Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni b’Diżabilità jistennew akkomodazzjoni soċjali

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12031, jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta’ persuni b’diżabilità li għadhom jistennew post għall-akkomodazzjoni soċjali? Kemm ilhom jistennew biex jingħataw post?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha 91 applikazzjoni minn persuni b’diżabilità. L-iktar waħda antika applikat fit-31/1/89 u l-iktar waħda riċenti applikat fit-18/2/2019.

Statistika ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm fil-preżent huwa n-numru ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali fil-lokalitajiet tat-Tielet Distrett u f’liema lokalitajiet qegħdin jgħixu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru totali ta’ persuni li jattendu fil-Psychiatric Out Patients (POP) kif ukoll fiċ-Ċentru tas-Saħħa Mentali ta’ Raħal il-Ġdid għall-kura tas-saħħa mentali mil-lokalita’ taż- Żejtun huwa 271, minn Marsaxlokk 49 pazjent, minn Ħal Għaxaq 73 filwaqt li minn Marsaskala hemm 221 pazjent.

Servizz tal-Outreach

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li bħalissa qed jirċievu s-servizz tal-Outreach u jekk dawn il-klijenti kollha għandhomx ‘care plan’? Kemm hija l-lista ta’ stennija għal dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 265 persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li qed jirċievu s-servizz tal-Outreach. Dawn il-persuni kollha għandhom care plan skont il-ħtieġa tagħhom. Għal dan is-servizz ma hemm l-ebda lista ta’ stennija.

