Servizz tat-traspport bil-baħar bejn Tas-Sliema u l-Belt u bejn il-Kottonera u l-Belt
Question
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm se titħallas il-kumpanija tat-trasport bil-baħar minn Ta' Sliema għall-Belt u lura u mill-Kottonera sal-Belt u lura ladarba dan is-servizz se jibda jkun b'xejn għal min jużah u dan it-trsport issa se jitħallas mill-Gvern direttatment lill-operatur?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 14479, jista’ l-Ministru issa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ anzjani li daħlu fid-Djar Residenzjali tal-Gvern f’din il-Leġiżlatura?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ anzjani li daħlu fid-Djar Residenzjali tal-Gvern inklużi s-sodod mixtrija mill-Gvern f’din il-Leiġislatura, jammontaw għal 2,092.
Rapport Annwali tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali: Ispettorat
Question
B'referenza għall-Awtorità tal-Istandards, jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ każijiet li ġew identifikati eżempju; djar residenzjali Ċentri ta' Matul il-Jum eċċ. mis-Sezzjoni tal-Ispettorat li kellhom bżonn jiġu irranġati? Fiex kienu jikkonsistu dawn in-nuqqasijiet u f’liema oqsma seħħew dawn in-nuqqasijiet?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-ispezzjonijiet li saru mill-Uffiċċju tal-Ispettorat fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, instab li 81% tan-nuqqasijiet misjuba kienu jikkonċernaw is-servizzi msemmija f’din il-mistoqsija parlamentari. Dan jommanta għal total ta’ 406 nuqqas li ġie identifikat u rrimarkat lil provditur tas-servizz.
Ta’ min wieħed isemmi li wara li jkunu ġew identifikati dawn in-nuqqasijiet, l-Awtorita’ ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali toħroġ ir-rakkomandazzjonijiet tagħha sabiex kull provditur tas-servizz jipprovdi l-pjan ta’ azzjoni biż-żmien sa meta jkun ser jwettaq it-titjib neċessarju elenkat. F’dan ir-rigward, permezz ta’ spezzjonijiet kontinwi, l-Awtorita’ tagħmel żgur li t-titjieb meħtieġ ikun verament twettaq.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 14445, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika xi twettaq sa issa dwar il-qasam tas-saħħa mentali din is-sena? Meta se jibda l-bini ta’ sptar ġdid għal kura akuta psikjatrika?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-bidu tas-sena bdiet tiġi mplimentata l-Istrateġija tas-Saħħa Mentali. Bdiet tiġi msaħħa l-preżenza fil-komunita’, u s-servizz qiegħed gradwalment jitmexxa biex iseħħ fuq bażi ta’ tliet reġjuni madwar Malta. Dan sabiex is-servizz ikun f’ambjent eqreb u iktar aċċessibli. Meta bdiet il-pandemija tal-Covid, il-Psychiatric Outpatients ġew totalment trasferiti għall-kliniċi ta’ Saħħa Mentali fil-Komunita’. Peress li il-pazjenti li ddaħlu l-isptar kienu qed jidħlu f’’cohorts biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni bil-covid, kellu jitwaqqaf il-proċess li l-pazjenti jiddaħlu taħt it-tim tar-reġjun tagħhom. Bħalissa għaddejin minn ħidma sabiex dan il-proċess jerġa jibda. Ta’ min jgħid li fl-Isptar Monte Karmeli ukoll saret ħidma intensa sabiex dan l-isptar ukoll ikun ippreparat għall-pandemija tal-Covid.
Fl-istess waqt saru tibdiliet strutturali kbar kif ukoll ingħata
training
lill-istaff peress li kellhom jinbidlu l-prattiċi tal-ħidma.
Aġenzija Appoġġ – assistenza minħabba abbużi fuq it-tfal
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14480, jista’ l-Ministru jagħti issa r-risposta ta’ din il-mistoqsija u jgħid kemm ilhom dawn il-138 tifel u tifla jistennew din l-assistenza mill-Aġenzija?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nibda billi ngħarraf lill-Onor.Interpellant li r-responsabbilità għall-Protezzjoni tal-Minuri issa ma hiex se tibqa’ aktar tal-Aġenzija Appoġġ, imma bis-saħħa ta’ liġi mgħoddija minn dan il-Parlament, Att XXIII tas-16 ta’ Lulju 2019, issa se tgħaddi għal għand id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri.
