Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ilmenti li rċieva l-Kummissarju għas-Saħħa

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6283, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ ilmenti li rċieva l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali matul dawn l-aħħar tliet snin? Fuqiex kienu jikkonsistu dawn l-ilmenti u għal liema servizzi ġew indirizzati dawn l-ilmenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ lmenti formali li rċieva il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali kien dsatax fl-2016, sittax fl-2017 u tnax fl-2018. L-Uffiċċju tal-Kummissarju jirċievi wkoll medja ta’ bejn għaxar u tnax il-talba oħra fil-ġimgħa għall-assistenza u/jew informazzjoni, il-maġġor parti tagħhom b’mod telefoniku. Il-kontenut ta’ dawn l-ilmenti u/jew talbiet jikkonċerna materji koperti mill-Att dwar is-Saħħa Mentali.

Roster tan-Nursing Officer u Deputy Nursing Officer

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10094, jista' l-Ministru jgħid, peress li wasluli lmenti minn qraba li għandhom pazjenti fis-sala li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li r-roster tan-Nursing Officer u d-Deputy Nursing Officer ma jikkumplimentawx lil xulxin, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn id-Deputy Nursing Officer f’din is-sala jidher li għandha roster uniku għax minkejja li jien infurmat li uffiċjalment hu miktub mod, fil-fatt taħdem sas-2pm? Naqbel li fejn jista’, il-management għandu jakkomoda l-bżonnijiet ta’ din id-Deputy Nursing Officer, però d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ma jaħsibx li l-management li sa fejn hu possibbli għandu jara li r-roster ta’ din id-Deputy Nursing Officer għandu jikkumplimenta dak tan-Nursing Officer?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-roster tad-deputy u tan-nursing officer jikkumplimentaw lil xulxin.

Marsascala — Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm se jinbnew djar ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Marsaskala u f’liema naħa tal-lokalità dawn id-djar se jinbnew? Jista’ jgħid ukoll jekk ġiex ikkonsultat il-kunsill lokali ta’ din il-lokalità qabel ma ttieħdet din id-deċiżjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, d-dettalji dwar il-units ta’ housing soċjali ġodda, se jkunu qegħdin jingħataw fix-xhur illi ġejjin. Dawn il-units ser ikunu qegħdin jinbnew permezz ta’ investiment ta’ €60 miljun mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, li ser iwassal sabiex l-Awtorità tad-Djar ikollha 1,000 unit ġdid ta’ housing soċjali.

Skema Carer at Home

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġenituri/qraba ta’ persuni b’diżabilità jistgħux jagħmlu użu mill-Iskema Carer at Home?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Iskema Carer at Home hija miftuħa għal kull persuna li għandha 60 sena jew aktar, li hija eleġibbli li tibbenifika mill-iskema skont kif spjegat fid-deskrizzjoni annessa mal-iskema; liema applikazzjoni tista’ tiġi aċċessata mis-sit elettroniku https://activeageing.gov.mt.

Wied il-Għajn – proġetti relatati mal-Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9991, jista’ l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn il-proġetti li ġejjin, li huma relatati mal-Fondi tal-Unjoni Ewropea hekk kif ibbenefika minnhom il-Kunsill Lokali ta` Marsaskala f’dawn l-aħħar ħames snin u jekk dawn hux diġà twettqu jew le: a. Europe for Citizens: Even us little one count; u b. Europe for Citizens: Integrate together for a better European future?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li l-proġetti tal-Europe for Citizens twettqu t-tnejn li huma bl-aħħar proġett ċjoè dak ta’ Integrate together for a better European future tlesta ukoll xi ftit tal-ġimgħat ilu u jinsabu qegħdin jippreparaw ir-rapporti li se jiġu sottomessi dalwaqt fuq l-EU portal. Ninsab infurmat li kienu żewġ proġetti li permezz tagħhom sar skambju ta’ ideat bejn diversi membri tal-Unjoni Ewropea bit-temi magħżula. Tali proġetti l-ewwel iridu jiġu evalwati mill-Unjoni Ewropea u fil-fatt iż-żewg proġetti ġabu kważi punti massimi biex b’hekk setgħu jitwettqu.

Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn — Bini tal-Uffiċini Amministrattivi

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta se jibda l-bini tal-Uffiċini Amministrattivi tal-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn u meta huwa indikat li se jitlesta? Fiex se jikkonsisti dan il-bini?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li jinsab fl-aħħar fażi tal-procurment fejn iż-żmien tal-appell issa għadda u l-kunsill finalment jinsab fl-aħħar proċess li jiffirma l-kuntratt mal-kuntrattur. Hekk kif isir dan, għandhom isiru laqgħat bejn il-perit u l-kuntrattur flimkien ma’ rappreżentanza tal-kunsill biex jiġi determinat meta ser jimbeda x-xogħol. Dan ser jkun l-ewwel fażi tax-xogħol peressli jinvolvi l-bini tal-kunsill u mhux il-finishings.
Leg 13 PQ #10130 Sitting 228 2019-05-28 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Wied il-Għajn — Prijoritajiet /Inizjattivi ġodda

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9989, jista’ l-Ministru issa jindika l-inizjattivi ġodda li se jsiru f’Wied il-Għajn billi din hija żona turistika? Meta se jibdew jitwettqu dawn l-inizjattivi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9989, ċjoè li inizjattivi ġodda se jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Roster tan-Nursing Officer u Deputy Nursing Officer

Question

Peress li wasluli lmenti minn qraba li għandhom pazjenti fis-sala li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li r-roster tan-Nursing Officer u d-Deputy Nursing Officer ma jikkumplimentawx lil xulxin, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn id-Deputy Nursing Officer f’din is-sala jidher li għandha roster uniku għax minkejja li jien infurmat li uffiċjalment hu miktub mod, fil-fatt taħdem sas-2am? Naqbel li fejn jista’, il-management għandu jakkomoda l-bżonnijiet ta’ din id-Deputy Nursing Officer, però d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ma jaħsibx li l-management li sa fejn hu possibbli għandu jara li r-roster ta’ din id-Deputy Nursing Officer għandu jikkumplimenta dak tan-Nursing Officer?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda roster sas-sagħtejn ta’ fil-għodu. Ir-roster eżistenti tad Deputy Nursing Officer tas-sala msemmija minnu separatament, jikkumplimenta dak tac-Charge Nurse.

Iż-Żejtun – Triq San Duminku – art ta’ persuna

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 7874, 8228 u 8789 jista’ l-Ministru ġentilment jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament titħallas tal-proprjetà meħuda mill-gvern u dan peress li skont sentenza tal-Qorti tal-Appell tat-18 ta’ Lulju 2018, kienet ordnat lill-gvern biex immedjatament jitħallas il-kumpens tal-proprjetà u art li kienet ġiet meħuda? Peress li l-Ministru dejjem wieġeb li qed isir minn kollox biex din il-persuna titħallas, ġentilment jinnota li meta l-Awtorità tal-Artijiet għajtulha għall-kuntratt, kienet ġiet ippreżentata pjanta li ma kenitx tinkorpora l-art u l-proprjetà kollha meħuda, u kellu jkun l-avukat tagħha li induna? Peress li l-Awtorità tal-Artijiet għad trid iġġib id-dokumenti mill-Qorti, jista’ l-Ministru jintervjeni mal-Awtorità tal-Artijiet biex jikkonkludu dan il-każ u jesegwixxu l-ordni tal-Qorti tal-Appell tat-18 ta'Lulju 2018? Japrezza l-Ministru li dan id-dewmien qed jammonta għall-spejjeż u strapazz żejjed lil din il-persuna u lill-avukat tagħha. Peress li fit-tweġiba ta’ Novembru tas-sena l-oħra l-Ministru wieġeb li l-Awtorità tal-Artijiet qed tagħmel minn kollox biex dan il-ħlas isir u filwaqt li konvint li din hija r-risposta li qed jagħtu lill-Ministru mill-Awtorità tal-Artijiet, jista’ l-Ministru jinnota li anki hu jista’ jkun li qed jitpoġġa f'pożizzjoni anipatika meta l-Awtorità qed tkompli tkarkar saqajha biex tesegwixxi sentenza tal-Qorti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet, li l-kuntratt li kellu jsir in vista ta’ deċizjoni tal-Qorti ma seħħx minħabba ostaklu li permezz tiegħu ma setgħetx tiġi esegwita s-sentenza. Kien l-avukat tal-partijiet stess li ta’ parir lill-klijenti tiegħu biex ma jiffirmawx dan il-kuntratt. Sadanittant, l-avukat tal-Awtorità tal-Artijiet daħħal digriet biex tiġi ċċarata s-sentenza.

