Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar tal-Anzjani taż-Żejtun — carers ma’ anzjani li jmorru sptar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jinsabx infurmat li fid-Djar tal-Anzjani taż-Żejtun, anzjani li jkollhom imorru l-isptar bħala emerġenza jew għal xi vista u m'għandhomx qraba, qed jintbagħtu waħedhom bla carer meta qabel il-prassi kienet li jekk ma jkollhomx qraba jintbagħat carer magħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, r-responsabilità sabiex anzjani residenti ġewwa d-djar tal-Gvern, jittieħdu għall-appuntamenti l-isptar hija primarjament tal-familjari. Madanakollu, fl-assenza tal-familjari, t-tmexxija tad-dar tal-anzjani, tara li tipprovdi l-assistenza ta’ carer. Rigward djar tal-anzjani taħt Public Private Partnership, l-assistenza lill-anzjan/a issir skont kif maqbul fil-kuntratt.

Sptar Monte Karmeli — Forensic Unit - spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża totali kuljum ta’ kull pazjent li jinsab fil-Forensic Unit tal-Isptar Monte Karmeli?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull pazjent li hemm ġewwa l-Forensic Unit tal-Isptar Monte Karmeli hu stmat li jiġi jiswa madwar €115 kuljum.

Kummissarju tal-Pulizija — kummenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija preżenti ngħata promozzjoni u nħatar kummissarju meta kiteb kliem ta’ natura politika fuq il-Facebook tiegħu, filwaqt li suldat li kkritika lill-gvern fuq xatba u għadda kumment kontra l-gvern, tkeċċa minn suldat? Jaħsibx li dan huwa attakk kontra l-libertà tal-espressjoni li fizzjal tal-Korp tal-Pulizija kiteb favur il-gvern u membru tal-AFM tkeċċa għax għadda rimarki simili imma li setgħu jiġu interpretati li huma kontra l-Gvern? Ma jaħsibx li dan huwa każ ċar ta’ diskriminazzjoni politika?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rimarki li għadda l-membru tal-AFM, bl-ebda mod ma kienu interpretati li huma kontra l-Gvern.

Ħ’Attard – Taqsima tal-Forensika — priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9371 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet irreferuta lilu u jgħid kemm hemm priġunieri fit-Taqsima Forensika ta’ Ħ’Attard u x’inhi l-ispiża ta’ kull sena relatata ma’ dan is-servizz f’dan il-post?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Emerġenza psikjatrika — Tfal li użaw is-servizz

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mit-870 każ ta’ tfal li għamlu użu mis-servizz tal-emerġenza psikjatrika minn Ġunju 2016, kien hemm li ġew irreferuti mill-iskola? Kemm minn dawn it-870 każ ta’ tfal, kellhom jiddaħħlu l-isptar mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 79 tfal li ġew ammessi fil-YPU (Young People’s Unit) wara li kienu irrikorrew għas-servizz tal-CAPES (Child Adolescent Psychiatric Emergency Services).

Child Guidance Clinic – tfal li użaw is-servizz

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm adoloxxenti taħt is-16-il sena li għamlu użu mis-servizz tal-Child Guidance Clinic f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-CYPS (children and young people service) joffru s-servizzi tagħhom lil tfal/adoloxxenti sal-eta’ ta’ 18 -il sena. Fil-CYPS fl-2016 saru 6,780 sessjonijiet/appuntamenti, fl-2017 6,275 filwaqt fl-2018 saru 7,031.

Sptar Mater Dei – Outpatients Clinic – adoloxxenti li użaw is-servizz

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm adoloxxenti ’l fuq minn 16-il sena li f’dawn l-aħħar tliet snin għamlu użu mis-servizz tal-Out Patients Clinic tal-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2016 kien hemm total ta’ 436,259-il vista lil adoloxxenti ‘l fuq minn 16 il-sena f’Out Patients Clinics tal-Isptar Mater Dei, fl-2017 kien hemm 449,436 filwaqt li fl-2018 466,885.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – ftuħ ta’ aktar ċentri

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux sejrin jinfetħu aktar Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali matul din is-sena? Jekk iva, fejn sejrin jinfetħu dawn iċ-Ċentri? Jekk le, meta se jinfetħu aktar ċentri?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħed jiġi mistħarreġ ir-rispons li kellu d-dipartiment għad-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-pjan nazzjonali għall-kura tas-saħħa mentali.