Covid-19: Għajnuna lill-anzjani vulnerabbli

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13507 u jindika x’passi konkreti qegħdin jittieħdu sabiex jiġu megħjuna l-anzjani vulnerabbli minħabba l-problema serja tal-Coronavirus (Covid-19)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin jittieħdu l-passi kollha meħtieġa, minn sabiex jiġu megħjuna l-anzjani vulnerabbli minħabba l-virus tal-Coronavirus (Covid-19). L-ewwel u qabek kollox, L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, li hija l-Awtorità responsabbli fost affarijiet oħra mill-istandards tad-djar residenzjali tal-anzjani, ħarġet struzzjonijiet lid-djar residenzjali kollha għall-anzjani sabiex jitinaqqsu is-siegħat allokati għal visti mill-familjari u qraba. Wara analiżi aktar mill-qrib tas-sitwazzjoni, l-Awtorità irrevediet ukoll dawn l-istruzzjonijiet mgħotija u kkomunikat struzzjonijiet ġodda sabiex jitwaqqfu b’mod temporanju l-visti kollha fid-djar residenzjali kollha tal-anzjani, inkluż ukoll ir-Residenza San Viċenz de Paule. Dan ġie ikkomunikat lil kull dar residenzjali fl-aħjar interess tar-residenti anzjani kollha. Sabiex ikun żgurat li d-djar residenzjali tal-anzjani kienu qed jaderixxu mar-regoli l-ġodda mgħotija, l-Awtorità bagħtet l-ispetturi tagħha biex jiċċekkjaw is-sitwazzjoni f’kull dar. Fil-fatt, l-ispetturi għamlu aktar minn 40 spezzjoni f’ġurnata bil-għan li jivverifikaw li r-regolamenti l-ġodda kienu u għadhom qed jiġu segwiti. Waqt dawn l-ispezzjonijiet, l-Assessuri tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali kienu qed jassiguraw li r-residenzi qed isegwu d-direzzjonijiet speċjalment fejn jidħol screening ta viżitaturi kif ukoll isegwu kull komunikat li kien qiegħed jiġi maħruġ mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. L-assessuri nnfushom ukoll żammew mal-istess imsemmija prattiċi u rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, speċjalment fejn tidħol l-iġjene tal-idejn. L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ħasbet ukoll għall-materjal protettiv sabiex jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji għas-saħħa tal-assessuri impjegati mal-Awtorita’. L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali kompliet ukoll billi tagħti struzzjonijiet lid-djar residenzjali tal-anzjani sabiex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li r-residenti jkollhom l-opportunità li jikkomunikaw faċilment mal-qraba tagħhom, billi jużaw kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni teknoloġika disponibbli għalihom. Il-mezz ta’ komunikazzjoni tista’ issir permezz tal-midja soċjali, komunikat permezz tal-videoconference, komunikat permezz ta’ telefonati jew kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni sabiex l-anzjani u l-qraba jew familjari tagħhom ikunu jistgħu jibqghu f’kuntatt minkejja li ġew mwaqqfa l-visti b’mod fiżiku. L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali organizzat diversi laqgħat mal-providturi tas-servizz sabiex jiġu spjegati fid-dettall il-miżuri elenkati li qiegħdin jittieħdu fir-rigward tal-COVID-19. L-Awotorità tibqa’ f’kuntatt kontinwu mal-istess providutri tas-servizż sabiex jinżammu aġġornati kontinwament b’xi żviluppi u miżuri ġodda li jkunu ser jittieħdu. L-Awtorità għaddeja b’ħidma intensiva sabiex tassisti lill-providturi tas-servizzi residenzjali ta’ ħarsien soċjali f’dan iż-żmien diffiċli. F’kontinwità ma’ dak li ħadmet fuqu l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien soċjali, L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ħadem sabiex anzjani li jgħixu fil-kommunità ġewwa darhom, jingħataw l-għajnuna meħtieġa u titwassal lilhom ġewwa darhom. Fost dawn il-miżuri li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità ħadem dwarhom naraw li: · Twaqqaf Help Line bin-numru 25903030 fejn l-anzjani kollha ta’ Malta u Għawdex jistgħu iċemplu għal kull għajnuna li jista’ jkollhom biex jixtru ikel, mediċina, jew jiġu pprovvduti ikel lest; · L-impjegati taċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva, li bħalissa qegħdin magħluqin, qed jikkontribwixxu fis-servizz ta’ emerġenza imwaqqaf apposta minħabba il-COVID19. Fuq dan il-Help Line qed jiġu milqugħa telefonati mill-anzjani sabiex impjegati taċ-Ċentri għal Anzjanità Attiva u mpjegati tal-Home Help imorru jaqdu anzjani fix-xiri tal-bżonnijiet ta' kuljum u xiri minn spiżerija, inkluż li jiġbru il-mediċini tal-POYC. Dan qed isir sabiex niffaċilitaw li l-anzjani jibqgħu id-dar u ma joħorġux; · Fejn il-bżonn tal-anzjan/a ikun ta’ xiri ta’ prodotti, ġbir ta’ mediċini jew xi qadi essenzjali ieħor, qegħdin nibgħatu n-nies mill-għada stess biex imorru jagħmlu l-qadi tal-anzjani li jersqu għall-għajnuna skont il-bżonnijiet tagħhom; · Fejn il-bżonn tal-anzjan/a ikun ta’ ikel imsajjar lest, dan qed jiġi pprovdut mal-iskema preżenti tas-Servizz Meals on Wheels; · Għal għajnuniet oħra, l-anzjani qed jiġu riferuti għall-entitajiet oħra skont il-bżonn. Dan kollhu qiegħed isir sabiex nipproteġu u nassistu lill-anzjani vulnerabbli biex b’hekk ma jkollhomx għalfejn joħorġu minn djarhom. Il-passi li qed jittieħdu biex nipproteġu lill-anzjani fid-Djar Residenzjali tal-Anzjani, mill-Anzjanit Attiva u Kura fil-Kommunita’, jinkludu li: · Qraba u viżitaturi ma humiex permessi li jidħlu ġewwa d-Djar Residenzjli tal-anzjani jekk mhux biex jipprovdu servizz fid-dar; · Kull persuna li tidħol ġewwa d-dar, kemm impjegati u kemm nies oħra li jipprovdu servizz fid-Djar Residenzjali qed jiġu skrinjati għas-sintomi tal-Covid-19; · Appuntamenti skedati li ma humiex urġenti jew essenzjali li jkollhom l-anzjani li jgħixu fid-Djar Residenzjali qed jiġu posposti; · Qed isir monitoraġġ kontinwu tar-residenti għal sintomi tal-Covid-19; · L-allokazzjoni tal-istudenti kollha ġewwa d-Djar Residenzjali tal-anzjani ġew imwaqqfa; · Ġew ipprovduti tablets lid-djar residenzjali kollha tal-Gvern sabiex ir-residenti jkunu jistgħu jkellmu lil qrabathom permezz ta’ video conference; · Saru laqgħat flimkien mal-kapijiet tad-Djar Residenzjali biex nipreparawhom fuq kif għandhom jipproteġu lill-anzjani mill-Covid-19; · Ġie pprovdut tagħlim lill-impjegati kollha tad-Djar Residenzjali sabiex nipprevjenu il-Covid-19, dwar kif jilbsu u jneħħu ilbies protettiv, u dwar proċeduri ta’ kontroll ta’ infezzjoni; · Il-ħruġ kollu tal-anzjani ġie sospiż; · Ammissjonijiet ġodda ġewwa d-Djar Residenzjali ġew sospiżi; · Kull min ġej mill-Isptar Mater Dei qed jiġi relokat għad-Dar tal-Imsida għal ftit żmien qabel jerġa’ jintbgħat fid-Dar Residenzjali fejn kien/kienet toqgħod qabel daħal/daħlet l-Isptar Mater Dei; · Ġie allokat numru ta’ sodod f’kull dar residenzjali tal-anzjani għall-iżolament f’każ li jkun hemm bżonn. Bl-istess mod, ir-Residenza San Vinċenz de Paule, ukoll ħejja il-pjan ta’ kontinġenza għal ġewwa din il-faċilita’, b’miżuri konkreti biex nipproteġu lill-anzjani tagħna. Fost dawn il-miżuri, ir-Residenza ħadmet sabiex: · Isir monitoraġġ fl-entratura għal kull min jidħol ġewwa l-Faċilita’ u ukoll insistenza fuq l-użu ta’ handrub qabel ma wiehed jidħol fil-Faċilita.’ Aktar handrubs tpoġġew f’kull entratura; · Jidħlu biss il-ħaddiema u persuni bi provvisti meqjusa neċessarji għar-Residenza. Il-qraba jidħlu biss f’ċertu każi fejn hemm residenti li s-saħħa tagħhom tkun qalbet għal agħar; · Inħoloq servizz ta’ telefonati fuq ‘Skype’ permezz tat- tablet sabiex l-anzjani jibqghu f’ kuntatt mal-familjari tagħhom fejn dawn ikunu jistgħu anke jaraw u jkellmu lil xulxin; · Twaqqfu servizzi ta’ outpatient li jingħataw mir-Residenza; · Sar ‘refresher training’ lill-ħaddiema fuq ilbies protettiv, ħasil tal-idejn u prevenzjoni tal-infezzjonijiet; · Ġew imwaqqfa sezzjonijiet specjali fejn isir swabbing ta’ każi suspettati u ta’ swali speċifiċi oħra li se jintużaw bħala kwarantina f’kas ta’ bżonn; · Twaqqfu dawk imsejħa isolation units għal kura tal-pazjenti pożittivi bil-COVID-19; · Ħaddiema li qed jaħdmu fuq il-binja l-ġdida, jidħlu minn entratura separata fejn ukoll qiegħed isir moniteraġġ; · Qed tiġi mħarrsa b’reqqa l-operat tal-healthcare workers sabiex innaqsu il-kuntatt bejn il-residenti u l-ħaddiema nfushom; · Ġibna ilbies protettiv apposta sabiex nilqgħu kontra dan il-vuris. Apparti l-miżuri ta’ prevenzjoni u kontroll ta’ infezzjonijiet li normalment jintużaw f’San Vinċenz, ir-Residenza żiedet dawn il-miżuri bil-għan li nipproteġu lill-anzjani tagħna minn din l-imxija li issa qiegħda tiġi trasmessa anke lokalment. Flimkien, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunita’, u l-Faċilita’ għal Kura fit-Tul San Vinċenz de Paule, qed jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex l-anzjani fil-kommunita’ kif ukoll dawk residenti f’waħda mid-Djar Residenzjali tal-Anzjani, ikunu protetti u mħarrsa. Minbarra dan, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali flimkien mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, ħadem fuq tnedija ta’ helpline kontra s-solitudni. Permezz tal-helpline 1772, kull persuna, b’mod partikolari persuni li jgħixu waħidhom u persuni anzjani li qegħdin jissagrifikaw ħafna affarijiet mir-rutina normali tagħhom, inluż ħruġ mhux essenzjali u distakk soċjali minn dawk l-aktar għeżież għalihom, jistgħu iċemplu fuq 1772, fejn dejjem ser isibu lil xi ħadd ma’ min jitkellmu u li jkun lest li jismagħhom.

