KM Malta Airlines – Statutory Financial Statements
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 26542 u 32044 dwar l-accounts tal-KM Malta Airlines, in vista tal-fatt illi minn records tal-Malta Business Registry jirriżulta li s-sena finanzjarja tal-KM Malta Airlines Ltd għalqet fil-31 ta’ Marzu 2025, jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-Statutory Financial Statements li legalment kellhom jiġu approvati mill-Bord tad-Diretturi tal-KM Malta Airlines Ltd sal-1 ta’ Settembru 2025 u jiġu ppreżentati lill-Malta Business Registry (MBR) sat-13 ta’ Ottubru 2025, għadhom ma ġewx ippreżentati lill-MBR?
Jista’ jgħid ukoll jekk dawn ġewx approvati mill-Bord tad-Diretturi tal-istess kumpanija u jekk le, jgħid għaliex għadhom ma ġewx approvati u x’passi ser jieħu sabiex id-dispożizzjonijiet legali jiġu rispettati mill-kumpanija?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija KMMA ġiet imwaqqfa fl-1 ta’ Novembru 2023. Minħabba li s-sena finanzjarja tal-Kumpanija tagħlaq fil-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, inġieb permess mill-Malta Tax and Customs Administration biex l-ewwel perjodu finanzjarju jkun ikopri x-xhur mill-1 ta’ Novembru 2023 sal-31 ta’ Marzu 2025.
Skond l-artiklu 182 (2) taħt l-Att tal-Kumpaniji, Kapitlu 386, l-istatements finanzjarji awditjati, iridu jiġu approvati u ffirmati mill-awdituri sa mhux aktar tard minn 10 xhur wara l-għeluq tas-sena finanzjarja, iġifieri l-31 ta’ Jannar 2026.
Skond l-istess Att, l-artiklu 183 (1) jipprovdi li dawn l-istatements mbagħad iridu jiġu sottomessi lill-Malta Business Registry sa mhux aktar tard minn 42 ġurnata mill-approvazzjoni, iġifieri l-14 ta’ Marzu 2026.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32154 dwar jekk saritx sejħa pubblika għal għotjiet ta’ sponsorship jew reklamar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) matul is-snin 2024 u 2025, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti rendikont ta’ min kienu l-benefiċjarji tat-tliet Support Programmes u tat-tliet Support Schemes imsemmija fl-istess tweġiba? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu l-għotjiet li ngħataw rispettivament?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Short let Holiday Furnished Premises – Permessi u liċenzji
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm permessi/liċenzji maħruġa għal Holiday Furnished Premises li jinkrew għal ‘short lets’? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kamra u kemm-il sodda jkopru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ liċenzji għal
Holiday Furnished Premises
għal Malta u Għawdex sa Ottubru 2025 huwa kif muri fit-tabella ta’ hawn taħt:
Holiday Furnished Premises (HFP) Liċenzjati sa Ottubru 2025
Malta
Total ta’ licenzji
Total ta’ Kmamar
Total ta’ Sodod
HFP Malta
6094
12350
23576
Gozo
HFP Gozo
1522
4070
8160
Total:
7616
16420
31736
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Lukandi ġodda u estensjonijiet – Applikazzjonijiet pendenti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ lukandi ta’ kull kategorija u għal estensjonijiet li għadhom pendenti mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA)? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kamra u kemm-il sodda jkopru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-istess spirtu li ġiet imwieġba il-mistoqsija nru. 32476, il-kelma liċenzji qed tiġi nterpretata bħala n-numru ta’ applikazzjonijiet għal Tourism Policy Compliance Certificate (TPCC) li jinħareg mill-Awtorita’ sabiex applikant ikun jista jmur japplika għall-permess tal-iżvilupp. In-numru ta’ applikazzjonijiet ta’ lukandi ta’ kull kategorija inkluż estensjonijiet li għadhom pendenti mal-Awtorita’ huwa ta’ 44, li jkopru 2,998 kamra tas-sodda u total ta’ 6,239 sodda.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Lukandi ġodda u estensjonijiet - Liċenzji
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm inħarġu liċenzji għal lukandi ġodda/estensjonijiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u li għadhom ma ġewx żviluppati? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kamra u kemm-il sodda jkopru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi liċenzja tkun tista toħroġ biss wara li lukanda tiġi żviluppata, għaldaqstant qed jiġi nterpretat li qed issir referenza għall-permessi preliminari magħrufin bħala Tourism Policy Compliance Certificates (TPCC). B’riferenza wkoll għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 24451, wieħed għandu jżomm f’moħħu li bejn dan il-proċess, il-permess tal-iżvilupp u l-iżvilupp tal-bini jgħaddi ammont ta’ żmien, u lanqas hu garantit li dan isir għax iċ-ċirkustanzi jistgħu jinbidlu.
