Legislature:
Category:
Reset
Active:

Spezzjoni fuq klieb marbutin b’mod permanenti

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid, kemm ilha li tressqet il-liġi li ma jistgħux jinżammu klieb marbutin b'mod permanenti (chaining of the dogs), kemm-il spezzjoni saret? Meta saru dawn l-ispezzjonijiet u f’liema nħawi saru? Kemm tressqu l-qorti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Sptar Monte Carmeli – każ ta’ individwu

Question

B'referenza għall-każ ta’ persuna li ttieħdet l-Isptar Mount Carmel dan l-aħħar eskortata mill-pulizija u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid: a. jekk skont il-liġi tas-saħħa mentali dan il-klijent ingħatax id-dritt mogħti bil-liġi tal-Att dwar is-Saħħa Mentali ġiet mgħoddija minn dan il-Parlament fl-2013 li jagħżel person of trust biex iħares l-interessi tiegħu? Jekk iva, intagħżel dan il- person of trust mill-klijent (naturalment ma ma jinteressanix min hu l- person of trust ); b. Il-Ministru ħa permess mingħand il-pazjent jew mingħand dan il-person of trust qabel żvela f'sezzjoni tal-media li dan kien każ psikjatru għax anke dan l-aspett jaqa’ taħt id-dritt tal-kunfidenzjalità tal-pazjent inkwistjoni? c. Il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali talab permess mill-klijent inkwistjoni jew mill-person of trust tiegħu qabel żvela pubblikament li qed issir inkjest dwar il-mod kif ittieħed l-isptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda każ bl-isem imsemmi minnu separatament.
Leg 13 PQ #9367 Sitting 205 2019-03-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Servizz ta’ Psikologu — użu minn studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li għamlu użu mis-servizz ta’ psikologu f’dawn l-aħħar tliet snin u jekk hemmx xi lista ta’ stennija? Kif jistgħu l-ġenituri jagħmlu użu minn dan is-servizz għall-benefiċċju ta’ uliedhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin 2016, 2017 u 2018 il-Psikologi fi ħdan l-iSchool Psychological Service raw 3,105 każijiet. Il-Lista ta’ Stennija f’Mejju tal-2016 kienet ta’ 1,382 filwaqt li fi tmiem is-sena 2018 kienet ta’ 390. Is-servizz hu fuq bażi ta’ Open Referral system u għaldaqstant il-ġenituri jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz dirett billi jimlew ir-Referral Form huma jew jitolbu assistenza mill-iskejjel. Din l-istatistika hija tal-iSchool Psychological Service fi ħdan l-NSSS (National School Support Services) li hi responsabbli mill-iskejjel statali.

Iż-Żejtun – Triq il-President Anton Buttigieg – irranġar ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun? Hemm il-ħsieb li ssir private road man-naħa tad-djar residenzjali minħabba l-periklu kontinwu li toffri din it-triq għar-residenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Spiżerija tal-Għażla Tiegħek — capsules tal-Omega +

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8449 u 8699 fejn id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa baqa jinsisti li l-kapsoli omega+ qatt ma ngħataw mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara d-dokumenti li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jara li dawn il-kapsoli jkompli jingħataw lil din il-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 8449 u 8699, ninfurmah ukoll illi l-kapsoli Omega3 m’humiex u qatt ma kienu fuq il-formularju tal-Gvern. Madanakollu kienu jingħataw fuq bażi ta’ named patient basis lil numru żgħir ta’ pazjenti skont il-htieġa tagħhom. Barra minn hekk, skont il-linji gwida internazzjonali dawn m'għadhomx klinikament indikati u ġew riferuti għat-tneħħija mill-intitolament.

