Jista’ l-Ministru jindika jekk jaqbilx mal-pożizzjoni tal-Ministru għall-Finanzi illi l-bed capacity preżenti tal-lukandi hawn Malta huwa biżżejjed sabiex jakkomoda kull żieda prevista ta’ turisti f’Malta u li Malta għalhekk m’għandhiex bżonn tibni aktar lukandi?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsija li għamel ma taqax fil-parametri tal-Artiklu 27(3) tal-Istanding Orders.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-policy tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għal dak illi jirrigwarda applikazzjonijiet għal lukandi ġodda ġewwa pajjiżna?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għal lukandi ġodda fis-sena 2022 u fis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew approvati applikazzjonijiet għal lukandi ġodda fis-sena 2022 u fis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm hu t-total tal-bed capacity approvat fis-snin rispettivi?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rifjutati applikazzjonijiet għal lukandi ġodda fis-sena 2022 u fis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
MTA – spiża fuq Marketing — Local & Intl., Digital, Brands, VMIM & Events
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ispiża tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għas-sena 2022 fuq ‘Marketing - Local & Intl., Digital, Brands, VMIM & Events’ li, skont il-Financial Statements sottomessi fil-Parlament, ammontaw għas-somma totali ta’ €56,279,024?
MTA – Għajnuna lil entitajiet u organizzazzjonijiet għal marketing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema individwi, entitajiet u organizzazzjonijiet ingħataw għajnuna mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-sena 2022 taħt il-baġit tal-MTA għal-‘Marketing - Local & Intl, Digital, Brands, VMIM & Events’?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għandhiex pjanijiet sabiex tistabbilixxi kriterji oġġettivi u trasparenti li jiġu ppubblikati sabiex jindikaw kif u min jista’ jibbenefika mill-baġit tagħha għal marketing?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet għal lukandi ġodda lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-snin 2022 u 2023 u kemm minnhom ġew approvati? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kamra u sodda fihom u f’liema lokalità jinsabu?
Awtorità Maltija għat-Turiżmu – spezzjonijiet ta’ infurzar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni ta’ infurzar saret mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-snin 2021 u 2022? Jista’ jgħid fejn saru dawn l-ispezzjonijiet, żona b’żona?
Awtorità Maltija għat-Turiżmu – kuntratti tal-kera
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt tal-kera daħlet fih l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) mill-2017 sal-lum, inkluż tiġdid tal-kera, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess kuntratt?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MTA għandha kuntratti tal-kera tas-segwenti postijiet:
· Uffiċini fi Smart City,
· l-Uffiċju tar-Rabat Għawdex,
· Uffiċini fl-Imsida,
· Stores tal-Imrieħel,
· Warehouse f’Ħal Għaxaq,
· Uffiċini f’ibliet barranin – Varsavja, Pariġi, Londra u Ruma,
· Tourist Information Offices fl-Imdina, Valletta Cruise Port, MIA, Buġibba, Pjazza Tritoni, Birgu, Mellieħa, M’Xlokk u Mġarr Għawdex.
Il-kuntratti huma kummerċjalment sensittivi u għaldaqstant ma jistgħux jingħataw.
Ministeru għat-Turiżmu – persuna li sservi bħala CEO ta’ żewġ entitajiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6366, fid-dawl li l-Ministru ma poġġiex fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-persuna, li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament mal-istess mistoqsija, li sservi bħala CEO tal-ITS u tal-MCC, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg ta’ din il-persuna maż-żewġ entitajiet indikati u dan kif ġie mitlub jagħmel fil-mistoqsija oriġinali?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sajf tal-2014 l-ITS kienet ħarġet sejħa pubblika għal post ta’ CEO, għal liema sejħa l-persuna msemmija ġie klassifikat fit-tieni post mill-Bord tal-Għażla. F’Marzu 2015, huwa ġie maħtur bħala interim Executive Director wara r-riżenja tas-CEO ta’ dak iż-żmien (li kien inħatar fl-2014). Wara riżultati eċċellenti, huwa baqa’ jiġi kkonfermat bħala CEO tal-ITS minn bordijiet sussegwenti.
Fir-rigward tal-ħatra tiegħu bħala CEO ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Frar 2015 saret sejħa pubblika li għaliha urew interess u ġew intervistati 30 kandidat. Il-persuna msemmija ġie magħżul mill-Bord tal-Għażla wara proċedura ta’ selezzjoni rigoruża.
Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti, ninforma lill-Onor. Intepellant li l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma mfassla skont il-Grading Structure tal-ITS u tal-MCC rispettivament.
Ministeru għat-Turiżmu – persuna li sservi bħala CEO ta’ żewġ entitajiet
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li sservi bħala CEO ta’ żewg entitajiet? Jista’ jgħid kif persuna waħda tista’ tiġi permessa tagħmel xogħol bħala CEO full-time ta’ żewġ entitajiet differenti tal-Gvern, illi t-tnejn inzertaw jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni ta’ CEO fl-ITS hija full-time filwaqt li dik fl-MCC hija fuq bażi part-time.
