Is-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan – ERA – Kwalità tal-arja – Monitoraġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk, minbarra l-monitoraġġ regolari tal-kwalità tal-arja permezz tad-diffusion tubes, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqitx jew għandhiex il-ħsieb twettaq monitoraġġ jew investigazzjonijiet immirati fiż-żoni tas-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan, b’mod partikolari fil-ħinijiet meta r-residenti jirrapportaw irwejjaħ qawwija, dħaħen jew emissjonijiet? Tista’ tispeċifika wkoll jekk saritx valutazzjoni dwar jekk is-sustanzi mmonitorjati min-netwerk eżistenti humiex adegwati sabiex jiġu investigati dawn ir-rapporti u jekk itteħdux passi sabiex jiġi identifikat is-sors tal-emissjonijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalma spjegajt fit-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 1958, mill-perspettiva tal-kwalità tal-arja ambjentali, in-netwerk ta’ monitoraġġ tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-arja ambjentali. Minkejja dan, l-ERA tibqa’ impenjata li tinvestiga rapporti li jaqgħu taħt il-mansjoni ambjentali tagħha.
Żoni residenzjali – Short-lets – Impatt fuq ir-residenti
Question
Jista’ l-Ministru jispeċifika liema dispożizzjonijiet jew miżuri konkreti ġew introdotti fir-regolamenti l-ġodda li daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2026 sabiex jitnaqqas l-impatt tal-akkomodazzjoni short-let fuq ir-residenti f’żoni residenzjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-istorbju u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jimmonitorja l-effettività ta’ dawn il-miżuri u, jekk iva, kif u meta din se ssir?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġew fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-2026 dwar l-Akkomodazzjoni Turistika (Avviż Legali 92 tal-2026), liema Regolamenti daħlu b’seħħ mill-15 ta’ Ġunju 2026.
Jista’ l-Ministru jispeċifika x’tip ta’ nuqqasijiet ta’ konformità nstabu fil-112-il każ identifikat waqt l-ispezzjonijiet fuq proprjetajiet liċenzjati bħala short-lets fis-Swieqi matul l-aħħar sentejn, x’azzjoni ta’ infurzar ittieħdet f’kull kategorija ta’ każ u kemm minn dawn il-każijiet ġew riżolti? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-każijiet wasslu għall-impożizzjoni ta’ multi, sospensjoni jew revoka ta’ liċenzji, fejn applikabbli?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1950 dwar in-numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija assenjati sabiex iservu l-lokalità tas-Swieqi u dwar jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu r-riżorsi fid-dawl tal-ilmenti relatati mal-infurzar, jista’ l-Ministru jagħti din l-informazzjoni għall-perjodu attwali, jiġifieri mill-bidu tat-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Tista’ l-Ministru tispeċifika kemm mill-41 rapport li rċeviet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) permezz tal-pjattaforma ERIS kienu jirrigwardaw skart mormi illegalment u kemm kienu jirrigwardaw nuqqas ta’ ġbir tal-iskart fil-lokalità tas-Swieqi? Tista’ tgħid ukoll kemm-il ilment dwar dawn il-problemi wasal għand l-Awtorità permezz ta’ emails mill-Kunsill Lokali tas-Swieqi u x’azzjoni ttieħdet f’kull kategorija ta’ każ, inkluż jekk l-ilmenti wasslux għal interventi korrettivi jew għal azzjoni ta’ infurzar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-41 rapport li rċeviet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) permezz tal-pjattaforma ERIS kienu relatati ma’ skart mormi llegalment fil-lokalità tas-Swieqi.
Ir-ronda tal-ġbir tal-iskart, inkluż kwalunkwe nuqqas ta’ ġbir applikabbli, ma jaqax taħt il-mansjoni regolatorja tal-ERA, iżda huwa suġġett għal arranġamenti bejn il-Kunsill Reġjonali rispettiv u l-kuntrattur responsabbli.
Fir-rigward ta’ rapporti li jaslu permezz ta’ emails, l-ERA tieħu nota ta’ dawk relatati ma’ rimi llegali ta’ skart u, fejn meħtieġ, tinkludi l-postijiet indikati fil-lista tagħha ta’ żoni li jeħtieġu monitoraġġ. L-ERA ripetutament tħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali u dawk Reġjonali sabiex ir-rapporti jiġu sottomessi permezz tal-pjattaforma uffiċjali tagħha, fejn ikunu jistgħu jiġu reġistrati, segwiti b’mod strutturat u tinżamm statistika.
