Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali: Servizzi: Professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jindika f’liema servizzi qegħdin jaħdmu t-830 professjonist fil-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali? Xi professjoni għandhom u jekk humiex full-timers jew part-timers?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-informazzjoni kollha hekk kif mitlub.

Professjonisti fil-Qasam tas-Saħħa Mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm professjonisti li fil-preżent qegħdin jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali? Xi professjoni għandhom u jekk humiex jaħdmu full-time jew le?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 498 professjonist full-time u 17 part-time li fil-preżent qegħdin jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali.

Awtorità tal-Ippjanar — Fond

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema huma dawk il-Kunsilli Lokali li bbenefikaw mill-Fond tal-Awtorità tal-Ippjanar li jlaħħaq mat-€30 miljun biex ikun hemm xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-lokalitajiet ta’ dawn il-Kunsilli? Xi proġetti twettqu jew qed jitwettqu minn dawn il-Kunsilli li rċevew il-fondi msemmija?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu.

Djar Residenzjali u Hostels — Standards

Question

B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 32312 tat-12-il Leġiżlatura u 7253 ta’ din il-Leġiżlatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid issa jekk intemmx il-proċess sabiex jinħolqu standards għad-Djar Residenzjali u Hostels sabiex ikunu konformi mal-istrateġija l-ġdida dwar is-saħħa mentali? Jekk iva, jista’ jpoġġi dawn l-Istandards fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ġiet imnedija l-istrateġija nazzjonali għas-Saħħa Mentali f’Lulju ta’ din is-sena, bħalissa għaddejjin il-konsultazzjonijiet neċessarji dwar l-imsemmija standards mal-istake holders involuti.

Ministeru għas-Saħħa — Ħaddiema b'Diżabilità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11759 u jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi il-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Sptar Monte Carmeli — pazjenti li kienu residenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn ġew allokati (placed) dawk il-106 pazjent/resident li din is-sena kienu qegħdin jgħixu fl-Isptar Monte Carmeli u li ma kellhomx bżonn is-servizz tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-pazjenti illi matul din is-sena ġew relokati mill-isptar Monte Carmeli għal residenzi oħra qedgħin f’Casa Marija, f’St Thomas Community Living u fi djar tar-Richmond Foundation.

Aġenzija Sapport — Taħriġ lill-istaff

Question

Jista’ l-Ministru jindika il-lista ta’ taħriġ li jingħata fuq bażi annwali lill-istaff tal-Aġenzija Sapport?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Aġenzija Sapport tipprovdi firxa ta’ taħriġ lill-impjegati tagħha, skont ix-xogħol illi jagħmlu fl-istess Aġenzija. It-taħriġ illi jsir b’mod regolari lill-ħaddiema tal-Aġenzija Sapport, jinkludi: - First Aid Courses; - Mental Health First Aid Course; - Food Handling Course; - Health and Safety Courses; - Fire Warden Course; - Active Support Course; - Induction Training għall-impjegati ġodda; - Basic Fire Awarness Course; - Taħrig fuq l- GDPR; - Taħrig fuq Epilepsy; Taħriġ aktar speċjalizzat illi qiegħed jingħata mill-Aġenzija Sapport lill-ħaddiema tagħha, dejjem skont il-qasam illi dawn jimmilitaw fih fl-istess Aġenzija, jinkludi: - Dealing with challenging behaviour Course - CPI (estern) u NAPPI (intern) - Sex Education and persons with disability Training; - Suicide Prevention Training; - Addiction Training; - Leadership and Management - Taħrig fuq il-policies tar-Riżorsi Umani; - Infection Control Training; - Taħrig mid-Dipartiment tal-Marketing tal-Aġenzija Sapport fuq Esibizzjonijiet; - Taħriġ fuq kif wieħed jagħmel użu mill-PECS; u - Handling and Lifting Persons with Reduced Mobility Training. Il-proġett ESF 2.063 Knoweldge, Training, Communications and Support Measures in Support of Vulnerable groups immexxi mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta` Soċjali, kompla jgħin sabiex aktar ħaddiema setgħu jibbenefikaw minn aktar taħriġ speċjalizzat, kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna. Fost dan it-taħriġ illi kellhom l-opportunita` jattendu għalih matul din is-sena, permezz ta’ Fondi Ewropej, ikkonsista: Taħrig lokali ibażżat fuq: - Taħrig fuq kif wieħed jintervjeni f’każijiet ta’ saħħa mentali; - Taħrig fuq ‘Sex Education’; - Taħrig kif jużaw il-metodu tal-ABA; Taħriġ fuq bażi Internazzjonali: - NAPPI Train the Trainer Course; - Positive Bahaviour Support; - Taħrig dwar interventi fil-qasam tas-saħħa mentali.