Ninformah li s-Sur Fenech ġie maħtur CEO tal-MCC u sussegwentement tal-ITS fl-2015 wara 25 sena jaħdem fis-settur privat. Il-ħatra fl-MCC saret wara li s-CEO ta’ qablu li fl-2009 kien ġie appuntat mis-Segretarju Parlamentari tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien bħala CEO tal-MCC u tat-Teatru Manoel, ġiet vakata.
Tajjeb li wieħed jirrimarka li mill-bidu tat-tmexxija tiegħu fl-ITS, l-istituzzjoni rat l-akbar bidla trasformazzjonali sa mit-twaqqif tagħha 35 sena ilu. Is-Sur Fenech ħa t-tmun tal-ITS f’mument meta din kienet qed tirriskja li titlef il-liċenzja biex topera bħala istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja. Wiret istituzzjoni li kienet traskurata għal snin sħaħ mill-amministrazzjonijiet preċedenti u prova ta’ dan huma r-rapporti kritikanti tal-NAO u rapport ta’ segwitu mill-IAID fl-2012 li fih ġie nnutat li mhux biss l-ITS ma tejbitx fuq ir-rakkomandazzjonijiet li sarulha, iżda fil-fatt kienet fi stat agħar.
Apparti li s-Sur Fenech irnexxielu jibni struttura ta’ riżorsi umani mill-qiegħ nett peress li f’dak iż-żmien ma kienx hemm struttura fis-seħħ, kien biss taħt it-tmexxija tas-Sur Fenech li ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv mal-GWU għall-istaff amministrattiv – ftehim li kien ilu mistenni 30 sena. Is-Sur Fenech kien strumentali biex wara negozjati twal jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-letturi tal-ITS b’tali mod li dawn jiġu ugwali ma’ istituzzjonijiet edukattivi għolja.
Wara 8 snin, is-Sur Fenech, flimkien mat-tim dedikat tiegħu, mhux biss irnexxielhom idawwru s-sitwazzjoni billi kisbu riżultati tajbin f’numru ta’ audits li saru matul is-snin, iżda wkoll minn istituzzjoni li fl-2015 kienet toffri korsijiet sal-livell 5 MQF/EQF għal istituzzjoni li toffri degrees u Masters tal-ogħla kwalità fil-livelli 6 u 7. L-ITS bdiet tiġi rikonoxxuta fil-fora internazzjonali u kien propju għalhekk li s-Sur Fenech irnexxielu jassigura ftehim ma’ istituzzjonijiet edukattivi li huma fost l-aqwa fid-dinja. Illum qed nassistu għall-ewwel istituzzjoni edukattiva li mhux biss se toffri l-edukazzjoni tagħha f’Malta, iżda permezz ta’ ftehimiet fis-seħħ u oħrajn li għandhom jiġu ffirmati dalwaqt, l-ITS se tibda tesporta s-servizzi edukattivi tagħha u tirreġistra studenti f’pajjiżi terzi permezz tal-ftuħ ta’ satellite campus lil hinn minn xtutna. L-ITS illum tinsab f’pożizzjoni li mhux biss toffri prodott eċċellenti lill-istudenti Maltin, iżda wkoll qed tiġbed l-attenzjoni tal-barranin li jridu jiġu jistudjaw hawn Malta. Taħt it-tmexxija tas-Sur Fenech, il-ħolma għall-industrija tagħna li jkollna kampus ġdid state of the art bdiet titwettaq.
Fir-rigward tal-MCC, is-Sur Fenech hawnhekk ukoll wiret entita’ li ma kinitx qed tingħata l-importanza dovuta. Flimkien mat-tim dedikat tiegħu, f’temp ta’ 7 snin ġew investiti €8.5m fi proġetti kapitali – medja ta’ miljun fis-sena ikkumparat ma’ kważi miljun fuq erba’ snin (2008-2012) mill-amministrazzjoni preċedenti. Sal-aħħar ta’ din is-sena mistennija tkun miftuħa s-Slaves Hall li tikkumplimenta ż-żewġ proġetti li ġew varati fl-aħħar snin, ċioe’ il-Grand Harbour Terrace at MCC u l-Girolomo Cassar Hall.
Is-Sur Fenech irnexxielu jdawwar lil MCC minn istituzzjoni b’pożizzjoni finanzjarja ta’ break-even għal waħda profittabbli, sal-punt li anke fl-agħar żmien tal-pandemija meta prattikament l-entita’ tilfet in-negozju kollu tagħha, xorta kienet f’po¿izzjoni li tkompli bl-investiment fil-bini mingħajr ma kien hemm il-bżonn ta’ intervent finanzjarju mill-Gvern Ċentrali. Intant, taħt it-tmexxija tas-Sur Fenech, fl-2022 l-MCC irreġistra l-aqwa riżultati fl-istorja finanzjarja taċ-Ċentru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ristoranti liċenzjati f’Malta? Kemm hu s-seating capacity totali awtorizzat ta’ dawn ir-ristoranti?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3880, ninfurmah li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qatt ma kellha jew żammet informazzjoni f’dan ir-rigward.