Għaldaqstant, fis-sena 2025 inħarġu 14-il TPCC għal-lukandi ġodda/estensjonijiet li jammontaw għal 586 kamra tas-sodda u 1,204 sodod u ġew liċenzjati 13-il lukanda li jkopru 1,289 il-kamra tas-sodda u 2,612 il-sodda.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Lukandi liċenzjati
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm lukandi preżentement liċenzjati mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) maqsuma kategorija b’kategorija? Jista’ jgħid ukoll x’inhu n-numru ta’ kmamar u n-numru ta’ sodod li jikkomprendu għal kull kategorija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ lukandi preżentament liċenzjati mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għall-Malta u Għawdex sa Ottubru 2025 huwa kif muri fit-tabella:
Lukandi Liċenzjati sa Ottubru 2025
Malta
Kategorija
Numru
Numru ta’ Kmamar
Numru ta’ Sodod
5 star
18
3759
8039
4 star
55
9512
19218
3 star
81
5770
11832
2 star
16
259
510
Total
170
19300
39599
Gozo
Kategorija
Numru
Numru ta’ Kmamar
Numru ta’ Sodod
5 star
2
200
400
4 star
5
391
788
3 star
8
187
366
2 star
4
46
84
Total
19
824
1638
Total:
189
20124
41237
Kemmuna - Blue Lagoon - Numru ta’ viżitaturi - Rapport
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32193 dwar il-figura ta’ 12,000 viżitatur li żaru l-Blue Lagoon f’Kemmuna f’ħin wieħed, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ ta’ GO p.l.c., imsemmi fl-istess tweġiba?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 32041, fejn fiha poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra il-konklużjoni tar-rapport imsemmi. Ninformah ukoll li dan huwa rapport intern, u kummeċjalment sensittiv.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32041, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti d-dettalji tal-kumpanija li wettqet ir-rapport imsemmi fl-istess tweġiba dwar il-figura ta’ 12,000 viżitatur li żaru l-Blue Lagoon f’Kemmuna f’ħin wieħed u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa tar-rapport u jindika d-data ta’ meta din il-kumpanija ġiet inkarigata sabiex twettaq dan ir-rapport? Jista’ jgħid ukoll:
i. jekk saritx sejħa pubblika għall-offerti għal dan ir-rapport;
ii. x’kienu t-Terms of Reference mogħtija mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għal dan ir-rapport;
iii. meta ġie mgħoddi dan ir-rapport lill-MTA u/jew lill-Ministeru rispettiv, u
iv. x’kien il-ħlas għal dan ir-rapport?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kumpanija li ġiet imqabbda sabiex tiġbor din id-data kienet GO plc u r-rapport ġie kkummissjonat fil-bidu ta’ Settembru 2024 bl-intenzjoni li tinġabar id-data tax-xahar ta’ Awwissu. Din il-kumpanija ntgħażlet fuq il-bażi li l-Awtorita’ kienet diġa ddiskutiet is-suġġett ta’ ‘Big Data’ mit-telefonija ċellulari u l-fatt li l-maġġoranza ta’ ‘simcards’ minn pajjiżi barranin jaqbdu man-network ta’ din il-kumpanija.