Qasam tas-Saħħa Mentali — Taħriġ lill-istaff/professjonisti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika x’taħriġ jingħata fuq bażi annwali lill-istaff/professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali? Jista’ jpoġġi l-lista ta’ taħriġ li ġew organizzati s-sena l-oħra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Aġenzija Sapport — Spezzjonijiet fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 11626, jista’ l-Ministru jindika x’kienu jikkonsistu dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali dwar iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u jekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet twettqux jew le?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m’għandi xejn aktar x’inżid mat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari 11626.

Aġenzija Appoġġ — Intake and Family Support Service

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm każijiet pendenti biex jirċievu l-Intake and Family Support Service? Kemm ilhom jistennew dan is-servizz u x’tip ta’ għajnuna qegħdin jitolbu dawn l-applikanti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lil-Onorevoli Interpellant illi sal-4 ta’ Novembru 2019, kien hemm 27 familja fuq il-lista ta’ stennija sabiex jirċievu s-servizz tal-Intake and Family Support Service. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-itwal stennija hija dik ta’ 5 xhur. L-Intake and Family Support Service topera servizz ta’ Intake fejn kull każ li jirrikorri għall-għajnuna isirlu assessment preliminarju b’mod immedjat, minn fejn jiġi determinat l-ħtiġijiet tal-każ ikkonċernat. L-ebda każ illi jkun jeħtieġ intervent urġenti ma jitħalla jistenna. Kull min jirrikorri għall-għajnuna, mill-ewwel isir kuntatt miegħu mill-professjonisti. L-ebda persuna ma titpoġġa fuq lista ta’ stennija mingħajr ma jkun evalwat l-bżonn tal-persuna/persuni ikkonċernati. L-għajnuniet mitluba f’dawn il-każijiet jikkonistitu f’għajnuna fit-trobbija tal-ulied, għajnuna legali, għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ qbil fil-familja u sapport ieħor illi l-familji iħossu l-bżonn tal-għajnuna għas-sitwazzjoni li jkunu fiha.

Servizz ta' Saħħa Mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm tfal li rrikorrew għas-servizzi ta’ saħħa mentali matul is-snin 2017, 2018 u l-2019 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm minnhom kienu bniet u kemm minnhom kienu subien u jindika l-etajiet tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2017 kien hemm 90 tfal li rrikorrew għas-servizzi ta’ saħħa mentali li minnhom kien hemm 53 Subien u 40 Bniet. L-Etajiet kienu jvarjaw minn 6 snin sa 17 il-sena. Fl-2018 kien hemm 101 li minnhom 52 kienu Subien u 49 Bniet u l-etajiet kienu jvarjaw minn 6 snin sa 17 il-sena filwaqt li minn Jannar sa sad-29 t’Ottubru ta’ din is-sena kien hemm 66 tfal li minnhom 37 kienu Subien u 29 Bniet. L-etajiet kienu jvarjaw minn 7 snin sa 18 il-sena.