Marsascala — Kors għat-Trobbija tat-Tfal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13444 u jindika meta se jiġu organizzati korsijiet dwar it-trobbija tat-tfal fil-lokalità kbira ta’ Marsaskala fejn hemm jgħixu madwar 5,000 familja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm familji fil-lokalità ta’ Marsaskala li bbenefikaw mis-servizz HomeStart li huwa intiż biex jgħin familji bi sfidi fit-trobbija ta’ wliedhom. Fil-preżent m’hemmx korsijiet maħsuba biex isiru fil-lokalità ta’ Marsaskala hekk kif in-numru ta’ talbiet għal dan il-kors mill-lokalità imsemmija huwa baxx ħafna. Dawk kollha li huma nteressati qed jiġu nfurmati meta jkun ħa jibda kors f’lokalitajiet oħra fil-viċinanzi tagħhom sabiex dawk interessati ikunu jistgħu jattendu f’dawn il-lokalitajiet qirb tagħhom. Madanakollu, l-għan ewlieni xorta jibqa’ li nilħqu l-ġenituri fil-kommunità tagħhom u meta jkun hemm grupp ta’ ġenituri li juru interess f’dan il-kors. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Nru. 11524 liema tweġiba telenka l-punti l-aktar saljenti tal-ħidma tal-Fondazzjoni fil-qasam tat-trobbija pożittiva.