Fejn rapport dwar rimi llegali ta’ skart ikun jeħtieġ segwitu mill-ERA, il-post jista’ jiġi inkluż fil-lista ta’ hotspots u jkun suġġett għal monitoraġġ mill-uffiċjali tal-infurzar. Fejn jiġu identifikati irregolaritajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-ERA, tittieħed l-azzjoni meħtieġa skont iċ-ċirkostanzi tal-każ u skont dak stipulat fil-liġi applikabbli. Dawn jinkludu multa għal min jinqabad joħroġ l-iskart mhux skont l-iskart li jkun se jinġabar f’dik il-ġurnata partikolari, kif ukoll twissija uffiċjali lil min jinqabad għall-ewwel darba ma jsegwix l-obbligu tas-separazzjoni mandatorju tal-iskart.
Tista’ l-Ministru tispeċifika kemm mill-294 spezzjoni mwettqa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fil-lokalità tas-Swieqi bejn Jannar 2025 u Awwissu 2026 saru matul l-2025 u kemm matul l-2026? Tista’ tgħid ukoll jekk, minn Settembru 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sarux aktar spezzjonijiet u nħarġux aktar multi relatati ma’ rimi illegali tal-iskart fl-istess lokalità u, jekk iva, kemm?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, b’żieda mat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 1948, fir-rigward ta’ skart maħruġ ħażin fis-Swieqi, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għamlet 120 spezzjoni ta’ bejn erba’ u ħames sigħat kull waħda matul is-sena 2025. Bejn Jannar 2026 sal-aħħar ta’ Settembru 2026, saru 245 spezzjoni oħra.
Nikkonferma li tali spezzjonijiet komplew isiru mid-data tar-risposta u għandhom jibqgħu għaddejjin fil-hotspots l-iktar kritiċi provduti mill-Kunsill Lokali tas-Swieqi stess. Matul ix-xahar ta’ Settembru 2026 biss, l-ERA wettqet 62 spezzjoni oħra fis-Swieqi li wasslu biex inħarġu 6 multi oħra kif ukoll 16 -il twissija formali fuq skart maħruġ ħażin u mhux isseparat sew.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni li tagħti dettalji, għal kull wieħed mill-membri attwali tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), dwar il-kwalifiki akkademiċi, l-esperjenza professjonali u l-kompetenza rilevanti tagħhom, kif ukoll tindika l-kriterji li abbażi tagħhom inħatru bħala membri tal-Bord? Tista’ tgħid ukoll jekk, qabel il-ħatra ta’ kull membru, saritx verifika dwar il-konformità mal-kriterji u mar-rekwiżiti legali applikabbli għall-kompożizzjoni tal-Bord u, jekk iva, tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni rilevanti?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-ilma mormi illi jinġabar f’Malta qed jiġi trattat, f’liema impjanti, u kemm minnu wara t-trattament qed jerġa’ jintuża, inkluż għall-agrikoltura u għall-użu mill-bdiewa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 2464.
Tista’ l-Ministru tgħid fejn jispiċċa l-ilma mormi li, wara t-trattament jew għal kwalunkwe raġuni oħra, jintrema' fil-baħar, u f’liema każijiet dan l-ilma jkun trattat qabel ma jintrema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 2464.
Problemi fis-sistema tad-drenaġġ – Ilmenti/rapporti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew irreġistrati ilmenti jew rapporti relatati ma’ problemi tad-drenaġġ, inkluż overflow, ħruġ ta’ ilma mormi, riħa jew problemi fis-sistema tad-drenaġġ, matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-maġġoranza assoluta tal-ilmenti jirriżultaw minn rimi llegali tal-ilma tax-xita u ta’ materjali li ma jistgħux jintremew fin-network tad-drenaġġ, u li sussegwentament jikkawżaw sadd u żbroffi fin-network. F’dan ir-rigward, fl-2021 kienu reġistati 3,622 ilment; 2,901 fl-2022; 2,953 fl-2023; 2,714 fl-2024; u 2,671 fl-2025.