Ministeru għas-Saħħa – ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Sptar Monte Carmeli – Persuni b'diżabilità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità residenti fl-Isptar Monte Carmeli? Kemm minnhom huma irġiel u kemm minnhom huma nisa? Jista’ jindika wkoll l-etajiet, tip ta’ diżabilità’ għandhom u kemm ilhom jgħixu fl-Isptar Monte Carmeli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li preżentament hemm 20 persuna b’diżabilità residenti fl-Isptar Monte Carmeli li minnhom huma 13 huma rġiel u 7 huma nisa. L-etajiet tagħhom ivarjaw minn 29 sena sa 77 sena u d-diżabilità tvarja minn mobilità, viżwali kif ukoll dik tas-smigħ/diskors.

Impjegati ta' persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpallent li l-informazzjoni mitluba, toħloq stampa ta’ segregazzjoni fis-soċjetà u għaldaqstant inħoss li mhuwiex etikament korrett li tingħata din l-istatistikà. Artiklu 31 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità jgħid li l-informazzjoni mitluba dwar Persuni b’Diżabilità tista’ tinġabar u tintalab biss, biex ikunu identifikati l-problemi li jaffaċċjaw persuni b’diżabilità u sabiex wieħed iwieġeb dwar dawn id-diffikultajiet, nikowota; “The information collected in accordance with this article shall be disaggregated, as appropriate, and used to help assess the implementation of States Parties’ obligations under the present Convention and to identify and address the barriers faced by persons with disabilities in exercising their rights ... States Parties shall assume responsibility for the dissemination of these statistics and ensure their accessibility to persons with disabilities and others"

Sptar Monte Carmeli – Immigranti Irregolari

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew rikoverati immigranti irregolari fl-Isptar Monte Carmeli f’din il-Leġiżlatura sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? X’kienet ir-raġuni għaliex dawn kienu fl-Isptar Monte Carmeli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2017 kien hemm 53 immigrant irregolari li ġie rikoverat fl-isptar Monte Carmeli, fl-2018 kien hemm 79 u minn Jannar sat-30 t’Ottubru ta’ din is-sena kien hemm 105. Il-kundizzjonijiet li l-maġġor parti ta’ dawn il-persuni li kellhom bżonn il-kura f’dan l-isptar kienu manic episode severe with psychotic symptoms,Suicidal intent, Acute stress reaction, Self harm, Acute stress reaction and adjustment disorders, Depressive disorders episodes, Use of cannabis or and other substance, Intentional overdose, Delirium due to physiological conditions, Anti social personality disorder, Major depressive disorder, Paranoid Schizophrenia,Bipolar affective disorder u current episode mixed.

Wied il-Għajn — Postijiet Battala

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11447 u jindika kemm hemm proprjetajiet jew djar battala fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn? F’liema triq jinsabu dawn il-proprjetajiet/djar battala?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Wied il-Għajn, l-Awtorità tad-Djar ma għandha ebda appartamenti għall-allokazzjoni u għalhekk ma għandha l-ebda proprjetà li hija battala f’din il-lokalità.

Żieda fis-servizzi għas-saħħa mentali fil-komunità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn żdiedu s-servizzi għas-saħħa mentali fil-komunità tul l-aħħar sena? Jista’ jagħti x’ħinijiet u kull meta (jekk hux kull ġimgħa, kull xahar) f’kull każ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ngħataw bidu diversi servizzi ġodda fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunita’ fosthom ġewwa l-MCAST (Paola) well-being hub kull ġimgħa matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, beda servizz ġdid għal każijiet ġodda fil-klinika tas-saħħa mentali ġewwa Raħal il-Ġdid matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, ngħata bidu ukoll servizz ġdid ta’ Perinatal Mental Health fil-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat (darbtejn fi-xahar) u ġewwa l-klinika tas-saħħa mentali f’Ħal-Qormi (darba fix-xahar) u anke jsiru viżti minn professjonisti fid-djar skond il-bżonn matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, minn din is-sena s-servizz tal-outreach beda’ jingħata aktar qrib fil-komunita’ miċ-Ċentri tas-saħħa mentali (kuljum mis-7am sas-6pm) kif ukoll beda’ servizz minn psikologu fil-berġa tal-Pieta’ (darba fil-ġimgha),Ħ’Attard (darba fil-ġimgħa), Tas-Sliema (darba fil-ġimgħa), il-Birgu (darba fil-ġimgħa), iż-Żurrieq (darbtejn fil-ġimgħa) u f'Ħal Kirkop (tlett darbiet fil-ġimgħa).