It-‘terms of reference’ kienu sempliċi, fejn il-kumpanija ntalbet tiġbor data u tistabilixxi n-numru ta’ viżitaturi ġewwa Kemmuna u l-Blue Lagoon f’Awwissu; il-ħin li waslu u telqu; u nformazzjoni oħra anonima anċillari. Ir-rapport tlesta fid-19 ta’ Settembru u ġie jiswa tmint elef ewro.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kif ġiet allokata l-eco contribution miġbura fl-2024?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jamministra l-fondi allokati taħt il-Vot 7019. Madankollu, il-kontribuzzjoni tal-eco tax tinġabar mill-Malta Tax and Customs Administration.
Matul l-2024, il-kumitat responsabbli għal dan il-fond, jiġifieri t-Tourism Projects Advisory Committee, li kien jaqaʼ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, alloka:
1. €118,121.14 b’rabta mal-Pjazza ta’ Spinola; u
2. €45,962.87 b’rabta ma’ Triq Paceville.
Fiż-żewġ każi fil-lokalità ta’ San Ġiljan.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti li saru mill-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi (TZRA), matul is-sena 2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul din is-sena, l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi (TZRA) wettqet dawn ix-xogħlijiet:
· Flimkien ma’ Infrastructure Malta ikkoordinat ix-xogħlijiet ta’ tiswija fi Triq San Ġorġ (madwar 120 metru kwadru) u Triq Wilġa (madwar 410 metru kwadru).
· Applikat b’suċċess biex iġġedded l-istatus ta’ akkreditazzjoni Purple Flag ta’ Paceville u dan ingħata mill-UK-ATCM matul Lulju 2025.
· Flimkien ma’ Infrastructure Malta, EneMalta u l-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema, it-TZRA kkoordinat it-titjib tal-promenade tal-Ferry f’Tas-Sliema billi kkummissjonat il-bini mill-ġdid tal-bollards tal-konkrit, l-installazzjoni ta' fanali ġodda u ż-żebgħa tal-ħitan tal-konfini.
· B'koordinazzjoni mal-Valletta Operations and Management Committee, it-TZRA bdiet proġett ta' tisbiħ taż-żona tal-konfini tal-Belt Valletta inkluża ż-żona tax-xatt.
· B'koordinazzjoni mal-Malta Tourism Authority, it-TZRA ramat/żarmat l-assi fuq il-bajja (passaġġi,
showers
, torrijiet tal-għassa, slielem/pontijiet,
changing rooms
, kontenituri għas-separazzjoni tal-iskart kkuluriti u sinjali fil-bajjiet).
· B'koordinazzjoni mal-MTA, it-TZRA waqqaf u żarma aktar minn 1440 stand tal-wiri fi 38 lokalità għal avvenimenti soċjali, kulturali u reliġjużi organizzati mill-Kunsilli Lokali, entitajiet pubbliċi u NGOs.
Apparti minn hekk, ħaddiema tat-TZRA wettqu tiswijiet, għamlu manutenzjoni u xogħlijiet ta’ tisbiħ fuq:
· 553 bank;
· 143 arblu dekorattiv tal-lampi;
· 440 sinjal, mirja, bollards;
· 12,516 metru linejari ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ fuq ħitan tal-konfini fi spazji miftuħa, sottobank fil-promenades eċċ;
· 136 qasrija;
· 3,488 metru ta’
railings
tal-promenade.
Dawn ix-xogħlijiet saru f’53 lokalita’ u l-maġġoranza tagħhom saru flimkien mal-Kunsilli Lokali.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa tal-Valletta Management Plan matul is-sena 2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu - Konsulenti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21939, 22501 u 24077 u jagħti rendikont ta’ kemm-il konsulent ġie maħtur mill-Ministeru tiegħu u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) tul is-snin 2023, 2024 u 2025 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid min huma dawn il-konsulenti, fuq liema kriterji ntgħażlu u x’rata ta’ remunerazzjoni għandhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu - Konsulenti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21941, 22498 u 24079 u jgħid kemm minn dawn il-konsulenti maħtura mill-Ministeru tiegħu u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) nħatru wara sejħa pubblika u kemm minnhom ma ntgħażlux wara sejħa pubblika?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Kuntratti ta’ Kera
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21944, 22497 u 24080 u jgħid kemm-il kuntratt ta’ kera għandu l-Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u jagħti n-nefqa annwali fuq kera għas-snin 2023, 2024 u 2025 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31825 u jgħid kemm inġabret eco contribution fis-sena 2024 u minn Jannar sa Settembru 2025? Jista’ jidentifika kemm mill-eco contribution inġabret minn collective accommodation u kemm inġabret minn non-collective accommodation?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt:
Tip ta’ Liċenzja
Ammont mħallas fl-2024
Ammont mħallas fl-2025 (sa Settembru)
HOTEL
2,817,020
1,984,879
Various
1,126,162
767,444
Holiday Premises
733,308
603,593
GUEST HOUSE
216,229
154,403
Host Family
120,441
89,856
HOSTEL
115,278
65,196
TOTAL
5,128,438
3,665,371
Operaturi ta’ ristoranti - Income tax/corporate tax miġbura
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31827 u jindika kemm inġabret income tax u/jew corporate tax fis-snin 2023 u 2024 minn operaturi ta’ ristoranti?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’Seduta oħra.
