Proprjetajiet residenzjali mikrija lit-turisti fuq pjattaforma diġitali — Kirjiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għandux pjanijiet sabiex jirregola l-kirjiet illi qegħdin isiru ta’ proprjetajiet residenzjali lit-turisti fuq pjattaforma diġitali, liema proprjetajiet jiffurmaw parti minn blokok ta’ appartamenti illi l-maġġoranza tagħhom ma jkunux qegħdin jinkrew għal skopijiet turistiċi?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Unjoni Ewropea qed tiżviluppa regolament ġdid li jirregola t-trasferiment ta’ informazzjoni bejn il-pjattaformi diġitali u awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri fuq kirjiet ta’ propjetà residenzjali. Dan ir-regolament ħa jkollu impatt ġdid fuq dan is-suq u għaldaqstant ħa jkollu jiġi akkumpanjat b’politika ġdida għas-settur kollu.
MTA – Kiri ta’ proprjetà privata mhux liċenzjati — ilmenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet ilmenti l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) dwar kiri ta’ proprjetà privata lit-turisti mhux liċenzjati mill-MTA?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2024, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu rċeviet 16-il ilment ta’ suspett ta’ kiri ta’ propjetà privata mhux liċenzjata mill-MTA. Kull ilment li jitressaq jiġi investigat u tittieħed l-azzjoni legali kontra dawk l-operaturi li ma jimxux mal-liġijiet u r-regolamenti.
MTA – Kiri ta’ proprjetà privata liċenzjati — ilmenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm rċeviet ilmenti l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) dwar kiri ta’ proprjetà privata lil turisti liċenzjati mill-MTA?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2024, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu rċeviet 18-il ilment ta’ suspett ta’ ksur ta’ liġijiet u regolamenti ta’ propjetà privata għall-kiri liċenzjata mill-MTA. Kull ilment li jitressaq jiġi investigat u tittieħed l-azzjoni legali kontra dawk l-operaturi li ma jimxux mal-liġijiet u r-regolamenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru inspections ta’ proprjetà mikrija mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA)?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2024, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu spezzjonat 250 propjetà privata li qed jintużaw bħala posta għall-btala. L-Awtorità twettaq spezzjonijiet regolari biex tiżgura li l-operaturi fis-settur jimxu mal-liġijiet u r-regolamenti, u għaldaqstant kull prodott jew servizz offrut ikun ta’ livell għoli.
MTA — Proprjetajiet privati liċenzjati għall-kiri lit-turisti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il proprjetà privata hija liċenzjata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għall-kiri lit-turisti?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ proprjetajiet privata li hija liċenzjata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għall-kiri lit-turisti huma ta:
Akkomodazzjoni ma’ Familja Ospitanti:
1376 liċenzja
Postijiet għal btala:
5304 liċenzja
Service providers illi issupplixxew xi servizz lill-Qrati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ ‘service providers’ illi b’xi mod issupplixxew xi servizz lill-Qrati tagħna fis-sena 2022 u 2023? Kemm minnhom ġew ingaġġati wara sejħa għall-offerti u kemm minnhom ġew ingaġġati b’direct order? Jista’ jgħid ukoll kemm kien il-valur tas-servizzi illi ġew issuppliti fis-sena 2022 u 2023?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Transcriptions tax-xhieda mogħtija quddiem il-Qrati — Outsourcing
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar ‘outsourcing’ illi qed isir tat-‘transcriptions’ tax-xhieda mogħtija quddiem il-Qrati tagħna fis-sena 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-kumpens totali tal-ħlas mogħti fis-sena 2022 u 2023 fir-rigward ta’ dan l-‘outsourcing’?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn is-snin 2022 u 2023, l-ammont ta’ persuni li taw is-servizz ta’ traskritturi tax-xhieda lill-Qrati kien ta’ sebgħa u ħamsin (57).
L-ammont ta’ ħlas totali tal-outsourcing tat-traskrizzjonijiet fis-sena 2022 kien ta’ €83,386.26 u fis-sena 2023 kien ta’ €118,215.36.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ‘enforcement notice’ inħareġ mill-Awtorità tal-Ippjanar fis-sena 2022 u 2023?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Konformita’ u Infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar, ħareġ 180 avviż ta’ infurzar fl-2022, u 233 avviż ta’ infurzar fl-2023. Dan ifisser total ta’ 413 avviż f’dawn is-sentejn.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ‘enforcement notice’ ġiet infurzata fis-sena 2022 u 2023?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Konformità u l-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar inforza 52 avviż ta’ infurzar u 38 billboard f’operazzjoni konġunta ma’ Transport Malta fl-2022, u 90 avviż ta’ infurzar matul l-2023.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ penali illi l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet frott ta’ ‘enforcement notices’ maħruġa fis-sena 2022 u 2023?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ penali li l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet frott ta’ ‘enforcement notices’ - maħruġa fis-snin 2022 u 2023 – huwa ta’ €42,764.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont totali ta’ penali dovuti lill-Awtorità tal-Ippjanar fis-sena 2022 u 2023 in konnessjoni ma’ ‘enforcement notices’ maħruġa u pendenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont totali ta’ penali dovuti lill-Awtorità tal-Ippjanar in konnessjoni ma’ ‘enforcement notices’ maħruġa fis-snin 2022 u 2023, u li għadhom pendenti, huwa ta’ €674,740.
