B’referenza għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-proġett f’Kemmuna, li jinvolvi fost oħrajn 800 siġra, 44 pixxina, 16-il villa u 140 kamra ta’ lukanda, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il membru tal-Bord ivvota favur, kemm ivvotaw kontra u kemm astjenew, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti u d-dokumentazzjoni relatata mal-votazzjoni? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Membri tal-Bord li pparteċipaw fid-deċiżjoni ddikjarawx kwalunkwe kunflitt ta’ interess, u jekk iva, x’kienu dawn id-dikjarazzjonijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skont id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Skeda tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap 549 tal-Liġijiet ta’ Malta) il-minuti tal-laqgħat tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li jsiru fil-pubbliku huma disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità.
Permessi ta’ żvilupp – Appelli pendenti – Sospensjoni tax-xogħlijiet
Question
Fid-dawl tal-konsultazzjoni li għaddejja dwar ir-riforma tas-sistema tal-appelli fl-ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li, meta jkun hemm appell pendenti kontra permess ta’ żvilupp, ix-xogħlijiet relatati ma’ dak il-permess jiġu sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar l-appell? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern iqisx li dan il-prinċipju għandu jiġi introdott sabiex jiġi evitat li jsiru xogħlijiet li, jekk l-appell jintlaqa’, ma jkunux jistgħu jiġu rriversjati jew li l-ambjent ma jkunx jista’ jiġi rrestawrat għall-istat preċedenti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed imexxi proċess leġislattiv. L-Abbozz ta’ Liġi għadda mill-Ewwel Qari fil-Kamra tar-Rappreżentanti fis-27 ta’ Lulju 2026. Ninforma lill-Onor. Interpellant li tnieda wkoll proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, liema proċess l-Oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax fih, akkumpanjat minn dokument ta’ konsultazzjoni pubblika, sabiex jinġabru l-fehmiet tal-partijiet interessati u tal-pubbliku. L-Abbozz issa jinsab fl-istadji tal-proċess parlamentari.
ERA – Deċiżjonijiet dwar proġetti ta’ impatt ambjentali sinifikanti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri konkreti qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti ta’ impatt ambjentali sinifikanti jkunu trasparenti, imparzjali u bbażati fuq kriterji tekniċi u xjentifiċi ċari? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Gvern għandux pjan biex jippubblika b’mod aktar dettaljat il-kriterji, valutazzjonijiet u raġunijiet li jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ dan it-tip?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti bħal dawn jittieħdu b’mod trasparenti f’laqgħa miftuħa għall-pubbliku, li matulha jitqiesu l-valutazzjonijiet tal-konsulenti involuti fl-istudji u tad-Direttorat fi ħdan l-Awtorità, kif ukoll il-kummenti tal-applikant u tal-pubbliku. Il-proċess innifsu, u l-istħarriġ li fuqu tkun imsejsa l-valutazzjoni tal-proġett, isegwu l-gwida li r-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (L.S. 549.46) jipprovdu dwar kriterji tekniċi, xjentifiċi u proċedurali. L-informazzjoni kollha rilevanti, bħad-Deskrizzjoni tal-Proġett, l-eżitu tal-iskrutinju tal-valutazzjoni tal-impatti ambjentali (VIA), ir-rapport dettaljat tal-VIA, ir-rakkomandazzjonijiet tad-Direttorat lill-Bord, u d-deċiżjoni meħudin, ilkoll ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità.