Operaturi ta’ Lukandi - Income tax/corporate tax miġbura
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31828 u jindika kemm inġabret income tax u/jew corporate tax minn operaturi ta’ lukandi fis-snin 2023 u 2024?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’Seduta oħra.
Operaturi ta’ proprjetajiet liċenzjati mill-MTA - Taxxa miġbura għal short-term rentals
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31829 u jindika kemm inġabret taxxa minn operaturi ta’ proprjetajiet liċenzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għal short-term rentals fis-snin 2023 u 2024?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-2023 operaturi li kellhom liċenzja mill-Awtorità tat-Turiżmu ħallsu €9,686,322 f'kont tat-taxxa tal-proċedura TA24, fejn il-kontribwent jagħżel li jiġi ntaxxat bir-rata fissa ta' 15%.
Dan l-ammont ma jinkludix it-taxxi miġbura fuq id-dħul mill-kera kif iddikjarat fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa u ntaxxat bir-rati normali, peress li f'dan il-każ id-dħul mill-kera jiżdied mal-bqija tad-dħul (anke tal-konjuġi fil-każ ta' koppja miżżewġa) u għalhekk mhux possibbli li jiġi ddeterminat.
Għas-sena 2024 dan l-ammont kien ta' €11,858,560
Operaturi ta’ proprjetajiet - Taxxa miġbura għal long-term rentals
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31830 u jindika kemm inġabret taxxa minn operaturi ta’ proprjetajiet li jinkrew long-term fis-snin 2023 u 2024?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li matul l-2023 operaturi li m’għandhomx liċenzja mill-Awtorità għat-Turiżmu ħallsu €83,535,050 f’taxxa skont il-proċedura TA24, fejn it-
taxpayer
jagħżel li jkun intaxxat bir-rata fissa ta’ 15%.
Dan l-ammont ma jinkludix taxxi miġbura fuq dħul minn kirjiet kif dikjarat fit-
tax returns
u ntaxxat bir-rati normali, peress li f’dan il-każ id-dħul mill-kirjiet jiżdied mal-kumplament tal-dħul (anke tal-konjuġi f’każ ta’ koppja miżżewġa) u għalhekk ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat.
Għas-sena 2024 dan l-ammont kien €98,861,192.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31834 u jagħti rendikont tan-nefqa tal-marketing tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u tal-benefiċjarji ta’ din in-nefqa, matul is-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-2025, l-MTA allokat €21 miljun għall-marketing u l-promozzjoni tad-destinazzjoni. B’dan il-baġit inżommu l-preżenza tal-MTA fis-swieq internazzjonali ewlenin permezz tal-uffiċċji u r-rappreżentanti tagħha madwar id-dinja. Ikopri wkoll firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni, inkluż l-ospitar ta’ żjarat ta’ aġenti u operaturi turistiċi, ġurnalisti u influencers, marketing konġunt ma’ sħab kummerċjali, reklamar f’pubblikazzjonijiet, kif ukoll fuq pjattaformi diġitali u midja soċjali, televiżjoni, radju u azzjonijiet ‘Out-Of-Home’, kif ukoll inizjattivi ta’ PR u parteċipazzjoni fil-fieri internazzjonali, seminars u workshops barra minn Malta.