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers – email address

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6390, jista’ l-Ministru jagħti l-email addresses tal-persuni li huma indikati fir-risposta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif kollu mitlub minnu jinsab fuq l-address book ta' kull min għandu l-aċċess għas-servizzi tal-email @gov.mt, inkluż il-Membri Parlamentari kollha.

Lista ta’ Stennija fl-Aġenżija Sapport

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ stennija għas-servizzi kollha li jingħataw mill-Aġenzija Sapport kif ukoll kemm ilhom jistennew sabiex jinqdew dawn l-applikanti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport toffri diversi servizzi lill-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom. L-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella kif gej : Servizz Lista ta’ stennija Ż mien ta’ stennija (medju) Servizzi ta’ Ħidma Soċjali 156 Madwar 6 xhur Servizzi fil-Komunità Għall-Kommunita` u Direct Payment : 58 Għall- Indipendent Community Living : 52 Każ 1mibdi fl-2016 Każ 1 mibdi fl-2017 54 Każ mibdija fl-2018 54 Każ mibdija fl-2019 B’mod ġenerali, i ż-ż mien medju ta’ stennija huwa ta’ 8 xhur peress li dan id- dewmien huwa dovut għall-bżonnijiet speċifiċi tal-klijent li ser jirċevi is-servizz. Servizz ta’ Sharing Lives (Volontarjat) NIL L-ebda ħin ta' stennija Servizzi ta’ Matul il-Jum Malta 106 Gozo 22 Spero 12 Star 25 1 Iż-żmien medju ta’ stennija huwa ta’ madwar sentejn. Tingħata prijorità lil dawk li jkunu ħarġu mir- resource centres. Bħalissa iċ-ċentri kollha li tmexxi l-Aġenzija laħaq il-livell massimu ta’ allokazzjonijiet. Servizzi Residenzjali 44 Urġenti 84 Interessati 158Ippjanar futur Is-servizz residenzjali jingħata skont il- prijorita` tas-sitwazzjoni. Il-ħin ta' stennija huwa ibbażat fuq id-disponibbiltà ta postijiet residenzjali, staff u l-bżonnijiet tal- klienti li huma fuq il- lista. Servizz ta’ Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali NIL L-ebda Ħin ta ' stennija Servizz ta NGOs NIL L-ebda Ħin ta 'stennija Nota : In-numru ta’ klijenti ma jistax jingħadd għal total wieħed peress illi persuna tista’ tkun qed tapplika għal aktar aktar minn servizz wieħed fl-istess ħin.

Assessjar tad-Djar/Hostels għall-Persuni b’Diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm saru investigazzjonijiet mill-assessuri fid-Djar tal-Persuni b’Diżabilità f’dawn l-aħħar sentejn? Fejn saru dawn l-investigazzjonijiet u jekk instabux xi nuqqasijiet f’dawn id-Djar? X’passi ttieħdu biex dawn in-nuqqasijiet jitranġaw kemm jista’ jkun malajr?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’Mejju 2018, ġiet imwaqqfa l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, skont l-Att Numru XV tal-2018. Matul l-ewwel 16-il xhar sa mit-twaqqif tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, l-istess Awtorita` għamlet 123 spezzjoni fi djar ta’ Persuni b’Diżabilita` permezz tal-assessors, li jaħdmu mat-tim tal-Ispezzjonijiet. Tajjeb illi jingħad li għal kull żjara, jattendu żewġ assessors biex nassiguraw trasparenza. Għal kull spezzjoni, l-Awotrità żviluppat numru ta’ rakkomondazzjoniet lil min jipprovdi is-servizz u dawn ir-rakkomandazzjoniet ġew preżentati bil-miktub u ser ikompli jsir moniteraġġ tal-istess servizz, sabiex nasiguraw servizzi ta’ kwalità għolja.