Pilloli b’xejn għall-anzjani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara għaliex anzjani li għandhom il-pensjoni, mhux qed jingħataw b’xejn il-mediċini Rivaroxaban 20 mg li kull kaxxa ta’ 28 tablet tiswa €85, kif ukoll l-Ideos tablets li jiswew €10 fix-xahar? Billi naf każ ta’ anzjan li dawn iż-żewġ mediċini jeħodhom kuljum, u jgħid li għandu spiża ta’ ‘l fuq minn €100 fix-xahar, jista’ l-Ministru jara li dawn il-pilloli jingħataw b’xejn f’każijiet bħal dawn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti aktar informazzjoni dwar l-imsemmija anzjani sabiex il-każ ikun jista’ jiġi segwit.

Qorti — Xhieda Viva Voce – recording u transcription

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Qorti u tal-istess Ministeru dwar jekk litigant/attur li jixhed viva voce fil-Qorti, għandux ikollu mezz li huwa u/jew l-avukat tiegħu jingħata kopja tar-recording tax-xhieda tiegħu kif ukoll traskrizzjoni ta’ dik ix-xhieda biex jaċċerta li dak li nkiteb, ikun fidil max-xhieda tiegħu fil-kawża, speċjalment jekk l-attur ikollu problema li jaqra u jikteb bil-Malti u allura x-xhieda tiegħu tkun bl-Ingliż?

Response (BONNICI, OWEN)

Peress li l-Onor. Membru qiegħed jirrferi għal-“litigant/attur” qiegħed nassumi li huwa qiegħed jirreferi biss għal proċeduri ċivili fejn ix-xhieda kollha hija aċċessibbli għall-pubbliku sakemm il-qorti ma tkunx ordnat mod ieħor. Madankollu hija dejjem aċċessibbli għall-partijiet u għall-avukati tagħhom. L-Artikolu 7 tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni Elettro-Manjetika ta’ Proċedimenti (Kap 284) jipprovdi ukoll hekk: “7.Ir-Reġistratur jista’ jagħti kopji tal-oriġinali ta’ tapes mal-ħlas ta’ dak id-dritt li l-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista’b’regolamenti jistabbilixxi.” Ir-regolament 2 tal-Legislazzjoni sussidjarja 284.01 jipprovdi hekk: “2.Għandu jitħallas dritt ta’ sitt euro u disgħa u disgħin ċenteżmu (6.99) lir-Reġistratur tal-Qrati għax-xiri ta’ kull kopja ta’ tape li fuqha jkunu gew registrati procedimenti b’xi mezz elettro-manjetiku, irrispettivament mit-tul ta’ zmien ta’ dak it-tape.” Il-lingwa li biha tinghata x-xhieda ma taghmilx differenza.” Dwar proceduri kriminali japplika l-artikolu 518 tal-Kodici Kriminali li jipprovdi, fost affarijiet ohra hekk: ‘L-Atti u d-dokumenti tal-Qorti ta’ Ġustizzja Kriminali ma jistgħu jintwerew lil ħadd, lanqas ma jistgħu jinghataw kopji tagħhom mingħajr permess speċjali tal-qorti, ħlief lill-Avukat Ġenerali, lill-partijiet fil-kawża jew lil avukat jew prokuratur legali li jkun awtorizzat mill-istess partijiet; imma dawk l-atti kollha li jkunu iinqraw fil-qorti bil-miftuh, jista` jarahom kull min irid u jistghu jinghataw kopji taghhom, bil-hlas tad-dritt soltu.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – inkjesta fuq mewt ta’ priġunier

Question

Fid-dawl tar-rapport fuq il-mezzi tax-xandir li nfetħet inkjesta maġisterjali dwar priġunier li allegatament instab mejjet fiċ-ċella tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u dan kif ġie rrappurtat nhar l-Erbgħa 13 ta’ Marzu 2019, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-priġunier inkwistjoni kienx Malti jew barrani u minn min qed titmexxa din l-inkjesta Maġisterjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-priġunier hu ta’ nazzjonalità Maltija u l-Maġistrat li qed tagħmel l-inkjesta hi Dott. Astrid May Grima.