Qasam tas-Saħħa Mentali – Nefqa kapitali/rikorrenti fis-snin 2018 u 2019

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm kienet in-nefqa totali għas-servizzi tas-saħħa mentali fis-sena 2018 u s-sena l-oħra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa totali għas-servizzi tas-saħħa mentali tas-sena 2018 kienet €45,726,321 filwaqt li tas-sena li għaddiet iġifieri tal-2019 kienet €49,076,301.

Ċentru ta’ Matul il-Jum (Żejtun) — spiża

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jindika kemm kienet l-ispiża s-sena l-oħra (2019) fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum taż-Żejtun? Kif intefqu dawn il-flus? Bħalissa kemm hemm klijenti bi problemi ta’ saħħa mentali li jattendu regolarment kull ġimgħa f’dan iċ-Ċentru? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-klijenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża tal-2019 taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum taż-Żejtun kienet €47,329. In-numru ta’ persuni li attendew f’dan iċ-Ċentru fl-2019 kien ta’ 35. Dawn il-persuni ġejjin mill-lokalitajiet ta’ Birżebbuġia, Marsaskala, Marsaxlokk u ż-Żejtun.

Vittmi tal-Kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk Malta hux qed tosserva d-drittijiet minimi għall-vittmi tal-kriminalità elenkati mill-Unjoni Ewropea? Il-Pulizija u l-Imħallfin qed jiġu mħarrġa dwar kif għandhom jittrattaw lil dawn il-vittmi kif inhu xieraq? Il-vittmi qegħdin jingħataw informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-każ tagħhom b’mod li jkunu jistgħu jifhmuh?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Pulizija hija konxja u tosserva d-drittijiet minimi għall-vittmi tal-kriminalità elenkati mill-Unjoni Ewropea. Membri tal-Korp kif ukoll rekluti jingħataw taħriġ kontinwu fuq dan is-suġġett mill-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp. Barra minn dan il-vittmi jiġu mgħarrfa bid-drittijiet tagħhom permezz ta’ leaflet bil-lingwa Maltija jew Ingliża, li jingħataw lilhom mill-pulizija fl-għases jew branki speċjalizzati. Dwar l-istess materja fejn jirrigwarda Imħallfin nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirriferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Servizzi ta’ appoġġ lill-vittmi tal-kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’servizzi ta’ appoġġ jeżistu għall-vittmi tal-kriminalità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali ma hijiex, u qatt ma kienet l-entita’ responsabbli li toffri servizzi għall-vittmi tal-kriminalità. Madanakollu, l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) tibqa’ pijunier fejn jirrigwardja servizzi ta’ sostenn għal vittmi ta’ kull forma ta’ abbuż fuq minuri permezz tad-Direttorati għall-Ħarsien (Protezzjoni) tat-Tfal u tal-Kura Alternattiva, kif ukoll għall-vittmi ta’ vjolenza domestika permezz tas-servizzi immirati għall-vittmi ta’ kwalunkwe forma ta’ vjolenza. Minbarra dan, l-Fondazzjoni toffri wkoll servizz tal-Psikologi u Terapija tal-Familja kif ukoll is-servizz tat-Terapija fid-Dar (Home Based Family Therapy – HBTS) li huma miftuħa għal kulħadd, inkluż vittmi ta’ kriminalità.