Jista’ l-Ministru jgħid liema miżuri speċifiċi qed jittieħdu mill-Gvern biex jipproteġi l-ambjent naturali ta’ Kemmuna, fid-dawl tal-iżviluppi proposti u tal-istatus ta’ Kemmuna bħala żona ta’ valur ambjentali u naturali sinifikanti? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux valutazzjonijiet kumulattivi tal-impatt ambjentali tal-iżviluppi preżenti u proposti fuq Kemmuna, u jekk iva, iqiegħed kopja ta’ dawn il-valutazzjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-permess ta’ żvilupp relatat mal-proġett f’Kemmuna, maħruġ fl-2025, huwiex suġġett għal proċeduri legali jew sfidi quddiem il-qrati kompetenti minn organizzazzjonijiet ambjentali, u x’inhu l-istatus attwali ta’ dawn il-proċeduri? Jista’ jgħid ukoll jekk, sakemm dawn il-proċeduri jkunu għadhom pendenti, hemmx xogħlijiet relatati mal-permess li diġà bdew jew li jistgħu jibdew, u jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jieħu miżuri biex jiġi evitat żvilupp irriversibbli sakemm jintemm il-proċess legali?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-permess ta’ żvilupp PA/04777/20 kien is-suġġett ta’ appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. It-Tribunal kien ċaħad l-appell u kkonferma l-permess fil-11 ta’ Novembru 2025. Sussegwentement, id-deċiżjoni tat-Tribunal ġiet appellata quddiem il-Qorti tal-Appell u, b’sentenza tal-4 ta’ Mejju 2026, il-Qorti annullat id-deċiżjoni tat-Tribunal u bagħtet il-każ lura lit-Tribunal sabiex jiġi kkunsidrat mill-ġdid.
Għaldaqstant, il-proċeduri fir-rigward tal-permess għadhom pendenti quddiem it-Tribunal.
B'mod ġenerali, rigward is-sospensjoni awtomatika tal-permessi, din hija s-suġġett tar-riforma tas-sistema tal-appelli ppubblikata għall-konsultazzjoni mill-Gvern, u li hemm proċess Parlamentari marbut magħha li jinsab għaddejj.
Produzzjoni tad-drenaġġ – Żieda kontinwa fil-volum ta’ ilma mormi
Question
Tista’ l-Ministru tipprovdi informazzjoni ċara u sostanzjata dwar fejn qiegħed jispiċċa d-drenaġġ prodott f’Malta, inkluż f’żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni bħal Tas-Sliema? Tista’ tgħid ukoll kif il-Gvern qed jindirizza ż-żieda kontinwa fil-volum ta’ ilma mormi li jirriżulta mill-kostruzzjoni ta’ bini ġdid u mit-tkabbir tal-irħula u ż-żoni residenzjali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tiġbor u titratta d-drenaġġ urban li jiġi ġġenerat minn kull żona tal-pajjiż. Dan jgħaddi minn proċess sħiħ ta’ trattament u tindif f’erba’ impjanti, tlieta f’Malta u wieħed f’Għawdex, qabel ma jerġa’ jintuża jew jintrema b’mod sigur fil-viċinanza tal-istess impjanti. Il-monitoraġġ tal-proċess isir skont kif elenkat fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament tad-Drenaġġ.
Parti kbira mill-ilma li jiġi ffiltrat fl-impjanti jgħaddi minn proċess addizzjonali ta’ trattament iktar intensiv biex jinbidel fi New Water li qed jintuża fis-settur agrikolu billi dan jiġi mgħoddi lill-bdiewa għat-tisqija tal-uċuh tar-raba’ tagħhom. Il-produzzjoni ta’ dan l-ilma ta’ kwalitá għolja qed tilħaq l-ammont ta’ 1.6 miljun metru kubu fis-sena.
Inżid ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern, permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, qed jippjana u jimplimenta investimenti biex jiġi żgurat li l-infrastruttura tad-drenaġġ tibqa’ tlaħħaq mal-ħtiġijiet attwali u dawk futuri tal-pajjiż. F’dan il-kuntest qed jiġi aġġornat il-pjan ta’ investimenti tal-Korporazzjoni, filwaqt li qed jiġu kkunsidrati wkoll l-obbligi regolatorji u dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet fuq stabbilimenti li jistgħu jipproduċu jew jużaw skart likwidu ta’ natura kimika jew tossika, matul l-aħħar tliet snin? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew identifikati każijiet ta’ ksur u x’azzjoni ttieħdet mill-awtoritajiet f’kull każ?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 2461,
ninsab infurmata li matul l-aħħar tliet snin (2023-2025) saru 13,695 spezzjoni fi stabbilimenti kummerċjali u industrijali mis-sezzjoni tad-Discharge Permitting fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Minn dawn inħarġu 760 Notices to Comply u 110 Ittri Legali biex jiġu regolarizzati nuqqasijiet li jvarjaw minn nuqqas ta’ dokumentazzjoni għal rimi ta’ trade effluent b’parametri kimiċi ogħla minn dak stipulat fil-liġi.