Sptar Mater Dei — dentisti

Question

Billi irċevejt ilmenti min-nies li d-dentisti tal-Isptar Mater Dei qegħdin b'direttiva, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li d-dentisti qed jittrattaw biss każijiet ta' aċċidenti u nies b’emoroġija biss? Jekk iva, x'inhi l-kwistjoni mad-dentisti u kemm ilha fis seħħ id-direttiva? Meta hemm il-ħsieb li tiġi riżolta billi n-nies qed ikollhom imorru privat biex jinqdew?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati għadhom għaddejjin biex jinstab arranġament li jkompli jtejjeb l-prospetti professjonali tad-dentisti li jagħżlu li jagħtu s-servizz tagħhom fis-settur pubbliku, kif ukoll li jipprovdi qafas li permezz tiegħu jkun jista’ jingħata servizz aħjar u aktar fil-pront lill-pazjenti li jirrikorru għal dan is-servizz.

Marsaskala — inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’dawn l-aħħar tliet snin f’Marsaskala? F’liema toroq seħħew dawn l-inċidenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u t-28 ta’ Frar 2019, il-pulizija rreġistrat mija u tmien (108) inċident tat-traffiku f’Marsaskala fit-toroq li huma indikati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat illi din il-figura ma tinkludix kolliżżjonijiet ‘Front to Rear’ u inċidenti oħra li kienu rreferuti lill-Gwardjani lokali.

Smoking Cessation Clinics

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid fejn huma allokati l-iSmoking Cessation Clinics u x’għandu wieħed jagħmel biex jirċievi dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iSmoking Cessation Clinics huma allokati fiċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, tal-Furjana u ta’ Raħal Ġdid. Is-servizz jiġi offrut wkoll fl-isptar Ġenerali ta’Għawdex. L- Att dwar il-Kontroll tat-Tipjip tat-Tabakk (KAP. 315) jirrekjedi li kull pakkett individwali u kull ippakkjar estern tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għandu jinkludi l-informazzjoni Tobacco Stop Line : 80073333 kif ukoll il-website: www.health.gov.mt . Sabiex wieħed jirċievi dan is-servizz, wieħed jista’ · jċempel fuq it- Tobacco Stop Line 8007 3333 fejn jista’ jħalli d-dettalji tiegħu (f’kull ħin tal-ġurnata u tal-lejl) permezz ta’ answering machine , jew · jidhol fuq is-sit health.gov.mt, u japplika onlajn fis-sezzjoni tal- Health Promotion , jew · ikellem professjonist tas-saħħa li t/jkun t/jista’ t/jiggwidah għas-servizz, jew · jimla applikazzjoni manwalment – applikazzjonijiet jinsabu fiċ-Ċentri tas-Saħħa u ġol-isptar Mater Dei.