Tista’ l-Ministru tgħid x’monitoraġġ qed isir biex jiġi żgurat li l-ilma mormi jkun qed jiġi trattat skont l-istandards meħtieġa u li ma jkunx qed jikkawża riskji għas-saħħa pubblika jew għall-ambjent?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 2464.
Ilmijiet kostali u żoni tal-għawm – Każijiet ta’ kontaminazzjoni/traċċi ta’ drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew identifikati każijiet ta’ kontaminazzjoni jew traċċi ta’ drenaġġ f’ilmijiet kostali jew f’żoni ta’ għawm matul l-aħħar ħames snin, u f’liema lokalitajiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Espożizzjoni għall-ilma mormi/kontaminat – Każijiet ta’ problemi tas-saħħa
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx data dwar infezzjonijiet, mard jew problemi tas-saħħa relatati ma’ espożizzjoni għall-ilma mormi jew kontaminat, kemm ġew irrappurtati każijiet u x’kienet in-natura ta’ dawn il-każijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-ewwel parti tal-mistoqsija lill-Ministeru konċernat, ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda rapport f’dan ir-rigward.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm qed tiġi kkunsidrata b’serjetà l-problema tal-kapaċità tas-sistema tad-drenaġġ, fid-dawl tat-tkabbir urban u demografiku ta’ Malta, u x’inhu l-pjan tal-Gvern biex jiġi żgurat li l-infrastruttura tad-drenaġġ tlaħħaq mal-iżvilupp preżenti u tal-futur?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 2464.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew allokati fondi għall-manutenzjoni, titjib u espansjoni tal-infrastruttura tad-drenaġġ matul l-aħħar ħames snin u kemm hu ppjanat li jiġi investit fis-snin li ġejjin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-infiq kapitali u operattiv relatat mal-manutenzjoni, t-titjib u l-espansjoni tal-infrastruttura tad-drenaġġ matul l-aħħar ħames snin ammonta għal €197.1 miljun u dan kien maqsum kif ġej:
2021 €28.6 miljun
2022 €23.6 miljun
2023 €28.6 miljun
2024 €50.6 miljun
2025 €65.7 miljun
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha għadd ta’ investimenti fl-infrastruttura tad-drenaġġ fi stadju avvanzat ta’ pjanar, li jagħmlu parti mill-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali tagħha għall-għaxar snin li ġejjin li jammont għal €400 miljun.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux pjan jew strateġija biex iżomm il-prezzijiet tal-fjuwil stabbli u baxxi fiċ-ċirkostanzi internazzjonali preżenti, fejn il-prezzijiet taż-żejt u tal-prodotti tal-enerġija qed ikunu affettwati minn żviluppi u inċertezzi li qed iseħħu madwar id-dinja?
Prezzijiet tal-fjuwil – Miżuri ta’ protezzjoni għall-familji u n-negozji
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qed jikkunsidra l-Gvern sabiex jipproteġi lill-familji u lin-negozji minn żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil, u jekk hemmx mekkaniżmu konkret fis-seħħ biex jiġi evitat li żidiet fil-prezzijiet internazzjonali jgħaddu direttament fuq il-konsumatur Malti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-Gvern, kif diġà ilu jagħmel għal dawn l-aħħar 13-il sena u kif impenja ruħu li se jagħmel matul kampanja elettorali, se jibqa’ jżomm prezzijiet stabbli tal-elettriku u tal-fjuwil għall-familji u n-negozji. Anke fi żmien ta’ kriżijiet globali bħall-pandemija tal-COVID-19 u kunflitti internazzjonali li ġabu u għadhom qed iġibu magħhhom sfidi ekonomiċi kbar, meta l-prezz internazzjonali tal-enerġija għola drastikament, żammejna l-prezzijiet stabbli. L-għoti tas-sussidju fuq l-elettriku u l-fjuwil qabeż il-€1 biljun u għen lill-familji u lin-negozji jibqgħu reżiljenti u kompetittivi.