Karozzi bil-permess Y

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mis-sena 2014 sal-lum kemm ħarġu permess Y?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2014 sal-lum ħarġu 223 permess bil-Y plate. It-tabella t’hawn isfel turi kemm ħarġu kull sena rispettivament. Sena Numru ta’ permessi 2014 20 2015 33 2016 21 2017 31 2018 91 2019 27

Bir id-Deheb – Roundabout — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid x'inhu x-xogħol li qed isir mar-roundabout ta' Bir id-Deheb hekk kif toħroġ mill-bypass ta’ Ħal Għaxaq? Meta hemm pjan li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġimgħa ilu, Infrastructure Malta bdiet xogħol ta’ tiswijiet estensivi tar-roundabout ta’ Bir id-Deheb, bejn iż-Żejtun u Ħal Għaxaq, biex isaħħaħ il-pedamenti b’saffi tal-konkos, qabel ma tinkesha b’wiċċ t’asfalt ġdid. It-toroq li jagħtu għal dan is-salib it-toroq baqgħu aċċessibbli permezz ta’ devjazzjonijiet minn toroq qrib l-istess roundabout. Sabiex jonqsu d-diffikultajiet għal dawk li jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi, ħafna mix-xogħol sar billejl. Tħaffer il-wiċċ tar-roundabout, sakemm inkixef il-materjal li bih kienu saru l-pedamenti tat-triq fil-passat. Peress li dan ma kienx b’saħħtu biżżejjed, wiċċ it-triq kien qiegħed iċedi u joħloq diffikultajiet għal dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi. Dan il-materjal tneħħa biex minfloku tpoġġew saffi ta’ konkos b’saħħtu, biex jiflaħ għall-volum kbir ta’ karozzi li jużaw din l-arterja importanti. Waqt li kien għaddej dan ix-xogħol, saru wkoll trinek biex fihom tpoġġew cables tal-elettriku ġodda. Dawn saru biex tinħoloq kapaċità addizzjonali għall-elettriku, li jista’ jkun meħtieġ minn żviluppi ġodda fl-inħawi fiż-żmien li ġej, u b’hekk jiġi evitat li r-roundabout ikollha bżonn terġa’ tinqala’. Minħabba li l-maltemp li għamel fi tmiem il-ġimgħa ma ppermettiex li x-xogħol jissokta b’mod sigur għall-ħaddiema, ix-xogħol ippjanat għal tmiem il-ġimgħa li għaddiet kellu jiġi pospost għal-lejla, it-Tnejn 25 ta’ Frar. Matul il-lejl se jitqiegħdu l-ewwel saffi ta’ asfalt tal-wiċċ ġdid tat-triq. Jekk ma jkunx hemm diffikultajiet oħra ta’ maltemp, ir-roundabout tkun tista’ tinfetaħ mill-ġdid kmieni t-Tlieta filgħodu (26 ta’ Frar). Wara li r-roundabout tinfetaħ mill-ġdid, l-aħħar saff ta’ asfalt fil-karreġġjata tagħha jkun jista’ jsir fil-ġimgħat li ġejjin, f’xogħlijiet oħra li se jsiru mal-lejl meta jkun qed isir ukoll l-aħħar saff ta’ asfalt f’Dawret Ħal Għaxaq, waħda mit-toroq li jagħtu għall-istess junction, u li wkoll qed tinbena mill-ġdid minn Infrastructure Malta. F’Dawret Ħal Għaxaq, ir-rotta ewlenija bejn Ħal Tarxien, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u l-Gudja, Infrastructure Malta qed tibdel is-servizzi tal-ilma taħt il-livell tat-triq, tirranġa l-bankini, kif ukoll tagħmel sisien bil-konkos u saffi t’asfalt ġodda, bħalma sar fil-jiem li għaddew mar-roundabout. Billi t-triq hija twila madwar wieħed punt tmienja kilometri, ix-xogħol inqasam f’sezzjonijiet differenti. L-ewwel parti li qed issir hija n-naħa lejn Bir id-Deheb. Ix-xogħol jibqa’ sejjer sat-tarf l-ieħor fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Bettina, il-Gudja.

Bir id-Deheb – roundabout – traffic management

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jara li jkun hemm traffic management aħjar sakemm jitlesta x-xogħol li qed isir mar-roundabout ta’ Bir id-Deheb hekk kif toħroġ mill-bypass ta’ Ħal Għaxaq għax qed ikun hemm staġnar sħiħ ta’ karozzi f'diversi toroq tal-madwar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 9132 tal-istess Seduta.