Programm ta’ Ħbiberija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu użu mill-Programm ta’ Ħbiberija? Hemm xi lista ta’ stennija għal dan il-Programm? X’taħriġ għandhom il-voluntiera ta’ dan il-Programm?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan huwa programm ta’ Ħbiberija offrut b’mod volontarju fil-Komunita’ lil persuni b’nuqqas ta saħħa mentali. Dan is-servizz jindirizza persuni li għandhom diffikulta’ biex jissoċjalizzaw jew għandhom nuqqas ta’ sapport bħal ħbieb jew familjari fil-post fejn jgħixu. Il-voluntiera joffru madwar siegħa jew tnejn fil-ġimgħa fejn jiltaqu ma persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u jieħdu sehem f’attiviitjiet li jistgħu jkunu ta’ nteress u ta’ bżonn: bħal joħorġu jieħdu kafe’, jaqraw xi ktieb, jaraw xi film, jakkumpanjaw lil persuna f’xi post li tkun tixtieq tmur, etc. Biex persuna li għandha nuqqas ta’ saħħa mentali taċċedi għal dan is-servizz trid tiġi referuta mit-tim psikjatriku li huwa responsabbli għal kura tiegħu/tagħha. Dan jista’ jsir kemm mill-isptar kif ukoll mill-komunita’. Persuni li jixtiequ joffru dan is-servizz fi ħdan il-volontarjat, jeħtieġ li jċemplu d-dipartiment tal-psikologija 23304313/23304183 u jistaqsu għal Ms Farrugia Lauri, Ms Ellul Bonici jew Ms Buhagiar. Jingħataw applikazzjoni, jimlew d-dettalji neċessarji u jipprovdu dokumenti mitluba. Wara proċess ta’ vetting issir interview u jekk jintgħażel jingħata it-taħriġ neċessarju. Dan il-proċess ta’ għażla huwa neċessarju sabiex il-persuna li se toffri dan is-servizz tkun waħda idoneja u sikura għal persuna li għandha nuqqas ta’ saħħa mentali. Bħalissa qed jiġu pproċessati numru ta’ applikazzjonijiet ġodda għal volontarjat u għal persuni li jixtiequ jużaw is-servizz. Ta’ min jgħid li dan il-proċess isir b'mod regolari kull tlieta/erbgħa xhur. Ms Tessie Saliba Practice Nurse toffri introduzzjoni u orjentazzjoni flimkien ma’ Ms Geraldine Ellul Bonnici pero' billi il-volontarji magħżula huma invarjabilment persuni b'degree il-psikoloġija jew fis-social work diġa jkunu ħadu t-taħriġ meħtieġ f'dan il-qasam. Dan jipprovdi sigurta’ kemm għal klijent kif ukoll għal voluntier.

Ħ’Attard – Taqsima tal-Forensika — priġunieri

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm hemm priġunieri fit-Taqsima Forensika ta’ Ħ’Attard? X’inhi l-ispiża ta’ kull sena relatata ma’ dan is-servizz f’dan il-post?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi il-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Il-Fgura — Dairy Farm - moħqrija

Question

B'referenza għall-istorja imtella mit-Times on Line nhar il-Ħamis 7 ta Marzu bit-Titlu "Disturbing images depicit horrible conditions at Fgura dairy farm", jista' l-Ministru jgħid hux se jittieħdu passi kriminali kontra s-sid fuq akkużi ta' moħqrija lill-annimali? X'passi ħa d-direttur inkargat minn dan il-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex dawn l-annimali ma jibqgħux ibatu u jgħixu f'dawn il-kundizzjonijiet ta' moħqrija? Meta saret l-aħħar viżta mid-direttorat dwar dan il-farm u x'instab u dan fid-dawl li d-dipartiment konċernat kien jaf b'dawn il-kundizzjonijiet fil-farm? Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li l-aħħar spezzjoni li saret mid-Direttorat fuq dan ir-razzett kien fis-7 ta' Marzu 2019. Qabel din id-data kienu saru spezzjonijiet oħra f’Awwissu u Diċembru 2018 u kienet anke saret twissija bil-miktub biex jirranġa l-affarijiet. Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tar-Regolazzjoni Veterinarja huwa awtonomu fid-deċiżjonijiet regolamentorji li jieħu, jien infurmat li dan l-istess direttorat wara li ra u kkunsidra ċ-ċirkostanzi tal-każ u wara li kkunsidra wkoll il-fatt li l-operatur ewlieni tal-farm miet m’ilux u kif ukoll wara li kkunsidra wkoll d-diffikultajiet li sabu l-eredi, ħass li mhux il-każ li jittieħdu passi kriminali f’dan l-istadju. Jien infurmat ukoll li r-regolatur, ħareġ ordni biex fi żmien stipulat ta’ xahar kumplessivament u bħala l-aħħar opportunita’ biex ir-razzett jirregola ruħu: · Jinġieb veterinarju privat tal-fiduċja tal-eredi biex tingħata kura lil dawk l-annimali li għandhom is-slieħ u qed ibagħtu mid-deni fis-sider u fejn hemm mard ieħor. L-eredi jridu jistabbilixxu pjan tas-saħħa tar-razzett kollu flimkien mal-veterinarju u jridu jaraw kif inhuma bi ħsiebhom ikomplu (ġimgħa). · Kull materjal li jinsab fir-razzett u li jista’ jwassal biex jikkawża uġiegħ jew tbatija bla bżonn irid jiġi mneħħi immedjatament mir-razzett (xahar). · Id-demel kollu li jinsab fl-imħażen fejn qegħdin l-annimali jrid jiġi mneħħi u mnaddaf immedjatament u kuljum. · L-artijiet kollha fejn għandhom aċċess għalihom il-bhejjem iridu jiġu rranġati b’tali mod li l-bhejjem ma jiżolqux meta jkunu fuqhom. Hemm bżonn li jintuża iktar friex mal-art biex jassorbi iktar ilma u jevita li jkun jiżloq. · Irid isir pjan ta’ azzjoni dwar kif l-ammont ta’ bhejjem ser jiġi mnaqqas (mill-iktar fiss possibli).