Sistema tad-drenaġġ – Miżuri ta’ kontroll u monitoraġġ għal sustanzi tossiċi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri ta’ kontroll u monitoraġġ hemm biex jiġi identifikat jekk sustanzi bħaż-żjut, kimiċi, deterġenti industrijali u materjali oħra potenzjalment tossiċi humiex qed jidħlu fis-sistema tad-drenaġġ, fejn jispiċċaw sussegwentement, u jekk il-faċilitajiet tat-trattament tad-drenaġġ humiex mgħammra biex jittrattaw dawn it-tip ta’ sustanzi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 2461.
Stabbilimenti industrijali u kummerċjali – Rimi ta’ sustanzi tossiċi – Kontrolli
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern, permezz tal-awtoritajiet kompetenti, iwettaqx kontrolli regolari fuq stabbilimenti industrijali, fabbriki, ristoranti, lukandi u stabbilimenti kummerċjali oħra sabiex jiġi żgurat li sustanzi bħaż-żjut, kimiċi, deterġenti industrijali u materjali oħra potenzjalment tossiċi jew ta’ ħsara għall-ambjent ma jkunux qed jintremew direttament fis-sistema tad-drenaġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Is-sezzjoni tad-Discharge Permitting fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinforza r-regolamenti dwar ir-rimi ta’ skart likwidu fid-drenaġġ permezz ta’ spezzjonijiet fi stabbilimenti industrijali u kummerċjali u l-ġbir ta’ kampjuni ta’ trade effluent sabiex jiġi verifikat li l-parametri kimiċi jkunu konformi mal-limiti stabbiliti mil-liġi. Waqt dawn l-ispezzjonijiet jiġi wkoll verifikat li sustanzi tossiċi jew perikolużi jiġu maniġġjati u mormijin skont il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar l-iskart, u li tkun disponibbli d-dokumentazzjoni neċessarja li turi li tali materjal ingħata lil operaturi awtorizzati għall-immaniġġjar u r-rimi tiegħu.
Sustanzi li huma permessi li jidħlu fis-sistema tad-drenaġġ fil-limiti stabbiliti mil-liġi jiġu trattati permezz tas-sistema tad-drenaġġ u tal-faċilitajiet tat-trattament tal-Korporazzjoni. Min-naħa l-oħra, sustanzi perikolużi li ma jistgħux jiġu rilaxxati fid-drenaġġ għandhom jiġu maniġġjati u mormijin permezz ta’ sistemi awtorizzati għall-immaniġġjar tal-iskart skont il-liġi.
Il-faċilitajiet tat-trattament tad-drenaġġ huma operati skont il-parametri u l-kundizzjonijiet regolatorji applikabbli. Għalhekk, il-kontrolli, il-monitoraġġ u r-rekwiżiti imposti fuq ir-rimi fid-drenaġġ huma maħsuba biex jiżguraw li l-effluwent li jidħol fis-sistema jkun kompatibbli mal-proċessi ta’ trattament.
Is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u l-akkwati – Stazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jżid l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fiż-żona tas-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan jew lokalitajiet fil-viċin fejn qed jiġu rrappurtati rwejjaħ qawwija, dħaħen u emissjonijiet li allegatament ġejjin mill-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u jippubblika b’mod regolari r-riżultati sabiex ir-residenti jkunu infurmati dwar il-livelli ta’ tniġġis u l-konformità tal-impjant mal-kundizzjonijiet tal-permessi tiegħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 1958, ninforma lill-Onor. Interpellanta li għar-rigwarrd taż-żona msemmija, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) żiedet in-network għal monitoraġġ tal-arja b’diffusion tubes f’erba’ postijiet fl-Iklin u f’San Ġwann biex tkejjel il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu relevanti għall-każ u kif regolati mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea. Ir-riżultati minn Novembru 2023 s’Awwissu 2026 indikaw livelli ta’ benzin taħt il-limiti stabbiliti fid-direttiva.
