Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Karozzi mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza mikrija għandu l-Ministeru tiegħu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u n-nefqa annwali ta’ din il-kera?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għandu żewġ karozzi uffiċjali mikrija – dik tiegħi bħala Ministru u tas-Segretarju Parlamentari. Dawn il-karozzi jinkrew bir-rata ta’ €46 kuljum. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha 21 karozza mikrija b’kirjiet li jibdew minn €9 sa €27 kuljum.

Airmalta – Voluntary Retirement Scheme — Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat għall-Voluntary Retirement Scheme u skemi oħra maħruġa għall-impjegati tal-Airmalta tul l-2023 u l-2024 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm-il persuna rtirat taħt dawn l-iskemi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2023 ma ġiet offruta ebda skema mill-kumpanija Airmalta filwaqt li fis-sena 2024, 49 ħaddiem applikaw għall-iskema Voluntary Employee Transfer Scheme.

Airmalta – Voluntary Retirement Scheme – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa totali taħt il-Voluntary Retirement Scheme u skemi maħruġa għall-irtirar ta’ ħaddiema tal-Airmalta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Skills Card — Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat għall-iSkills Card minn meta din ġiet introdotta?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 4,082 kandidat irreġistraw għall-iSkillsPass. L-iSkills Pass hija maqsuma f’żewġ fażijiet: 1. L-ewwel fażi jagħmilha kull registant u din issir onlajn. 92% tal-applikanti għaddew minn din il-fażi li tinkludi: a) Il-Basic Maltese Tourism Product Kors u Eżami b) Il-Basic Customer Care Kors u Eżami c) L-Essential English for Hospitality Kors u Eżami d) English Proficiency Test e) Eżami skont il-Familja tax-Xogħol (Housekeeping, Bar Staff, Kitchen Staff, Food and Beverage Service, Front Office jew Oħrajn). 2. It-tieni fażi hija l-intervista li ssir ma’ assessuri onlajn u l-kandidati jattendu għal din l-intervista fiċ-Ċentru tal-VFS tal-għażla tagħhom jew l-ITS stess. Din il-fażi jagħmluha dawk li għadhom qed japplikaw għall-ewwel permess tax-xogħol biex jaħdmu Malta u dawk li ilhom jaħdmu Malta għal inqas minn sena. 47% ma għaddewx minn din il-fażi. Dan iffiser li 51% tal-applikanti kollha m’għaddewx. L-applikanti ġejjin primarjament minn dawn il-pajjiżi: · Nepal · Indja · Kolombja · Il-Filippini · Pakistan · Bangladesh · Serbja · Albanija · Emirati Għarab Magħquda Sri Lanka.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il konsulent ġie maħtur mill-Ministeru tiegħu u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) tul is-snin 2023 u 2024 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid min huma dawn il-konsulenti, fuq liema kriterji ntgħażlu u x’rata ta’ remunerazzjoni għandhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti t-total tal-ħlas għal-konsulenti maħtura mill-Ministeru tiegħu u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) tul l-2023 u l-2024 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-konsulenti maħtura mill-Ministeru tiegħu u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) nħatru wara sejħa pubblika u kemm minnhom ma ntgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Awtorità Maltija għat-Turiżmu – spezzjonijiet ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7444 u jgħid kemm-il spezzjoni ta’ infurzar saret mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-snin 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid fejn saru dawn l-ispezzjonijiet, żona b’żona?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha l-obbligu li taċċerta li kull min hu involut fil-qasam turistiku josserva r-regolamenti provduti mil-liġi. Għaldaqstant, l-Awtorità tuża sistema ta’ spezzjonijiet biex tara kemm l-istandards huma tajba kif ukoll biex tara li kull min qiegħed jopera fis-settur huwa liċenzjat. L-ispezzjonijiet huma maqsuma fi tlett kategorija prinċipali: 1) L-ispezzjonijiet li jsiru għal applikazzjonijiet ġodda biex jiġi żgurat illi l-applikant jkollu kollox skont il-liġi qabel ma tinħareġ il-liċenzja. Fit-tlett snin imsemmija saru total ta’ 3,703-il spezzjoni. 2) L-ispezzjonijiet ta’ rutina li jsiru fl-operat tat-turiżmu li jaqgħu taħt id-Direttorat tal-Infurzar. Fit-tlett snin imsemmija saru total ta’ 19,419-il spezzjoni. 3) L-ispezzjonijiet li jsiru f’każ ta’ ilmenti mill-pubbliku fejn ikun hemm suspett illi l-operatur qiegħed jopera mingħajr il-liċenzja meħtieġa jew hemm nuqqas ta’ standard. Fit-tlett snin imsemmija saru total ta’ 1,442-il spezzjoni. Fis-sena 2021, l-Awtorità għamlet spezzjonijiet relatati mal- COVID-19. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Turiżmu – Ħaddiema barranin minn barra l-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ ħaddiema barranin minn barra l-Unjoni Ewropea li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus n-numru ta’ ħaddiema barranin minn barra l-Unjoni Ewropea li qed jaħdmu fis-settur tal-Akkomodazzjoni u attivitajiet ta' servizzi marbuta mal-ikel u xorb fuq bażi ta’ full-time u part-time bħala xogħol ewlieni tagħhom, fl-aħħar ta’ Jannar 2024.huwa ta’ 13,239. (L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ Jannar 2024). Kodiċi Nace Isem ta’ Nace Total 55 Akkomodazzjoni 4,867 56 Servizzi marbuta mal-ikel u xorb 8,372 Total 13,239

Il-Furjana — Triq Sant’Anna

Question

Jista’ l-Ministru jindika f’liema stadju waslu l-istudji dwar il-proposta mħabbra mill-Gvern qabel l-Elezzjoni Ġenerali 2022 li Triq Sant’Anna, fil-Furjana, tiġi pedonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Eco-contribution

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta’ ‘eco-contribution’ li nġabret, mid-data tal-introduzzjoni tagħha fl-2016 sal-aħħar tal-2023, applikabbli taħt it-Tieni Skeda (Artikolu 3(1)) tal-Att dwar l-Eko-Kontribuzzjoni, Kap. 473 tal-Liġijiet ta’ Malta u x’użu sar mill-ammont miġbur?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat, nirreferih ukoll għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7841 u 12581.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7442 u jagħti lista tal-Konsulenti ingaġġati mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu, mill-2022 'il hawn?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

MTA — applikazzjonijiet għal lukandi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10237, 10404 u 10638 u jgħid x’inhi l-policy tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għal dak illi jirrigwarda applikazzjonijiet għal lukandi ġodda ġewwa pajjiżna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11090.

MTA — applikazzjonijiet għal lukandi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10110, 10403 u 10637 u jgħid kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet għal lukandi ġodda lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-snin 2022 u 2023 u kemm minnhom ġew approvati? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kamra u sodda fihom u f’liema lokalità jinsabu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11087, ninfurmah li l-lokalitajiet kienu is-segwenti: · Attard · Balzan · Birkirkara · Gżira · Għajnsielem · Għarb · Luqa · Marsascala · Marsaxlokk · Msida · Pietà · Qormi · San Ġiljan · San Pawl il-Baħar · Sliema · Valletta · Xlendi · Żebbuġ Għawdex.

MTA — baġit għall-marketing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10109, 10402 u 10636 u jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għandhiex pjanijiet sabiex tistabbilixxi kriterji oġġettivi u trasparenti li jiġu ppubblikati sabiex jindikaw kif u min jista’ jibbenefika mill-baġit tagħha għall-marketing?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11092.