Ċilindri tal-gass – spezzjonijiet biex jiġu evitati leakages u splużjonijiet

Question

Fid-dawl ta’ splużjonijiet ta’ ċilindri tal-gass u leakages li seħħew minn ċilindri oħra tal-gass, (jien stess kelli ċilindru li beda jillikja waqt li kien imqabbad mal-heater), jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru spezzjonijiet biex jiġu osservati standards ta’ safety mill-prodotturi taċ-ċilindri tal-gass u fejn jimtlew biex safejn ikun possibbli, jiġu evitati nirien, leakages jew splużjonijiet? Billi jidher li dis-sena ġew rappurtati numru ta’ każijiet ta’ leakages fejn saħansitra kien hemm posts anke fuq facebook f'dan is-sens, jaħsibx il-Ministru li din il-materja għandha tittieħed bis-serjetà li jixirqilha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li abbażi tal-informazzjoni disponibbli s'issa, dawn l-inċidenti ma jidhrux li huma relatati. Għar-rigward ta’ dawn it-tliet inċidenti riċenti li potenzjalment kienu jinvolvu ċilindru tal-gass, kemm l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kif ukoll ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma bdew minnufih l-investigazzjonijiet rispettivi tagħhom. Jirriżulta li hemm għaddejja ukoll inkjesta maġisterjali dwar wieħed minn dawn il-każijiet. Tajjeb li wieħed ikun jaf li jsiru l-kontrolli fuq iċ-ċilindri fir-rigward tal-integrità strutturali u tal- leaks . Ċilindri ġodda huma ċċertifikati fil-punt tat-tqegħid fis-suq għall-konformità mal-istandards relevanti. Sussegwentement, iċ-ċilindri jiġu ċertifikati mill-ġdid kull 10 snin. Kontrolli dokumentarji fir-rigward tal-proċess ta' ċertifikazzjoni mill-ġdid jitwettqu fuq bażi kontinwa. Prodotti li ma jgħaddux mit-testijiet għaċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid jinqerdu mill-fornitur. Isiru ukoll kontrolli fuq regolaturi u valvi li jibdew minn verifiki dokumentarji li jindikaw li dwar il-prodott ikkonċernat ikunu twettqu l-verifiki ta' konformità kollha meħtieġa skond il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-verifiki ikunu akkumpanjati b'testjar tal-prodott fiżiku li jsir f'laboratorju akkreditat. Dawn ir-riżultati tat-test huma ġeneralment disponibbli f’madwar 15-il ġurnata, bla ħsara għad-disponibilità tal-laboratorji. L-individwi u l-kumpanniji li jqiegħdu fis-suq apparat, ċilindri tal-gass u regolaturi, huma responsabbli biex jiżguraw li l-prodotti jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet kollha tas-sigurtà skond il-leġiżlazzjoni applikabbli.

