Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Proġett tal-Vajrita

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol tal-Proġett Vajrita fejn qabel ma ngħalaq kien hemm 26 persuna b’diżabilità bħala residenti kif ukoll kien hemm Ċentru tal-Persuni b’Diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Aġenzija Sapport, ħarġet sejħa għall-offerti għal xogħolijiet ta’ twaqqiegħ tal-binja f’Marsaskala magħrufa bħala Vajrita. Għal din l-offerta ħadd mill-kuntratturi ma nstab compliant u għalhekk is-sejħa għall-offerti ser terġa toħroġ. Ix-xogħol fuq dan il-Proġett jibda meta jkun hemm kuntratt milħuq bejn l-Aġenzija Sapport u kuntrattur. Ir-residenti li kienu fil-binja tal-Vajrita ġew rilokati ġewwa Hila Homes il-Mosta. Dawk il-persuni li kienu jattendu id-Day Centre qed jattendu ċentri oħra li tmexxi l-Aġenzija Sapport.

Spezzjonijiet fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm saru investigazzjonijiet mill-assessuri fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum f’dawn l-aħħar sentejn? Fejn saru dawn l-investigazzjonijiet u x’kienu dawk l-affarijiet li l-Aġenzija Sapport trid tindirizza biex jitranġaw dawn in-nuqqasijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Mejju 2018 ġiet imwaqqfa l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, skont l-Att Numru XV tal-2018. Matul l-ewwel 16-il xahar sa mit-twaqqif tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, l-istess Awtorita’ għamlet 29 spezzjonijiet f’Ċentri ta’ Matul il-Jum permezz tal-assessuri li jaħdmu mat-tim tal-Ispezzjonijiet. Tajjeb li jingħad li għal kull żjara jattendu żewġ assessuri biex nassiguraw trasparenza. Għal kull spezzjoni l-Awtorità żviluppat numru ta’ rakkomondazzjoniet lil min jipprovdi s-servizz u dawn ir-rakkomandazzjoniet ġew preżentati bil-miktub u ser ikompli jsir moniteraġġ tal-istess servizz sabiex nassiguraw servizzi ta’ kwalità għolja. Dawn l-ispezzjonjiet saru fiċ-ċentri kollha ta’ Malta u Għawdex.
Leg 13 PQ #11402 Sitting 253 2019-10-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Grad ta’ Uffiċjal Eżekuttiv — eżami

Question

Jista’ l-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk persuni li għaddew mill-eżami għall-grad ta’ Uffiċjal Eżekuttiv li sar fl-2017 u li wħud minnhom għadhom ma ngħatawx il-grad, hux se jiġu ingaġġati? Fid-dawl li jien infurmat li dan l-eżami daqt jiskadi, jista’ jgħid hemmx il-ħsieb li dawk li għaddew humiex kollha se jingħataw il-grad, qabel jiskadi l-eżami?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat li l-ingaġġ isir skond HR Plan, u dan ikun jirrifletti l-esiġenza tas-servizz.

Wied il-Għajn – CCTV Cameras

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm installati CCTV cameras fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn u fejn huma installati? X’qed jagħmel il-kunsill lokali sabiex jiġu installati aktar CCTV cameras minħabba ż-żieda ta’ serq li qed ikun hemm f’diversi toroq ta’ din il-lokalità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Marsaskala li għandu 4 CCTV cameras installati li jinsabu fi Ġnien Żonqor, Ġnien San Tumas u Pjazza Mifsud Bonnici kif ukoll fuq Bring In Site li tinsab fi Triq il-Blajjiet. Għalkemm is-sorveljanza fil-lokalità għal skop ta’ infurzar mhix fil-kompitu speċifiku tal-kunsill, l-istess Kunsill Lokali ta’ Marsaskala qed jagħmel sforz sabiex jitnaqqsu l-abbużi fil-lokalità. Naturalment, is-sorveljanza għal skop ta’ deterrent għall-kriminalità hi fir-responsabbiltà tal-Pulizija.
Leg 13 PQ #11445 Sitting 253 2019-10-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

It-Tielet Distrett — Tfal f'riskju ta’ faqar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, skont l-NSO, kemm hemm tfal li jinsabu f’riskju ta’ faqar f’kull lokalità tat-Tielet Distrett?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Il-metodoloġija biex toħroġ stimi ta’ familji f’riskju ta’ faqar hija intenzjonata biex toħroġ figuri ta’ min joqgħod fuqhom fuq skala ta’ pajjiż. Stimi ta’ bliet u rħula huma bbazati fuq kampjuni wisq żgħar biex ikunu ta’ minn joqgħod fuqhom.