Residenza San Vinċenz de Paul – xiri ta’ affarijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mis-sena 2014 sal-lum x'inxtara mir-Residenza San Vinċenz de Paul, item b’item u jekk dan inxtrawx b’direct order jew b’tender jew billi jintalbu prezzijiet? Jista’ jagħti l-ismijiet ta’ kumpaniji, ħwienet, kuntratturi, intrapriżi eċċ. minn fejn inxtara kull item?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Gynae Ward — serq

Question

Jista’ d-Deputat Prim u Ministru għas-Saħħa jara li jiġi investigat is-serq li qed isir b’mod regolari mill-Gynae Ward f’Mater Dei kemm minn fuq nurses kif ukoll minn fuq pazjenti? Jista’ jgħid kemm ġie rrappurtat serq minn din is-sala f’din l-aħħar sena? Possibbli li jsir sforz biex b’kollaborazzjoni mal-Pulizija din il-problema fil-Gynae Ward tiġi investigata? Jista’ ġentilment jieħu konnotazzjoni li fost l-affarijiet misruqa, kien hemm ammonti kbar ta’ flus, tablet ta’ pazjenta ftit jiem biss qabel ma mietet, ċwievet tad-dar, ċwievet ta’ karozzi u diversi oġġetti oħra? Billi din il-problema qed toħloq stress żejjed fuq staff u pazjenti, jista' jiddelega biex b’kollaborazzjoni mal-Pulizija, dan il-każ jiġi investigat bis-serjetà għax konvint li affarijiet bħal dawn jinkwetaw kemm l-istess Ministru kif ukoll l-awtoritajiet ta’ Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċju tal-Kap tas-Sigurta’ fl-isptar Mater Dei rċieva żewġ rapporti dwar allegat serq ta’ oġġetti/flus b’valur totali ta’ circa €350 matul is-sena 2018 mis-sala ndikata minnu. Iż-żewġ każi ġew mgħoddija lill-pulizija għal aktar investigazzjonijiet. Ninfurmah ukoll illi matul din is-sena l-ebda serq ma ġie rrapurtat fl-uffiċċju tal-kap tas-sigurtà fl-Isptar Mater Dei.

Spiżerija tal-Għażla Tiegħek — capsules tal-Omega +

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8449, fejn id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa qal li l-kapsuli tal-Omega + qatt ma kien fil-formularju tal-gvern, u peress li għal tletin sena sħaħ l-pazjenti kienu qed jingħataw din il-mediċina, u ritratt tal-kaxxa qed jingħata separatament u li din ilha xhur out-of-stock, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinnota li kontra kif weġibni, dan l-istess prodott kien jittieħed mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) sa ftit żmien ilu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jinsab informat ħażin, għax l-imsemmi prodott la hu u lanqas qatt kien fuq il-formularju tal-Gvern.

Żejtun – Triq San Duminku – art ta’ persuna

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 7874 u 8228, jista’ l-Ministru jara li ssir ġustizzja mal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u titħallas ta’ proprjetà meħuda mill-Gvern u mwaqqa’ biex isir parking pubbliku u dan kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Appell li fit-18 ta’ Lulju 2017 preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u mill-Onorevoli Imħallef Tonio Mallia u mill-Onorevoli Imħallef Joseph Azzopardi kienu ordnaw lill-Kummissarju tal-Artijiet iħallas kumpens ta’ €88,616 lil din l-anzjana, u jara li dan l-ammont jitħallas? Billi fiż-żewġ tweġibiet il-Ministru kien qal li qed isiru preparamenti biex din l-anzjana titħallas, jaħsibx li minn Lulju 2017 sal-lum, kważi perjodu ta’ sentejn, kienx hemm biżżejjed żmien biex din l-anzjana titħallas? Jaqbilx il-Ministru li bil-prinċipju bażiku ta’ justice delayed is justice denied din l-anzjana issa wasal iż-żmien li titħallas kif ikkonfermat il-Qorti tal-Appell u ma jkollhiex għalfejn tidħol f’aktar spejjeż legali biex tieħu dak li l-qorti tagħna kkonfermat għal darba darbtejn? Jista’ ġentilment jintervjeni personalment biex din l-anzjana ma tibqax tiġi mgħoddija biż-żmien u fl-istess waqt tibqa’ tiġi sfidata ordni tal-qorti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed isir dak kollu possibbli biex is-sitwazzjoni tiġi solvuta mill-aktar fis possibbli.