Tnaqqis tat-tipjip — inizjattivi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inizjattivi ttieħdu matul din il-Leġiżlatura sabiex jitnaqqas it-tipjip speċjalment billi għoxrin fil-mija (20%) tal-adulti jpejjpu ta’ kuljum u li hija rata għolja mill-medja Ewropea?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diversi inizzjattivi sabiex il-pubbliku ikun imheġġeg biex iwaqqaf it-tipjip, fosthom hemm il-Quitline (8007 3333) li joffri pariri b’xejn fuq it-telefon u huwa rreklamat fuq kull pakkett tat-tabakk mibjugħ f’Malta; isiru ukoll kampanji edukattivi fejn tingħata informazzjoni lill-Pubbliku inġenerali permezz tat-televiżjoni, r-radju u l-midja soċjali; jingħataw ukoll sessjonijiet edukattivi u appoġġ għall-waqfien mit-tabakk fi gruppi anke saħansitra fil-postijiet tax-xogħol fuq talba tal-kumpanija; jingħata taħriġ u appoġġ lill-edukaturi sabiex ikunu jistaw jedukaw lit-tfal u ż-żgħażagħ dwar l-użu tat-tabakk; appoġġ għall-waqfien mit-tabakk huwa offrut ukoll għall-għalliema u studenti f'istituti ta 'edukazzjoni għolja; kif ukoll jingħata taħriġ dwar l-użu tat-tabakk lill-professjonisti tas-saħħa sabiex ikunu jistgħu jagħtu pariri u appoġġ lill-pazjenti tagħhom.