Sptar Monte Carmeli – każijiet ta’ suwiċidju

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kien hemm residenti li għamlu suwiċidju waqt li kienu fl-Isptar Monte Carmeli f’dawn l-aħħar tliet snin u sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-binja tal-Isptar Monte Carmeli, li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa ma sar l-ebda suwiċdju fis-snin imsemmija minnu.

Ir-Rabat Għawdex — Ċentru tas-Saħħa - sitwazzjoni

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kif baqa ż-żmien li tiġi ratifikata s-sitwazzjoni, jistgħu l-awtoritajiet tal-kura primaria jinnutaw li l-post ipjannat li jsir Ċentru tas-Saħħa ġdid ir-Rabat Għawdex hu żgħir wisq u se jimpatta fuq is-servizi li jistgħu jiġu offruti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dwar il-Kura Primarja f’Għawdex jeżisti pjan li jinkludi Ċentru tas-Saħħa ġdid. Filwaqt li s-servizzi l-aktar użati u essenzjali ser jingħataw miċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid tar-Rabat, numru ta’ Kliniċi fil-Komunità (Bereġ) ser ikunu ddedikati speċifikament għal servizz differenti kull wieħed, liema servizz jkun marbut ma’ trattament mediku speċifiku (bħal per eżempju l-fiżjoterapija). Dan il-mudell huwa maħsub sabiex, bħal ma qed isir f’Malta, il-Kura Primarja tersaq dejjem aktar viċin il-klijenti fil-komunita’ filwaqt li jiġi assigurat lir-riżorsi umani u dawk finanzjarji jiġu applikati bl-aktar mod effiċjenti u effettiv.

Visas – Rapport dwar Investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa wara r-rapport maħruġ mill-Awditur Ġenerali ntitolat “An Investigation of Visas issued by the Maltese Consulate in Algiers” fejn irriżultalu li bejn Marzu 2014 u Settembru 2015 inħarġu eluf ta’ visas lil ċittadini Alġerini u li skont l-Awditur Ġenerali wieħed minn kull erbgħa Alġerini qatt ma rritornaw lura minn Malta? X’passi ttieħdu u min intalab iwieġeb għal dan l-aġir irresponsabbli?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari 8640 li kienet saret mill-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici fit-12 ta’ Frar 2019. Mgħandiex iktar xi nżid ma dik it-tweġiba.

Ambaxxaturi u Konsli — CVs

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-CVs tal-Ambaxxaturi u Konsli (mingħajr ma jsemmi isimhom u fejn huma Ambaxxaturi jew Konsli) residenti jew le u li huma mid-distrett tal-Ministru kemm ilu li nħatar hu?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, bis-saħħa tal-Liġi li introduċa dan il-Gvern attwali, il-ħatra ta’ ambaxxaturi bdiet issir wara l-iskrutinju minn kumitat apposta tal-Parlament. Min-naħa l-oħra, fil-perjodu bejn Ġunju 2017 sal-lum inħatru 4 Konsli Ġenerali, li wieħed minnhom għandu indirizz f'Ħaż-Żabbar.

Bdiewa – valenu tal-ġrieden

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni li I-bdiewa m’għadhomx jingħataw valenu tal-ġrieden b’xejn kif kienu jingħataw dejjem meta permezz ta’ dan Il-valenu, ħafna bdiewa kienu jgħinu ħafna biex iżommu l-popolazzjoni tal-ġrieden taħt kontroll?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kien u għadu jipprovdi s-servizz ta’ trattament għall-kontra l-ġrieden u firien lill-pubbliku u dan permezz ta’ ħaddiema fit-Taqsima tal-Pest Control li huma mħarrġa fl-immaniġjar u tqiegħed tal-velenu. Għal aktar sigurtà nħasset il-ħtieġa li dan il-valenu ma jitqassam lil ħadd aktar iżda jitpoġġa biss minn impjegati ta’ dan id-Direttorat.