Sptar Mater Dei – Parkeġġ riservat għall-Membri Parlamentari

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid lill-amministrazzjoni tal-Isptar Mater Dei biex jaċċerta li l-postijiet ta’ parking riservati għall-membri parlamentari ma jsirx parking fihom minn terzi, fosthom konsulenti u oħrajn, għax sar impossibli li ssib post vojt fil-parking allokat għall Membri Parlamentari? Għaliex m’għadux ikun hemm security f’dan il- parking biex jaċċerta li jipparkja biss min hu intitolat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parking bays riservati għal membri parlamentari attivi huma immonitorjati minn parkers b’mod kontinwu. Dan il-monitoraġġ jwassal għal azzjoni meta xi ħadd jipparkja b’mod abbużiv mingħajr il-permessi meħtieġa.

Spiżeriji tal-Għażla Tiegħek — capsules tal-Omega 3

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid għaliex mhux qed jingħataw Omega 3 (fish oil) mill-Ispiżeriji tal-Għażla Tiegħek u minkejja diversi telefonati dawn baqgħu bla pilloli u bla risposta? Meta se jibdew jingħataw dawn il-capsules?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Omega 3 (fish oil) qatt ma kienu fuq il-formularju tal-Gvern għall-mediċini. Fil-fatt m’hemmx prodott tal-Omega 3 (Fish oil) li huwa reġistrat bħala prodott mediċinali.

Iż-Żejtun – Triq San Duminku – art ta’ persuna

Question

B referenza għall-mistoqsija parlamentari 7874, jista' l-Ministru ġentilment jara li jiġu finalizzati l-preparamenti meħtieġa biex titħallas il-familja li kienet ittiħdilha proprjetà mill-Gvern u din Il-familja rebħet kawża u appell fil-qorti fejn il-qorti iddeċidiet fiż-żewġ stanzi li din il-familja għandha tibgħata kumpens li ġie stabbilit mill-qorti? Jista' ġentilment jara li tiġi onorata d-deċiżjoni tal-Qorti mingħajr aktar dewmien fid-dawl tal-prinċipju legali li justice delayed is justice denied?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat, l-Awtorità tal-Artijiet talbet dokumenti ulterjuri sabiex tkompli bl-ivvettjar abbażi tal-istess dokumenti sabiex isir il-kuntratt li permezz tiegħu jkun jista’ jingħata l-kumpens xieraq.

Mental Health Crisis Intervention – konsulent psikjatriku

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex is-sejħa li kienet ħarġet biex jimtela l-post ta’ Konsulent Psikjatriku fil-Mental Health Crisis Intervention ġiet irtirata jew inkella ma ġietx ipproċessata? Jaħsibx li meta r-rata ta’ emerġenzi psikjatriċi fosthom każijiet ta’ suwiċidju qed jiżdiedu, din il-kariga hija importanti? Hemm il-ħsieb li jerġa’ jiġi mwaqqaf il-Mental Health Crisis Intervention Team li ġie żarmat meta kien qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna? Jista’ ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fiż-żmien li kienet ħarġet is-sejħa, fl-2014 kien ġie deċiż illi s-sejħa għal Konsulent Psikjatriku ma jkunx għal xogħol komunitarju esklussivament imma jkun jinkludi wkoll xi xogħol ibbażat fl-isptar. Nfakkru illi waqt konferenza nazzjonali fl-5 ta’ Diċembru tnehdiet il-Konsultazzjoni pubblika dwar Strateġija Nazzjonali tas-Saħħa 2020-2030 u hija din l-istrateġija li se tkun qed tippjana l-iżvilupp għal-kura u prevenzjoni tas-Saħħa Mentali f’Malta u Għawdex inkluż ukoll fil-komunita’.
Leg 13 PQ #7909 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Inċident ta’ “Paqpaqli għall-Istrina” – ħlas lill-vittmi