Veterinary nurses

Question

Billi f'pajjiżna għandna numru ta’ veterinary nurses li jaħdmu ma’ veterinarji u ħafna minnhom, għalkemm għamlu diversi korsijiet u għandhom taħriġ u esperjenza vasta, imma m'għamlux taħriġ formali mill-MCAST u billi l-maġġoranza assoluta ta’ dawn n-nurses huma mħarrġa sew f'xogħolhom bħala veterinary nurse u għandhom esperjenza vasta f'dan il-qasam, jaħsibx il-Ministru li għandha ssir liġi li tirregola dan is-settur ta’ veterinary nurses fejn issir grandfather clause li tiġbor fiha l-ħafna nurses li għalkemm m'għamlux il-kors formali għandhom diversi forom ta’ taħriġ ieħor u esperjenza vasta f'dan il-mistier tant li huma impjegati bħala veterinary nurses ma’ għadd ta’ veterinarji? Billi dan il-qasam ta’ veterinary nurses baqa’ qatt ma ġie regolat jaħsibx li b'kollaborazzjoni bejn iż-żewġt naħat tal-Kamra jista’ jsir abbozz biex dawn il-veterinary nurses jiġu regolati u possibbilment reġistrati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellat li ma hemmx għalfejn isir abozz ta’ liġi sabiex jirregola lil dan il-mistier għaliex il-funzjoni ta’ dawn l-infermiera veterinarji hija koperta fl-Att ezistenti, Kap 437 li jħares is-Servizzi Veterinarji. Il-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Kirurġi Veterinarji mwaqqaf skont l-artikolu 39 tal-Att Dwar Is-Servizzi Veterinarji (Kapitolu 437), f’artikolu 42 (1) jgħidu li dan il-Kunsill għandu: ( b ) jżomm reġistru għar-rigward ta’ dik il-professjoni u professjonijiet u snajja’ supplimentari għall-professjoni veterinarja; ( ċ ) jippreskrivi u jżomm il-livelli professjonali u etiċi għall-professjoni veterinarja u professjonijiet u snajja’ supplimentari għall-professjoni veterinarja; Sottokumitat fi ħdan dan il-Kunsill diġa beda jamgħel xogħol sabiex professjonijiet u snajja’ supplimentari għall-professjoni veterinarja jibdew jiġu regolati u rreġistrati. Il- veterinary nurses jaqgħu taħt din il-kategorija ta’ professjonijiet u snajja’ supplimentari għall-professjoni veterinarja u qegħdin jiġu inklużi fil-proċess. L-abbozz li qiegħed jiġi mfassal, filwaqt li għadu fi stadju bikri, jsegwi regolamenti diġà stabbiliti għall-professjonijiet oħrajn (fosthom dik Veterinarja) ta’ kif professjonijiet u snajja’ jiġu regolati u reġistarti. Dawn ir-regolamenti jaħsbu sabiex jirregolaw u jirreġistraw dawk l-individwi illi ma jkollhomx kwalifika iżda li jkollhom numru ta’ snin ta’ esperjenza valida sakemm dawn josservaw u jirrispettaw ċerti kriterji. Dan il-prinċipju li jinkludi persuni li jkun ilhom jaħdmu f’ċertu settur meta dan is-settur jew professjoni jiġi regolat għal ewwel darba huwa prinċipju bażi li huwa mitlub ukoll f’direttiva Ewropea li tikkonċerna is-servizzi.

Persuni li tressqu l-qorti fuq moħqrija tal-annimali

Question

Jista’ l-Minsitru jgħid, mill-2013 sal-lum, kemm tressqu nies il-qorti, sena b'sena, fuq akkużi li għandhom x'jaqsmu mal-moħqrija tal-annimali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.