Impjant – Miżuri biex titħares il-kwalità tal-ħajja tar-residenti
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema miżuri konkreti qed jittieħdu jew huma ppjanati sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-irwejjaħ mill-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jissaħħaħ l-infurzar u jiġu mħarsa aħjar is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti li jgħixu fil-viċin?
Operat ta’ impjant – Spezzjonijiet/investigazzjonijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux spezzjonijiet jew investigazzjonijiet dwar l-operat tal-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u x’kienu r-riżultati tagħhom, inkluż jekk instabx xi ksur tal-permessi ambjentali jew tal-limiti tal-emissjonijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-1 ta’ Jannar sa nofs Settembru 2026, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqet seba’ spezzjonijiet fil-faċilità li qed issir referenza għaliha. F’erbgħa minn dawn l-ispezzjonijiet, speċifikament fis-17 ta’ Jannar, fil-11 ta’ Marzu, fit-23 t’April u fit-28 ta’ Lulju, ġew ikkonfermati rwejjaħ li kienu attribwiti ma’ konsenji tal-qatran u t-tagħbija tat-tarmak fuq trakkijiet għat-trasport.
L-obbligu ta’ permess ambjentali ġie stabbilit bl-introduzzjoni tar-Regolamenti dwar il-Permessi Ambjentali (Proċedura għall-Applikazzjonijiet u d-Determinazzjoni Tagħhom) (LS549.172) li obbligat lil operaturi diġà eżistenti biex tinġieb clearance sakemm jottjenu l-permess ambjentali. Dan japplika f’dan il-każ peress li l-impjant ilu stabblilit snin qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti. L-operatur ġie mitlub janalizza s-sorsi fl-operat li jistgħu iwasslu għal riħa u kif ser jiġu mitigati. Dan huwa eżerċizzju biex iservi bħala qafas li fuqu jista’ jinbeda l-proċess tal-applikazzjoni ambjentali.
Is-Swieqi – Diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn rappreżentanti tal-Gvern u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi matul l-aħħar sentejn sabiex jiġu diskussi l-problemi relatati mal-indafa, l-infurzar u l-kwalità tal-ħajja fil-lokalità?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata li matul l-aħħar sentejn saru diversi laqgħat bejn l-awtoritajiet konċernati u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi biex niddiskutu l-kwistjonijiet tal-Kunsill. Dawn il-laqgħat isiru b'mod regolari ma' kull Kunsill Lokali.
Is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u l-akkwati – Monitoraġġ tal-kwalità tal-arja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’monitoraġġ tal-kwalità tal-arja u tal-emissjonijiet qed isir fiż-żona tas-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan jew lokalitajiet fil-viċin fejn qed jiġu rrappurtati irwejjaħ qawwija, dħaħen u emissjonijiet li allegatament ġejjin mill-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u jekk dan jinkludix monitoraġġ waqt il-ħinijiet meta r-residenti jirrappurtaw li l-problema tkun tinħass l-aktar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmel monitoraġġ tal-kwalità tal-arja b’mod regolari fil-lokalitajiet imsemmija permezz ta’ diffusion tubes installati f’dawn it-toroq:
San Ġiljan
Triq San Ġorġ – nitrogen dioxide u volatile organic compounds (benzene);
Triq Claire E. Engel – nitrogen dioxide.
Is-Swieqi
Triq Sant’ Andrija – nitrogen dioxide u volatile organic compounds (benzene);
Triq Esprit Barthet – nitrogen dioxide.
Pembroke
Triq P. D’Armenia – nitrogen dioxide u sulphur dioxide.
Ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ huma disponibbli fuq medja ta’ xahar. Il-monitoraġġ permezz tad-diffusion tubes isir matul il-perjodu kollu ta’ teħid tal-kampjuni u r-riżultati jiġu evalwati fuq medja ta’ xahar. Dan il-metodu huwa maħsub biex jevalwa l-kwalità tal-arja ambjentali b’mod ġenerali.