Question

B’referenza għall-kumpens li tħallas lill-vittmi tal-inċident “Paqpaqli għall-Istrina”, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma globali li tħallset mingħajr ma jgħid lil min tħallset? Billi dawn huma flus il-poplu, jaħsibx li l-poplu għandu dritt ikun jaf kemm kienet is-somma mħallsa? Jista’ jgħid jekk jaqbilx li l-poplu għandu kull dritt ikun infurmat kemm hi s-somma globali li tħallset mit-taxxi tal-poplu stess?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-Gvern għadda lill-Community Chest Fund l-ammont ta’ €3.6 miljun, sabiex jingħata l-kumpens miftiehem mal-vittmi tal-inċident, għaddejjin negozjati sabiex jiġi rkuprat lura parti mis-somma mħallsa mill-kumpannija tal-assikurazzjoni u għalhekk is-somma finali għadha mhix magħrufa.
Leg 13 PQ #7910 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Bical — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni li kellhom flushom il-Bical hux se jitħallsu l-kumplament ta’ flushom kif kienu ġew imwiegħda? Jekk iva meta?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel ma jiġu risolti d-diversi kawżi li hemm miftuħa quddiem il-Qrati, ma jista’ jsir l-ebda ħlas lil dawk li kellhom flushom investiti fil-Bical.

Iż-Żejtun – Triq San Duminku – art ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tieħu l-flus għall-art privata tagħha fi Triq San Duminku, iż-Żejtun, li kien post mibni u li kien ittieħdilha u twaqqa’ mill-Gvern fl-1989, biex isir car park pubbliku mingħajr is-sidien ma ngħataw ebda kumpens saħansitra anke wara li rebħu l-kawża u anke l-appell li sar mill-Gvern? Peress li fit-18 ta’ Lulju 2017 il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, mill-Onor. Imħallef Tonio Mallia u mill-Onor. Imħallef Joseph Azzopardi kienet ikkonfermat u obbligat lill-Gvern permess tal-Kummissarju tal-Artijiet biex iħallas il-kumpens ta’ €88,616 imma billi sal-lum minkejja li għaddiet aktar minn sena mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell dawn l-ispejjeż dovuti lil din l-anzjana għadhom ma tħallsux, jista’ jara li tiġi segwita s-sentenza tal-qorti mingħajr aktar dewmien?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tal-Artijiet qegħda fil-proċess li tipprepara l-att relattiv sabiex isir il-kuntratt li permezz tiegħu jkun jista’ jingħata l-kumpens xieraq.

Arabja Sawdija – qtil ta’ ġurnalista

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti kkundannax pubblikament il-qtil tal-ġurnalista Jamil Khashoggi fil-Konsulat tal-Arabja Sawdija fit-Turkija? Jekk iva, meta? Jista’ jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-gvern fuq dan il-qtil brutali u jekk wassalx il-kundanna tiegħu lil Arabja Sawdija?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onoroveli Interpellant li l-Gvern Malti qiegħed isegwi mill-qrib l-iżviluppi relatati mal-qtil tal-ġurnalist Sawdit, Jamal Khashoggi, fil-konsulat tal-Arabja Sawdija fit-Turkija. Ta’ min wieħed isemmi li r-Rappre¿entanta Għolja tal-Unjoni Ewropea, Federica Mogherini, ħarġet stqarrija f'isem l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, fl- 20 ta’ Ottubru 2018 fejn ġiet enfasizzata l-ħtieġa ta' investigazzjoni bir-reqqa, kredibbli u trasparenti li titfa dawl fuq iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-qtil tal-ġurnalist. Il-Gvern Malti jkompli jappoġġa din il-pożizzjoni. Il-Ministeru ġie wkoll mistoqsi minn xi media lokali fejn għamilna ċara l-pożizzjoni tagħna.