Opportunità indaqs għan-nisa fl-impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi twettaq f’din il-Leġiżlatura biex ikun hemm opportunitajiet indaqs ta’ bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-impjiegi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni waqqaf Taqsima għall-Integrazzjoni bejn il-Ġeneri fi ħdanu stess, b’mandat wiesa’ li, fost oħrajn, iniedi Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza u l-Integrazzjoni – Mainstreaming – bejn il-ġeneri. L-istess Taqsima kienet strumentali wkoll sabiex jiġi mwaqqaf il-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa. Fl-2019 din it-Taqsima nediet konsultazzjoni Pubblika msemmija ‘Towards a Gender Equality Mainstreaming Framework’, u bħalissa għaddejja b’xogħol konsultattiv sabiex tiġi konsolidata l-ewwel strateġija u pjan ta’ azzjoni dwar l-istess. Bħalissa wkoll, it-Taqsima qiegħda tipproponi miżuri għal iktar bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, kif ukoll id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Is-sezzjoni legali tad-Direttorat żviluppat ukoll żewġ abbozzi ta’ liġi: l-Att dwar l-Ugwaljanza u l-Att dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, li bħalissa waslu fl-istadju ta’ kumitat fil-proċess parlamentari. Dawn l-atti ser iservu biex jikkonsolidaw u jsaħħu il-qafas legali dwar l-ugwaljanza, inkluż dak bejn il-ġeneri kif ukoll ipoġġu obbligi fuq l-amministrazzjoni pubblika, fost oħrajn fir-rigward ta’ rappreżentazzjoni ekwa f’korpijiet pubbliċi, kif ukoll sabiex tiħrax il-ġlieda minn-naħħa tal-Gvern kontra d-diskriminazzjoni fejn jidħol il-post tax-xogħol u tagħlim lill-vittmi. Rimedji effettivi u b’mod effiċjenti Ninsab infurmat ukoll illi l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) wettqet diversi miżuri għal dan il-għan, fosthom: - Investigazzjonijiet ta’ ilmenti ta’ allegat diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol; - L-għoti tal-Equality Mark lill-organizzazzjonijiet li jħaddnu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-proċeduri u l-prattiċi tagħhom. Sa Marzu 2020 hemm 98 organizzazzjoni bl-Equality Mark, li bejniethom iħaddmu ‘l fuq minn 23,300 persuna; - Sett ta’ inizjattivi biex tindirizza l-gaps bejn il-ġeneri, bħala parti minn proġett ko-finanzjat mill-UE Prepare the Ground for Economic Independence: o Sessjonijiet ta’ taħriġ għal career advisors u career guidance teachers bil-għan li jinkoraġġixxu l-istudenti biex jagħmlu għażliet għaqlin fis-suġġetti ta’ studju. Dan sabiex il-bniet ikunu infurmati aħjar meta jiġu biex jagħmlu dawn l-għażliet bi preparazzjoni għall-karriera professjonali tagħhom; o Seminar dwar il- gender pay gap, l-inattività tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l- gender pension gap ma’ diversi partijiet interessati; o Riċerka dwar l- equal pay tools li jeżistu fl-Ewropa bl-għan li tiġi żviluppata għodda magħmula għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol Malti fil-kuntest tal- Equality Mark ; o Kampanja ta’ għarfien dwar il- gender pay gap biex tinforma lill-pubbliku ġenerali b’informazzjoni fattwali. - Ipprovdiet taħriġ dwar id-dmirijiet u d-drittijiet relatati mal-ugwaljanza; - Qajmet għarfien dwar suġġetti relatati mal-ugwaljanza, inkluż l-ugwaljanza fil-post tax-xogħol, permezz ta’ artikli fil-gazzetti, parteċipazzjoni fil-programmi tar-radju u t-televiżjoni, kif ukoll permezz ta’ komunikazzjoni kostanti fil-media soċjali; - Irrevediet dokumenti bħal strateġiji, policies u liġiet bl-għan li tħeġġeġ l-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-miżuri proposti; - Ippubblikat newsletters dwar diversi temi fosthom is-segregazzjoni tan-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni u l-post tax-xogħol; il-gender pay gap; kif ukoll dwar is-sessiżmu. Dawn in-newletters jitqassmu ma’ partijiet interessati u jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-NCPE; - Iċċekkjat ir-reklamar għall-postijiet vakanti ta’ xogħol u informat ‘l kumpaniji f’każ ta’ diskriminazzjoni u pprovdit alternattivi biex titħaddan l-ugwaljanza; - L-NCPE wettqet sett ta’ inizjattivi biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tar-rwol tar-raġel fl-ugwaljanza, tkisser sterjotipi relatati mal-irwoli tradizzjonali tan-nisa u l-irġiel u żżid l-għarfien dwar il-benefiċċji li r-responsabbiltajiet ta’ kura jinqasmu bejn in-nisa u l-irġiel. Dawn l-inizjattivi saru bħala parti minn proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea Equality Beyond Gender Roles: o Attivita’ ta’ drama ‘ Theatre in Education’ dwar il-qsim ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ kura bejn in-nisa u l-irġiel, l-isterjotipi tal-ġeneru u l-miżuri favur il-familija; (attivita’ li bdiet qabel Ġunju 2017) o Attivita’ fl-università ‘ Equality beyond Uni’ li nkludiet esebizzjoni; dibattiti ma’ min iħaddem, akkademiċi u studenti; u mużika; o Attivita’ għall-pubbliku inġenerali bil-għan li tikkumbatti sterjotipi tal-ġeneru fil-lingwa Maltija permezz ta’ mużika, arti u literattura; o Kampanja onlajn biex tqajjem kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-indipendenza ekonomika ugwali, il-qsim ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ kura, u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; u o Vidjo b’ħamest irġiel role models li għamlu użu mill-miżuri favur il-familja biex jieħdu ħsieb lil uliedhom jew adulti dipendenti. (jinsab fuq is-sit elettroniku tal-NCPE).

Separazzjonijiet u divorzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ separazzjonijiet u divorzji li seħħew is-sena l-oħra? X’inhuma l-aktar raġunijiet li jwasslu għal dawn is-separazzjonijiet skont l-Aġenzija Appoġġ? X’qiegħda tagħmel l-Aġenzija biex tnaqqas dan in-numru?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, ma hux fil-kompitu ta’ ebda entità f’dan il-Ministeru li jiġbor u j¿omm statistika dwar separazzjonijiet u divorzji f’pajjiżna. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jerġa’ jagħmel din il-parti tal- mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat. Mill-banda l-oħra, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-FSWS tagħti servizz ta’ terapisti tal-familja, kif ukoll torganizza diversi korsijiet dwar trobbija pożittiva, fosthom ukoll il-kors tal-co-parenting li huwa intiż speċifikament għal koppji separati jew li qed jisseparaw. Dawn is-servizzi huma pprovduti kollha bla ħlas u mhumiex obbligatorji fuq il-parteċipanti.