Każijiet ta’ ħożba

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hawn każijiet ta’ ħożba (measles) bħalissa? Qed naraw żieda fin-numru ta’ ħożba f’dawn l-aħħar snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar ta’ din is-sena sat-3 ta’ Mejju kien hemm 18 il-każ ta’ ħożba rappurtat bi transmissjoni lokali. Fis-sena 2018 kien hemm 5 każi ta’ ħożba mpurtati minn barra u każ wieħed ta’ transmissjoni lokali. Avolja hemm dawn il-każijiet Malta xorta għadha żżomm l-istat ta eliminazzjoni tal-ħożba. L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed ikomplu jisħqu fuq it-tilqim kemm tat-tfal u kif ukoll tal-adulti.Barra minn hekk hemm ħidma mill-entitajiet tas-saħħa biex każijiet jiġu identifikati malajr u jiġu isolati biex titnaqqas il-firxa. Ninfurmah ukoll illi fl-2018, f'47 minn 53 pajjiż fir-Reġjun Ewropew tal-WHO ġew irrapurtati 82,596 każijiet ta’ ħożba. In-numru totali ta 'nies infettati bil-virus fl-2018 kien l-ogħla f'dan id-deċenju: 3 darbiet iktar mit-total irrappurtat fl-2017.

Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali – programm ta’ sapport

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid jekk il-management taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali, ifassalx programm personali ta’ sapport għal kull klijent ta’ dawn iċ-Ċentri bil-parteċipazzjoni tagħhom diretta u l-qraba tagħhom? Jekk iva, jista’ jgħid meta dawn il-programmi jiġu riveduti u jekk jingħatawx kopja ta’ dawn il-programmi lill-klijenti u l-qraba tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull klijent jiġi assessjat u l-programm jitfassal skont l-għanijiet identifikati mill-persuna referuta. Il-programmi jsiru kemm f'sessjonijiet individwali kif ukoll fi grupp. Fil-każ tal-qraba, dawn ukoll ikollhom sessjonijiet kemm individwali kif ukoll fi grupp. Kemm fil-każ tal-persuna bi problemi ta' saħħa mentali, kif ukoll fil-każ tal-qraba, isiru diversi links ma' għaqdiet u aġenżiji oħra li jistgħu ukoll ikunu ta' sapport u ta' għajnuna għal dawn il-persuni/familji. Peress li l-programmi jiġu mfassla skont l-għanijiet tal-persuna/qraba/familji, dawn jiġu reveduti kontinwament u l-informazzjoni tingħata kemm b'mod verbali kif ukoll miktuba f' forma ta' handout .

Ċentri ta’ Matul il-Jum – strateġiji ta’ reklutaġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid jekk il-management taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum implimentax strateġiji ta’ reklutaġġ f’dawn l-aħħar tliet snin sabiex aktar persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull tim, taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum jaħdem ma' aġenziji u servizzi oħra kemm dawk provduti mill-gvern kif ukoll Ngo's, fosthom tobba tal-familja, Mental Health Clinics, LEAP Centres, Day Centres tal-anzjani, Kunsilli Lokali, Paolo Freire Institute, Richmond Foundation, fil-Parroċċi ecc. Kull entità msemmiha, kif ukoll oħrajn, ġew mgħarrfa dwar is-servizz tagħna u kif persuna tista’ tiġi referuta mill-Psikjatra.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – staff imħarreġ għall-amministrazzjoni tal-Ewwel Għajnuna

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid jekk l-istaff kollu taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum ġewx imħarrġa sabiex jamministraw l-Ewwel Għajnuna f’każ ta’ emerġenza? Jekk iva, meta sar dan it-taħriġ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant ili t-taħriġ imsemmi minnu isir minn żmien għal żmien. L-aħħar taħriġ li ngħata lill-istaff kollu taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum dwar l-amministrazzjoni tal-Ewwel Għajnuna f’każ ta’ emerġenza sar fl-2018.

Drittijiet u dmirijiet tal-klijenti li jużaw is-servizzi tas-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid jekk il-management jagħtix dokument iddettaljat lill-klijenti tas-servizzi kollha dwar id-drittijiet u r-responsabbilitajiet tagħhom? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’kull sala ġewwa l-isptar Monte Karmeli u f’kull Community Mental Health Clinic kif ukoll fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum wieħed jista’ jsib informazzjoni rigward id-Drittijiet u d-Dmirijiet u r-responsabbilitajiet tiegħu bħala pazjent u tal-familjari tiegħu. Kull pazjent li jiġi ammess ġewwa l-isptar Monte Karmeli jingħata Admission Pack li tinkludi diversi informazzjoni. Din l-informazzjoni tiġi provduta kemm bil-lingwa Maltija kif ukoll Ingliża. Nfakkru ukoll illi fl-2016 ġie ppublikat il- Patients Charter . Dan jinkludi tmien prinċipji sabiex il-pazjenti ikunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom kif ukoll biex ikunu konxji mid-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom waqt li jkunu qed jagħmlu użu mid-diversi servizzi tal-kura tas-saħħa disponibbli fi ħdan is-sistema tas-Servizz Pubbliku tas-Saħħa.