Dan l-Att sar Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta u f’Artiklu 4 tal-istess Att hwua stabbilit li:
‘‘4. (1) Għandu jkun hemm Direttur li jkollu responsabbilita’ li jipproteġi minuri f’riskju, magħruf bħala Direttur (Protezzjoni Minuri), liema Direttur għandu jinħatar wara sejħa pubblika u minn fost persuni li għandhom minimu ta’ ħames snin esperjezna relatati ma’ servizzi lil-minuri u jkollhom ukoll kompetenzi maniġerjali.
(2) Id-direttur (Protezzjoni Minuri) għandu jkun uffiċjal tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u jaqdi l-funzjonijeit tiegħu minn ħdanha: Iżda d-Direttur (Protezzjoni Minuri) għandu dejjem jaġixxi b’mod imparzjali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.’’
Fil-lista rraportata fir-rapport tal-NAO f’Marzu 2020 kien hemm 138 minn dawn il-każijiet.
Id-Direttorat jixtieq hawn jispjega li l-kejl ta’ kemm qed isir xogħol fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal m’huwiex biss il-waiting list.
Din il-waiting list trid tittieħed fil-kuntest ta’ kriterji oħra li huma:
a. Kemm jidħlu każijiet ġodda (referrals)
b. Kemm jinħadmu minn dawn il-każijiet, il-clearance rate
c. Kemm hi qadima u/ jew xiħa l-waiting list
d. Kemm jibqgħu jiġu segwti l-każijiet fuq il-waiting list u kemm ikun ilu ma jsir intervent ma’ dawn il-każijiet.
Tajjeb għalhekk illi hawn jiġi spjegat x’jiġri meta jidħol referral. Bħala fatt, kull każ ikun assesjat immedjatament biex jiġi stabbilit kemm hu serji, gravi u urġenti. Dawk li huma l-aktar serji u gravi u urġenti jiġu allokati mill-ewwel lill-professjonisti sabiex jibdew jaħdmu fuqu mill-ewwel. Tajjeb li wieħed isemmi ukoll li hemm sistema kif isiru l-allokazzjonijiet lil profesjsonisti. Din is-sistema li tikkunsidra l-fatturi kollha tax-xogħol (bħal laqgħat, xogħol mal-klijenti, etc), hi dik illi fl-aħħar tiipreskrivi ammont ta’ ħin verament disponnibli għall-professjonisti sabiex ikunu jistgħu jagħtu servizzi tajjeb lill-klijenti.
L-istess rapport li hu kkwotat f’din il-mistoqsija jfaħħar din is-sistema, u saħansitra sab il-marġinu ta’ under allocation hu t’ammont baxx ħafna ta’ 2.45%. Dan jindika li r-riżorsi umani disponnibli qed jintużaw bl-aħjar mod u bl-inqas ħela possibli.
Jista’ l-Ministru jgħid x’rakkomandazzjonijiet il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala ressaq quddiem l-Awtoritajiet dwar x’għandu jsir fuq il-binja tal-lukanda ex-Jerma?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li l-Kunsill, wara li saru diversi diskussjonijiet u laqgħat pubbliċi, jaqbel li l-binja preżenti titwaqqa’ u ssir lukanda ta’ mhux aktar minn 13 -il sular, suġġett għal approvazzjoni u permessi neċessarji tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15140, jista’ l-Ministru jgħid f’liema oqsma qed jaħdmu il-1559 organizzazzjonijiet b’VO number?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-1559 organizzazzjoni volontarja li huma skritti mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji li għandhom numru tal-VO jaħdmu f’dawn l-oqsma:
· Filantropija
· Avvanz tal-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni fiżika u l-isports
· Avvanz tar-Reliġjon
· Avvanz tas-Saħħa
· Avvanz soċjali u komunitarju, inkluża l-promozzjoni tal-aspetti etiċi, edukattivi u soċjali ta’ professjoni jew sengħa partikolari, iżda ma tinkludix il-promozzjoni ta’ xi interess privat ekonomiku;
· Avvanz tal-kultura, l-arti u l-patrimonju nazzjonali;
· Avvanz tal-ħarsien u t-titjib tal-ambjent, inkluż il-ħarsien tal-annimali;
· Il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ir-riżoluzzjoni tal-konflitti, id-demokrazija u r-rikonċiljazzjoni;
· Il-promozzjoni jew il-ħarsien tal-interessi ta’ organizzazzjonijiet oħra ta’ benefiċċju pubbliku, inklużi federazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet bħal dawk;
· It-twettiq ta’ attivitajiet intiżi sabiex jinġabru fondi għas-sostenn ta’ xi benefiċċju pubbliku ieħor, ta’ organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt jew volontarji jew għas-sostenn tas-settur tal-volontarjat inġenerali jew ta’ partijiet minnu permezz tal-applikazzjoni, l-għotja, it-trasferiment jew permezz tad-disponibilità tal-fondi hekk miġbura lilhom jew għall-benefiċċju tagħhom; jew
· Kull skop ieħor li jista’ jkun ordnat mill-Ministru b’regolamenti magħmulin bis-saħħa tal-Att dwar Organizzazzjonijijiet Volontarji (Kapitolu 492 tal-Liġijiet ta’ Malta).