Kunsill Lokali Marsaskala – fondi mqassma

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif tqassmu l-fondi allokati lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala s-sena l-oħra? Kemm intefqu flus fuq attivitajiet taż-żgħażagħ, anzjani u persuni b’diżabilità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li l-flus li ntefqu fuq attivitajiet taż-żgħażagħ, anzjani u persuni b’diżabilità hu kif indikat hawn taħt: Sena Attività Ammont 2019 Christmas Market € 9,361.44 2019 Karnival € 5,887.88
Leg 13 PQ #13334 Sitting 306 2020-03-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Marsascala – Assenteiżmu minn studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ ġenituri minn Marsascala li naqsu li jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola mingħajr raġuni valida fis-sena skolastika 2018 – 2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li n-numru ta’ ġenituri minn Marsascala li naqsu li jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola mingħajr raġuni valida fis-sena skolastika 2018-2019 kien ta’ 59.

Drittijiet tal-Vittmi tal-Kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jindika d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kif jaf l-Onor. Interpellant informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi ta’ reat li huma diversi, huma elenkati fl-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità, Kapitlu 539 tal-Liġijiet ta’ Malta. Kopja tal-istess Att qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Lokali Marsascala: Programm tad-Douselage

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kienet l-ispiża kull sena tal-Kunsill Lokali ta’ Marsascala biex iwettaq il-Programm ta’ Douselage minn mindu beda dan il-ġemelaġġ f’Mejju 2009?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saru l-ebda spejjeż relatati mal-Programm ta’ Douselage minn mindu beda dan il-ġemelaġġ f’Mejju 2009.

Aġenzija Sapport: Residenzi għal Persuni b’Diżabilità

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8080, jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal x’kienu r-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali li saru dwar ir-Residenzi għal Persuni b’Diżabilità u jekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet twettqux mill-Aġenzija Sapport?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsiaj se tingħata waqt seduta oħra.

Independent Community Living — servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid fid-dettal fiex jikkonsisti l-Independent Community Living? Min hu intitolat għalih u x'għandha tagħmel persuna sabiex tirċievi dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Independent Community Living Fund joffri sussidju lill-persuni b’diżabilità u l-famijari tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jsibu carer tal-għażla tagħhom għall-għajnuna fid-dar u fil-komunità, liema għajnuna tkun tkopri bejn 13 u 30 siegħa fil-ġimgħa, skont l-każ ikkonċernat. Dan is-servizz jibbenefikaw minnu kemm tfal kif ukoll adulti b’diżabilità sa ma' l-persuna b’diżabilità tgħalaq 60 sena. Fil-każ ta’ minuri taħt it-18-il sena, l-ammont ta’ siegħat koperti minn din l-iskema, jista’ wkoll ilaħħaq aktar minn 30 siegħa ta’ għajnuna fil-ġimgħa, dejjem skont iċ-ċirkostanzi tal-każ ikkonċernat. Meta persuna tirrikorri għall-għajnuna tas-Servizzi fil-Kommunità, bħalma huwa l-Independent Community Living Fund, l-ewwel ħaġa li persuna b’diżabilità jew il-familjari tagħha iridu jagħmlu hija li jikkuntattjaw lill-Aġenzija Sapport. Wara li jsir dan il-kuntatt mal-Aġenzija, il-klijent jiltaqa’ ma’ Social Worker u flimkien jitkellmu fuq il-bżonnijiet, id-diffikultajiet illi wieħed ikun qiegħed jaffaċċja kif ukoll dwar il-limitazzjonijiet tal-klijent. Is-Social Worker tisma’ lill-klijent li jersaq quddiemha għall-għajnuna, u wara li tkun semgħet u evalwat iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li tkun rat, isir assessjar personalizzat tal-każ. Wara li jkun ġie deċiż li l-każ ikkonċernat li jkun resaq għall-għajnuna, jikkwalifika għal xi tip ta’ servizz jew għajnuna mingħand l-Aġenzija Sapport, il-każ jitressaq quddiem Bord li finalment jiddetermina kemm wieħed ser ikun jista’ jingħata bħala sussidju mill-Fond allokat għall-Indenpendent Communitu Living Scheme.