Aġenzija Sapport – programmi organizzati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija Sapport organizzatx programmi dwar is-saħħa mentali, fiżika u emozzjonali lill-klijenti u l-qraba tagħhom? Jekk iva, meta saru dawn il-programmi f’dawn l-aħħar sentejn u fejn saru?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Aġenzija Sapport ma torganizzax programmi jew seminars dwar saħħa mentali, għall-klijenti u l-qraba tagħhom. Madankollu, professjonisti fi ħdan l-Aġenzija, jaħdmu fil-qrib ma’ professjonisti oħra u jirreferu klijenti u familjari lejn dawn il-professjonisti skont il-ħtieġa. Impjegati tal-Aġenzija Sapport, jattendu wkoll, minn żmien għal żmien, għal taħriġ dwar is-saħħa mentali. Dan jgħinhom fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum mal-istess klijenti. L-Aġenzija Sapport, permezz tas-servizzi tagħha, Servizzi ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabilità, Servizzi fil-Komunità, Servizzi Residenzjali, u Sharing Lives, toffri diversi programmi relatati mas-saħħa fiżika. Dawn isiru fuq bażi regolari immirati għall-klijenti skont l-abilitatjiet u l-interessi tagħhom. L-Aġenzija tmexxi wkoll gruppi u sessjonijiet ta’ sapport b’mod regolari, lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità u aħwa adulti ta’ persuni b’diżabilità. Is-sapport emozzjonali qiegħed jingħata wkoll permezz ta’ servizz ta’ counselling mill-Aġenzija Sapport, f’każijiet speċifiċi waqt illi ssir kollaborazzjoni ma’ professjonisti u entitajiet oħra, fosthom tobba, psikjatri u psikologi.

Marsaskala – speed cameras

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6633, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qiegħda tittieħed mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala sabiex jiġu installati speed cameras f’din il-lokalità speċjalment fit-toroq prinċipali bħal Triq il-Qaliet u Triq Sant’Antnin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li waqt is-seduta Numru 81 tat-18 ta’ Frar 2019 ma qabilx li ssir speed camera fi Triq il-Qaliet. Triq Sant'Antnin hija arterjali u d-deċiżjoni finali trid tittieħed minn Transport Malta

Żona ta’ San Tumas – tisbiħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’beħsiebu jagħmel il-Kunsill Lokali sabiex isebbaħ iż-żona ta’ San Tumas speċjalment il-bajja li tiġi ffrekwentata minn ħafna nies speċjalment fis-sajf?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li huwa limitat fuq azzjoni diretta li tittieħed fuq bajjiet. Madankollu bis-saħħa tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta kif ukoll il-Foundation for Tourism Zone Development se jsir proġett biex jintefa’ iktar ramel f'din iż-żona u dalwaqt se jinbeda r-restawr tal-bankijiet. Ser issir ukoll kamra għall-mechanical hoist biex ikun jista’ jintuża għal nies bi bżonnijiet speċjali. Ix-showers li hemm fil-latrina tar-ramla ngħataw upgrade u hemm il-possibiltà ta' latrina addizzjonali temporanja.

Residenzi — Standards

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istandards għar-residenzi li joffru servizzi għal persuni bi problemi ta’ addiction?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, għadha kif spiċċat minn eżerċizzju ta’ konsultazzjoni ma’ diversi stakeholders f’dan il-qasam. L-Awtorità fil-fatt, ser tkun qed tippublika għall-konsultazzjoni pubblika l-iStandards Soċjali Regulatorji għal Servizzi Residenzjali għall-Persuni bi Problemi ta’ Vizzji, fix-xhur li ġejjin.

Drittijiet u Dmirjiiet tal-priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-Drittijiet u Dmirijiet tal-priġunieri li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-drittijiet u dmirijiet tal-priġunier huma kollha elenkati fil-Kap 260.03 (Liġijiet ta’ Malta).

Korsijiet offruti lill-priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dawk il-korsijiet li fil-pre¿ent huma offruti lill-priġunieri u kemm hemm priġunieri li qed jattendu dawn il-korsijiet regolarment?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 23 priġunier/a li qed jattendu għal xi kors. Il-korsijiet jinkludu: Skill building ( LEAP) Life skills Maltese history Italian Drums practice Adventure in music Maths English conversation Spanish Basic sewing course Maths English Crafts Italian Life Skills Sessions Music educational sessions Basic Digital Skills Video forum Personal Development Sessions English lessons Physical Education