Mandati kawtelatorji ta’ sekwestri – Somma depożitata fil-Qrati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija s-somma illi ġiet depożitata fil-Qrati in esekuzzjoni ta’ mandati kawtelatorji ta’ sekwestri fil-perjodu bejn l-2020 u l-2023?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati fir-rigward tad-depożiti għall-mandati ta’ sekwestru iżżomm informazzjoni għall-mandati ta’ sekwestru kollha mingħajr distinzjoni bejn sekwestru kawtelatorju u dak eżekuttiv.
L-ammont globali depożitat bejn l-2020 u l-2023 għaż-żewġ istanzi ta’ sekwestri msemmija kien ta’ €111,108,455.92 fil-Qrati ta’ Malta u ta’ €1,713,752.50 fil-Qrati ta’ Għawdex.
Mandati kawtelatorji ta’ sekwestri – Somma totali korrentement depożitata fil-Qrati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija s-somma totali illi korrentement tinstab depożitata fil-Qrati tagħna in esekuzzjoni ta’ mandati kawtelatorji ta’ sekwestri?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant filwaqt li nagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 16727 illi l-ammont li preżentement jinsab depożitat in eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ sekwestru kemm dawk kawtelatorji kif ukoll eżekuttivi huwa €61,263,768.95 fil-Qrati ta’ Malta u €742,816.40 fil-Qrati ta’ Għawdex.
Reviżjoni tal-kera – Kawżi ppreżentati quddiem il-Bord li jirregola l-kera
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kawża ġiet ippreżentata quddiem il-Bord li jirregola l-kera għar-reviżjoni tal-kera fis-sena 2022 u 2023?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ każijiet għar-reviżjoni tal-kera preżentati quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera fis-sena 2022 u 2023 huwa kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Reviżjoni tal-kera – Kawżi deċiżi mill-Bord li jirregola l-kera
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kawża ġiet deċiża mill-Bord li jirregola l-kera għas-sena 2022 u 2023 għal reviżjoni tal-kera u jgħid kemm minn dawn il-kawżi ġew deċiżi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ każijiet għar-reviżjoni tal-kera li ġew terminati quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera huwa kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Liġijiet tal-kera – Kumpens li l-Gvern ġie ordnat iħallas lis-sidien
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien it-total illi l-Gvern ġie ordnat li jħallas bħala kumpens mill-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) u mill-Qorti Kostituzzjonali lis-sidien ta’ proprjetajiet in konsegwenza tal-liġijiet tal-kera fis-sena 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-ammont li l-Gvern ħallas effettivament bħala kumpens għas-sena 2022 u 2023?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ittra uffiċjali taħt l-artikolu 166A tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta, ġiet ippreżentata fis-sena 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm-il nota b’oġġezzjoni ġiet ippreżentata in segwitu għal dawn l-ittri uffiċjali u kemm kien il-valur totali mitlub f’dawn l-ittri uffiċjali?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Fir-rigward tal-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 14475. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati ma żżommx din l-informazzjoni.
Qrati, Bordijiet u Tribunali Maltin – Kawżi pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kawża hemm pendenti quddiem il-Qrati, Bordijiet u Tribunali Maltin li ilhom diferiti għas-sentenza għal aktar minn sena? Jista’ jgħid ukoll kif inhuma mqassma bejn qrati, bordijiet u tribunali rispettivi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kawża illi tinstab diferita għas-sentenza għal aktar minn tliet snin, intalab minn waħda mill-partijiet illi tiġi assenjata quddiem ġudikant ieħor?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-kawżi li bħalissa jinsabu diferiti għas-sentenza ma sarux talbiet sabiex l-istess kawżi jiġu assenjati quddiem ġudikant ieħor.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il bejgħ bis-subbasta sar fil-perjodu bejn l-2020 u l-2023 rispettivament?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta’ bejgħ bis-subbasta bejn l-2020 u l-2023 huwa kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.