bdil ta’ appliances b’kollaborazzjoni mal-Water & Energy Agency, bl-iskop li l-appliances ġodda, mogħtija bla ħlas, jikkunsmaw anqas enerġija.
L-għajnuna li tingħata lill-familji fil-bżonn minn dan ic-Ċentru LEAP ta’ Wied il-Għajn tvarja minn:
· tfittxija ta’ xogħol bi sħab u f’kollaborazzjoni attiva` ma’
Jobsplus
;
· 513-il familja minn Wied il-Għajn jibbenefikaw minn waħda mill-iskemi tat-tqassim tal-ikel, 416-il familja jintlaħqu mill-iskema SFFD (
State Funded Food Distribtion
) u 97 mill-iskema FEAD (
Fund for the European Aid for the Most Deprived
);
· tagħrif u taħriġ illi jiġi organizzat speċifikament għar-residenti ta’ din il-lokalità skont il-ħtieġa u l-għajnuna li jitolbu;
· ħidma fil-kommunità sabiex kull familja li teħtieġ għajnuna issib kenn u servizz minn organizzazjoni fil-lokalità tagħha, jew tiġi riferuta għal servizz ieħor meħtieġ, sabiex tintegra soċjalment u tingħata l-għajnuna meħtieġa.
Marsaskala – Family Resource Centre — Taħriġ fuq il-Computers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u meta saru korsijiet ta’ taħriġ fuq il-computers fil-Family Resource Centre ta’ Marsaskala matul dawn l-aħħar tliet snin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li matul il-perjodu msemmi saru sitt korsijiet ta’ taħriġ kif mistoqsi mill-Onor. Interpellant. Fis-sena 2016 saru żewġ korsijiet li kienu ‘Learn IT’ f’Mejju u ‘4 Kids Course’ fis-Sajf. Fis-Sajf tal-2017 żewġ korsijiet li kienu ‘Robotica’ u ‘4 Kids Course’. Dis-sena, 2018, sar kors ‘Em Citizen 2018’ f’Mejju u ser isir kors ieħor ‘Robotica nation and coding’ matul is-Sajf.
Marsaskala — Studenti li għandhom il-kundizzjoni tad-dyslexia
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li għandhom il-kundizzjoni tad-dyslexia u li joqogħdu Marsaskala? Kemm-il kors ta’ taħriġ sar (u meta saru dawn il-korsijiet) lill-ġenituri ta’ dawn l-istudenti f’dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-korsijiet ta’ taħriġ għall-ġenituri ta’ tfal bid-dyslexia organizzati mill-SpLD f’dawn l-aħħar ħames snin. Dawn il-korsijiet ikunu miftuħa għall-ġenituri tat-tfal bid-dyslexia tal-iskejjel kollha ta’ Malta, inkluża dik ta’ Marsaskala. Dan ifisser li kull min ikun interessat ikollu l-opportunità li jattendi.
Infurmat li n-numru ta’ studenti mill-iskola primarja ta’ Marsaskala li għandhom din il-kundizzjoni huwa ta’ 38.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus (kapitali u rikorrenti) fuq servizzi fil-komunità u fuq servizzi residenzjali fil-qasam tas-saħħa mentali f’dawn l-aħħar ħames snin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt fejn qed tindika n-nefqa totali għas-servizzi tas-saħħa mentali tas-snin imsemmija.
Sena
Nefqa totali
2013
€33,405,858.10
2014
€31,006,507.55
2015
€ 33,405,858.10
2016
€34,982,136.63
2017
€40,590,133.00
Jista’ l-Ministru jara li tiġi rranġata gallarija li partijiet miċ-ċinta tal-ġebel tagħha waqgħu u tħallew mal-art fuq il-bankina? Dan għaliex kemm il-ġebel li hemm fuq il-bankina kif ukoll il-gallarija, huma ta’ periklu għal ħafna li jużaw din il-bankina? Billi ċ-ċinta ta’ din il-bankina fi blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ilha li waqgħet madwar xahar u billi tħalliet hekk u billi din il-blokka hi tas-Social Housing, jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi rranġata din il-gallarija? Billi f’din l-istess blokka joqogħdu nies bi bżonnijiet speċjali, imma li joħorġu jimxu barra ta’ spiss, jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa qabel iweġġa’ xi ħadd anki billi għad hemm il-periklu li jista’ jaqa’ aktar ġebel? Qed nhemeż ritratt li juri l-bankina bil-ġebel li waqa’ mill-gallarija xahar ilu u li tħalla hekk sal-lum.
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita` tad-Djar ġiet infurmata li waqgħet parti mit-tlibbisa tal-gallarija msemmija dan ix-xahar stess. L-Awtorita` tad-Djar diġa qed tieħu l-passi sabiex tingaġġa kuntrattur biex jagħmel it-tiswijiet meħtieġa mill-aktar fis. Fil-fatt, diġa sar appuntament mal-inkwilini biex issir spezzjoni mill-Perit u l-kuntrattur din il-ġimgħa stess.