· M’għandhiex tinkludi skop politiku
Imwiet ta’ pazjenti fl-Isptarijiet u Kliniċi tas-Saħħa – żbalji mediċi
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika n-numru ta’ żbalji mediċi li wasslu għall-mewt ta’ xi pazjenti fl-Isptarijiet u Kliniċi tas-Saħħa ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar ħames snin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm ebda sentenza mill-qrati ta’ Malta jew Għawdex li kkonfermat mewt ta’ xi pazjent fl-Isptarijiet u Kliniċi tas-Saħħa ta’ pajjiżna li rriżulta minn żball mediku li sar f’dawn l-aħħar ħames snin.
Ġenituri li weħlu multa għax naqsu li jibagħtu tfal l-iskola — ħlasijiet
Question
Jista’ l-Ministru jindika kemm mill-887 ġenitur li weħlu multa għax naqsu li jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola fis-sena skolastika 2018 – 2019, ħallsu din il-multa?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Korp tal-Pulizija – passi kriminali fuq Hate Speech
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fejn il-Pulizija ħadet passi kriminali fuq id-diskorsi ta’ mibegħda/hate speech fis-snin 2017, 2018 u 2019?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ ka¿ijiet fejn il-Pulizija ħadet passi kriminali fuq diskorsi ta’ mibegħda/hate speech fis-snin 2017, 2018 u 2019, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Xi ka¿ijiet għad iridu jitressqu l-Qorti issa li r-ristrizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li kien hemm aktar kmieni din is-sena ntemmu:
Sena 2017
Sena 2018
Sena 2019
Ammont
3
4
11
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsijia parlamentari 14481, jista’ l-Ministru jgħid issa meta se jibda x-xogħol bżonnjuż tal-Proġett Vajrità f’Marsaskala speċjalment minħabba lista twila ta’ stennija ta’ 291 persuna li jixtiequ jirċievu dan is-servizz tad-Djar Residenzjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Aġenzija Sapport qiegħda fil-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ żewġ sottomissjonijet li rċeviet fit-tieni sejħa għall-offerti għal xogħlijiet ta’ twaqqiegħ u skavar tal-binja ġewwa Wied il-Għajn, magħrufa aħjar bħala Vajrita’. Dan wara li ħadd mill-kuntratturi li ssottomettew l-offerta tagħhom fl-ewwel sejħa ma nstab li kien jissodisfa l-kriterji sottolineajti fis-sejħa.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett jibda meta jitlesta l-proċess ta’ evalwazzjoni u jkun hemm kuntratt milħuq bejn l-Aġenzija Sapport u kuntrattur.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala minn Diċembru 2019 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bil-kopja tal-minuti tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għall-perjodu kkonċernat.