Aġenzija Sapport — Ħidma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10763 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9202, jista’ l-Ministru issa jindika l-ħidma li twettqet mill-Aġenzija Sapport fis-snin 2017 u 2018?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar sentejn, l-Aġenzija Sapport ħadmet fuq diversi proġetti u inizjattivi, kif ġej: 1. Ristrutturar tal-Aġenzija Sapport, b’Direttorati u servizzi ġodda 2. Tnedija u bidu ta’ servizz ġdid – Sharing Lives 3. Tnedija ta’ 3 Ċentri ta’ Matul il-Jum ġodda 4. Modernizzar ta’ numru ta’ Ċentri ta’ Matul il-Jum 5. Inbeda l-proċess biex ikun ristrutturat u modernizzat iċ-Ċentru l-kbir tal-Imtarfa 6. Iffirmar ta’ ftehim ma’ diversi entitajiet u organizzazzjonijiet non-governattivi 7. Bidu u tmiem tal-proġett pilota Jobs Enhancing Skills Scheme 8. Tnedija ta’ 7 residenzi ġodda għall-persuni b’diżabilità bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta, uħud minnhom bi ftehim ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi 9. Inbeda xogħol fuq 2 residenzi oħra ġodda bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta 10. Workshops u support groups varji għall-familjari ta’ persuni b’diżabilità 11. Tnedija ta’ flotta ta’ vetturi ġodda aċċessibbli għal persuni b’diżabilità 12. Bidu tal-operat ta’ 3 skemi (Eżenzjoni mill-ħlas tal-Liċenzja tat-Triq, Eżenzjoni mit-Taxxa tar-Registrazzjoni fuq Vettura, Sussidju fuq Apparat Speċjalizzat) li ġew trasferiti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità lill-Aġenzija Sapport 13. Estensjoni tal-uffiċini tal-Aġenzija Sapport 14. Bidu ta’ xogħol ta’ tisbiħ fuq il-binja tal-Head Office tal-Aġenzija 15. Tnedija u bidu tal-proġett INK, kofinanzjat mill-UE u bdejna nagħtu taħriġ u job placements ta’ persuni b’diżabilità 16. Bidu tal-proċess tal-proġett u tnedija ta’ REACH fin-Naxxar 17. Bidu tas-servizz tal-Assistent Personali 18. Ħidma sabiex isir tkabbir tal-Għajnsielem Learning Hub 19. Iffirmar ta’ ftehim mal-Universitá ta’ Malta għall-opportunitajiet ta’ placements ta’ studenti u kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Sapport u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà 20. Iffirmar ta’ ftehim ma’ SVP u bidu għall-proċess ta’ servizz ġdid Narċis. Dawn il-proġetti huma apparti proġetti u programmi li jitwettqu fil-ħidma tal-Aġenzija b’mod regolari direttament mal-klijenti tagħha bħal life skills, għajxien indipendenti, u active support.

Ċentru tas-Saħħa – Rabat Għawdex – pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm attendew pazjenti fiċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex sena b’sena fl-2015, 2016, 2017, 2018 u fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t'hawn taħt rigward in-numru ta' pazjenti li attendew fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat Għawdex mill-2015 sa Ġunju ta’ din is-sena. SENA Pazjenti li Attendew Jannar sa' Diċembru tal-2015 72,401 Jannar sa' Diċembru tal-2016 72,705 Jannar sa' Diċembru tal-2017 72,525 Jannar sa' Diċembru tal-2018 79,146 Jannar sa' Ġunju ta’ din is-sena 49,490

Ċentru tas-Saħħa – Rabat Għawdex — trasferiment

Question

Jafx id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa li ċ-Ċentru tas-Saħħa f’Għawdex sar żgħir u hemm nuqqas serju ta’ investiment tant li l-istaff qed jaħdem f’ċirkostanzi vera diffiċli li la hu ġust fuqhom u wisq anqas fuq il-pazjenti? Għalkemm nifhem li hemm il-ħsieb li dan iċ-ċentru ser jiġi trasferit għal post ieħor, jista’ l-Ministru jara li ċertu apparat bażiku jiġi approvat, għax ma jagħmilx sens li joqogħdu jistennew li jsir it-trasferiment li żgur mhux se jsir mil-lum għal għada?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Ono. Interpellant illi fl-aħħar sena dan iċ-Ċentru ġie mgħammar b’numru sostanzjali ta’ għamara ġdida u apparat mediku ieħor neċessarju biex iċ-Ċentru jkun jista’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu aħjar għall-benefiċċju tal-istaff kif ukoll, partikolarment, tal-klijenti tagħna. Fost oħrajn, sar investiment fi stretcher li jaħdem bl-elettriku, żewġ Treatment Room Surgical Wall Lamps, tlett magni tan-Nebuliser, Pulseoximeter, żewġ Coolers għat-trasport tat-testijiet tad-demm, Outreach Bag, Suction Machine manwali għat-Trolley tal-Emerġenza kif ukoll inxtraw siġġijiet (swivel u table chairs), Notice Board, Waste Paper Baskets, settijiet tat-telefon, żewġ Laser Printers/Scanners, Label Printer. Barra minn hekk twaħħal tank tal-ilma fuq il-bejt taċ-Ċentru biex jiġi assigurat liċ-Ċentru jkun attrezzat b’ilma nadif, ġie nstallat Air Conditioner ġdid ta' 24000 BTU u qed isir xogħol ta’ tisbieħ fuq il-post sabiex iċ-Ċentru eżistenti jingħata dehra aħjar sakemm jitlesta’ iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid.