Mill-perspettiva tal-kwalità tal-arja ambjentali, in-netwerk ta’ monitoraġġ tal-ERA jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-arja ambjentali. F’dan il-kuntest, in-netwerk huwa mfassal biex jevalwa l-kwalità tal-arja b’mod ġenerali.
Is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u l-akkwati – Ilmenti dwar irwejjaħ u emissjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru jew l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irċevewx ilmenti mingħand residenti tas-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan jew lokalitajiet fil-viċin dwar irwejjaħ qawwija, dħaħen u emissjonijiet li allegatament ġejjin mill-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, b’mod partikolari matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija u billejl?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Awwissu 2026, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma rċevietx ilmenti fuq is-sistema tagħha dwar irwejjaħ, dħaħen jew emissjonijiet mill-impjant inkwistjoni li kienu identifikati bħala ġejjin mil-lokalitajiet tas-Swieqi, Pembroke jew San Ġiljan. Matul l-istess perjodu, l-ERA rċeviet tmintax-il ilment relatati ma’ dan l-impjant minn residenti tal-Iklin, in-Naxxar u San Ġwann.
Jista’ l-Prim Ministru jelenka l-miżuri li l-Gvern implimenta jew għandu l-ħsieb jimplimenta sabiex jindirizza l-isfidi relatati mal-indafa, l-infurzar, il-vandaliżmu, l-imġiba antisoċjali u l-preservazzjoni tal-karattru residenzjali tal-lokalità tas-Swieqi?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill Ministeru kkonċernat.
Is-Swieqi – Sinjali tat-traffiku mwaqqa’ jew bil-ħsara
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hijiex infurmata dwar każijiet ta’ sinjali tat-traffiku mwaqqgħa jew bil-ħsara fil-lokalità tas-Swieqi? Jista' jgħid ukoll kemm-il rapport ġie rreġistrat u f’kull każ kemm damu biex jissewwew jew jiġu sostitwiti?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika għal liema perjodu qed tirreferi.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jagħti aktar setgħat u riżorsi lill-kunsilli lokali sabiex ikunu jistgħu jinfurzaw regolamenti relatati mal-indafa pubblika, l-imġiba antisoċjali u kwistjonijiet li jolqtu l-kwalità tal-ħajja?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Dan il-Gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ l-infurzar lokali permezz ta’ kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-Kunsilli Lokali u mal-entitajiet kollha responsabbli mill-infurzar. Fil-fatt, dan huwa rifless ukoll fil-wegħdiet elettorali ta’ dan il-Gvern li jagħrfu l-ħtieġa ta’ infurzar aktar effettiv u koordinat sabiex jitnaqqsu l-inkonvenjenzi li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Is-Swieqi – Rapporti dwar storbju, vandaliżmu u mġiba antisoċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport dwar storbju, vandaliżmu, imġiba antisoċjali u disturbi għall-kwiet pubbliku ġew irreġistrati fil-lokalità tas-Swieqi matul l-aħħar sentejn u jekk hemmx pjan ta’ tisħiħ tal-infurzar għal din il-lokalità?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra reviżjoni tar-regolamenti dwar akkomodazzjoni short-let f’żoni residenzjali sabiex jitnaqqas l-impatt fuq ir-residenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadu kemm tlesta proċess ta’ reviżjoni fejn ir-regolamenti tal-akkommodazjoni kollha ġew integrati f’liġi waħda. Dan kien possibbli wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa ma’ diversi setturi u anke l-pubbliku in ġenerali. Dawn ir-regolamenti l-ġodda, li daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2026, għandhom proprju l-għan li jnaqqsu l-impatt tal-akkomodazzjoni turistika, inkluż dik tat-tip
short-let
, fuq ir-residenti f’żoni residenzjali u jtejjbu l-kwalità tal-akkomodazzjoni turistika, filwaqt li jzommu bilanċ xieraq bejn l-interessi tar-residenti u dawk tal-operaturi.