Il-minuti huma accessibli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku www.localgovernment.gov.mt.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ tfal li qed jiġu fostered fil-preżent f’pajjiżna? X’benefiċċji qed jingħataw mill-Gvern il-foster carers li qed jagħmlu dan ix-xogħol bżonnjuż ħafna ma’ dawn it-tfal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, fil-preżent hawn 257 tifel u tifla li huma fostered. Infakkar li apparti l-appoġġ f’forma ta’ taħriġ, servizz ta’ social workers u għajnuniet oħra li d-Direttorat għall-Kura Alternattiva (Tfal) fi ħdan l-FSWS jagħti lill-foster carers, fl-2018 il-Gvern kien għolla l-benefiċċju magħruf bħala ċ-Child in Care Benefit minn €70 għal €100, ¿ieda ta’ 42%, kif kien imwiegħed fil-Programm Elettorali.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8669, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika fid-dettal kif intefqu l-flus is-sena l-oħra għas-saħħa mentali kemm dawk rikorrenti kif ukoll fuq xogħlijiet kapitali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispiża attwali rikurrenti matul l-2019 għas-saħħa mentali kienet ta’ € 51.4 miljun, dan minħabba l-fatt li kellna nirrilokaw il-pazjenti ġewwa djar u hostels minħabba s-saħħa tagħhom kif ukoll minħabba l-pjanijiet fuq ix-xogħol strutturali. L-ispiża kapitali kienet € 0.921 miljuni.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk f’Malta għandniex sistema ta’ alert system (eżempju : minn 1-4 b’lanqas riskju u 4 l-aktar riskju) kif għandhom l-Ingilterra? Jekk iva, f’numru u livell hu n-numru/livell tinsab Malta bħalissa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-moniteraġġ tal-COVID 19 f’Malta huwa bbażat fuq in-numru ta’ każijiet ġodda ta’ kuljum, monitoraġġ ta’ każijiet b'kuntatti mhux magħrufa kif ukoll ir-rata’ ta’tixrid magħrufa bħala Rt factor.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika kenitx ikkonsultata qabel, dwar il-miżuri li ħabbar il-Prim Ministru l-Ħadd li għadda 31 ta’ Mejju 2020?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pjan ta transizzjoni ta’ miżuri ġie diskuss b’mod kontinwu bejn is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika u l-mexxejja politiċi, inkluż mal-Prim Ministru.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx indikazzjoni li l-virus tal-COVID-19 f’Malta kienx hemm mutation tiegħu u sar anqas infettiv jew anqas fatali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa diffiċli biex wieħed ikun jaf bil- preċiż xi tfisser bidla fis-sekwenza tal-ġenetika tal-Virus. Pero' s’issa jidher (minn analiżi f’ ħafna pajjiżi Ewropej) li l-bidliet fil-Covid 19 kienu żagħar u mhux signifikanti.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm hemm crew Malti u kemm barranin fuq id-dgħajjes Ewropa, Baħħari u Atlantis? Jista' jgħid mil-liema pajjiżi huma l-ħaddiema barranin li hemm fuq dawn it-tliet dgħajjes?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-crew tal-bastiment huwa responsabbilità tal-kumpaniji li qed jipprovdu s-servizz
Inċidenti tat-traffiku — persuni li ddaħħlu l-isptar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14700, li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jindika kemm kien hemm persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba li kellhom inċidenti fatali bil-karozzi tagħhom u mietu minħabba li ma kenux lebsin is-‘seat belt’?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Kunsilli Lokali — ħlas bil-card u laqgħat "on demand"
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14704 u jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali li jaċċettaw ħlas bil-card? Liema wkoll huma dawk il-Kunsilli Lokali li għandhom il-laqgħat tagħhom on demand?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi:
a) Il-Kunsill Lokali tal-Għarb għadu kemm installa s-servizz ta’
Epos
biex jibda’ jaċċetta ħlasijiet bil-cards.
Il-Kunsilli Lokali tas-Siġġiewi, Għajnsielem, Ħal Għaxaq, il-Mellieħa, l-Imġarr, in-Nadur u Santa Venera qegħdin fil-proċess li joffru dan is-servizz fil-jiem li ġejjin.
b) Ħawn 20 Kunsilli Lokali li għandhom il-laqgħat tagħhom
on
demand. Dawn huma:
Ħa¿-¯abbar, Ħ’Attard, Ħal Balzan, Bir¿ebbuġa, il-Gudja, l-Għasri, Ħal Lija, l-Marsa, Marsaxlokk, il-Mellieħa, n-Naxxar, Paola, Pemborke, l-Qala, Ta’ Sannat, Santa Luċija, s-Swieqi, Ħal Tarxien, ix-Xewkija u x-Xgħajra.