Ċentru tas-Saħħa – Rabat Għawdex –żieda ta’ nursing staff

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li jiżdedu kemm in-nursing staff kif ukoll it-tobba fiċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex għax dawn litteralment mhux qed ilaħħqu mal-ammont ta’ pazjenti li qed ikollhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kura Primarja diġà fasslet il-pjan li jirrifletti l-ħtieġa adekwata ta’ infiermiera u tobba skond il-volum tal-operat taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Għawdex, u qed isiru diskussjonijiet sabiex dan il-pjan jidħol fis-seħħ.

Ċentru tas-Saħħa – Rabat Għawdex — trasferiment

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta jaħseb li ser isir it-trasferiment lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid fir-Rabat Għawdex? X’xogħlijiet saru s’issa u kemm intefqu flus fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-trasferiment lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid fir-Rabat Għawdex huwa maħsub li jsir għal aħħar tas-sena d-dieħla. Ninfurmah ukoll li fl-imsemmi ċentru bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Għawdex – Għajnsielem – kiri ta’ quad bikes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru regolamenti ġodda għal min jikri quad bike u dan fid-dawl tal-inċident serju li sar f’Awwissu ta’ din is-sena f’Għajnsielem Għawdex u inċidenti oħra li sfortunatament qed jiġru minn żmien għal żmien? Jaħsibx il-Ministru li mhux sigur il-fatt li f’pajjiżna, kulħadd jista’ jikri quad bike bla ebda taħriġ jew liċenzja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport, r-Regolameti preżenti jipprovdu li quad bike għandu jkun debitament irreġistrat, inxurjat u liċenzjat u dan skont il-provvedimenti li hemm fil-Kapitlu 368 u Leġislazzjoni Sussidjarja 368.02 tal-Liġijiet ta’ Malta. Sabiex quad bike ikun jista’ jiġi misjuq, is-sewwieq għandu jkollu liċenzja tas-sewqan b’kategorija B jew B1. Barra minhekk, ebda persuna m’għandha issuq jew tinġarr fuq quad bike kemm il-darba din ma tkunx liebsa crash halmet. Dawn ir-Regolamenti jgħoddu kemm għal quad bikes privati kif ukoll għal dawk li jiġu mikrija.

Marsaskala — Spettur tal-Pulizija

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10969 tat-12-il Leġiżlatura bid-data tal-25 ta’ Novembru 2014, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jappunta Spettur tal-Pulizija f’Marsaskala speċjalment fejn din il-lokalità hemm aktar minn 12,000 resident jgħixu fiha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li diġà hemm spettur tal-pulizija inkarigat mid-doveri ta' kuljum relatati mal-lokalità ta' Marsaskala. Preżentament l-uffiċċju tal-Ispettur huwa ġewwa l-għassa ta' Ħaż-Żabbar peress li bħalissa l-għassa ta' Marsaskala qiegħda f’lok temporanju.

Twaqqif ta’ Supported Housing

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm-il supported housing twaqqfu matul din il-Leġiżlatura biex ikunu jistgħu joħorġu pazjenti mill-Isptar Monte Karmeli u jibdew jgħixu fil-komunità? Se jiġu mwaqqfa aktar supported housing matul dawn is-sentejn li ġejjin? Jekk iva, fejn se jiġu allokati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta jkun hemm nies li jkunu referuti mill-isptar Monte Carmeli għal servizz tas-supported housing, dawn jiġu referuti għal dan it-tip ta’ servizz li hu pprovdut mill-NGOs. Id-domanda mill-isptar għal dan it-tip ta’ servizz, dejjem kienet akkomodata mill-NGOs bi qbil u kollaborazzjoni mal-Gvern stess.
Leg 13 PQ #10854 Sitting 249 2019-07-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Persuni jirreġistraw f’Marsaskala u ż-Żejtun

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti f’Marsaskala u ż-Żejtun li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, in-numru ta’ persuni residenti f’Marsaskala u ż-Żejtun li kienu jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru sal-aħħar ta’ Mejju 2019, huwa kif ġej: LokalitàIrġielNisaTotal Marsaskala241236 Żejtun181129