Kif diġà intrabatna mal-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-programm elettorali, se nkomplu nħaddmu l-politika tagħna favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u nissussidjaw il-prezz tal-fjuwil, il-gass u l-kontijiet tad-dawl. Minkejja l-pressjoni li saritilna fl-aħħar snin u għadha qed issir, dan il-Gvern se jibqa’ jiddefendi l-politika tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
Għal dan il-għan, il-Gvern se jkompli jintervjeni biex itaffi l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u ma jħallihomx jgħaddu direttament fuq il-konsumatur. Dan huwa l-mekkaniżmu konkret li permezz tiegħu l-Gvern qed jipproteġi lill-familji u n-negozji mill-volatilità fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, filwaqt li jkompli jinċentiva investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika.
Dan il-Gvern huwa garanzija ta’ stabbiltà u hekk se jibqa’ jkun fiż-żmien li ġej. Li l-Gvern jibqa’ jagħti s-sussidju hija deċiżjoni strateġika li għandha żewġ għanijiet. L-ewwel għan hu li ma nitfgħux piżijiet fuq in-nies, fuq il-familji. F’mument fejn nafu li madwar id-dinja hawn sfida tal-inflazzjoni u ta’ instabbiltà, il-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu biex jgħin lill-familji u n-negozji. It-tieni għan hu li ċ-ċertezza li qegħdin nagħtu bi prezzijiet stabbli titrasmetti ruħha f’fiduċja fl-ekonomija. Dik il-fiduċja tħalli lill-pajjiż u l-ekonomija mixjin ‘il quddiem. B’hekk nibqgħu noħolqu l-ġid u dak il-ġid nistgħu nqassmuh.
Minkejja li hemm min għadu sal-lum jgħid li dan is-sussidju jrid jitwaqqaf, il-Gvern huwa kommess li jżomm politika ta’ stabbiltà. Fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, meta l-prezz tal-fjuwil kien jogħla kull xaħar u l-prezz tal-elettriku dejjem jiżdied, kulħadd kien ibati iżda l-aktar li kienu jħossu d-daqqa kienu l-familji u dawk l-aktar vulnerabbli. Aħna mhux se mmorru f’dik it-triq, għax dik mhix il-politika tagħna.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx fondi jew allokazzjonijiet finanzjarji speċifiċi maħsuba sabiex il-Gvern ikun jista’ jżomm il-prezzijiet tal-fjuwil stabbli f’każ ta’ żieda sostanzjali fil-prezzijiet internazzjonali?
ERA – Ħatra tal-Membri tal-Bord – Proċess u kriterji
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema proċess u kriterji jintużaw mill-Gvern fl-għażla u l-ħatra tal-membri tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u jekk dan il-proċess jinkludix kriterji ta’ meritokrazija, kompetenza, esperjenza u kwalifiki relatati mal-protezzjoni tal-ambjent? Tista’ tgħid ukoll jekk, qabel ma jinħatar membru fuq dan il-Bord, issirx evalwazzjoni formali tal-kwalifiki u l-esperjenza tiegħu, u jekk din l-informazzjoni tkunx disponibbli għall-pubbliku?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2470, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-membri tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi jinħatru skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap 549 tal-Liġijiet ta’ Malta). Fil-ħatra tagħhom jiġu kunsidrati l-kompetenza, l-esperjenza, il-kwalifiki u l-ħiliet rilevanti għall-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Bord u tal-Awtorità. L-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Bord hija disponibbli fid-dominju pubbliku.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri kollha attwali tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien mal-kwalifiki akkademiċi, esperjenza professjonali u kompetenza rilevanti tagħhom fil-qasam tal-ambjent, l-ippjanar, il-konservazzjoni jew l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx kriterji minimi ta’ kwalifika u kompetenza ambjentali li għandhom jiġu sodisfatti minn persuni maħtura fuq dan il-Bord?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) huwa kompost skont l-Artikolu 6 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap 549 tal-Liġijiet ta’ Malta). L-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Bord hija disponibbli fid-dominju pubbliku.
Il-membri attwali tal-Bord huma dawn:
Chairperson
Perit Vincent Cassar
Deputy Chairperson
Prof. Manuel [Emanuel] Sinagra
Membri
Prof. Stephanie Fabri
Mr Martin Galea Degiovanni
Ms Charmaine Mangion
Dr Ing Christopher Ciantar
Mr Clarence Pace
Perit Kevin Fsadni
Mr Kurt Farrugia
Prof. Saviour Formosa
Mr Issak Koroma
Segretarja tal-Bord
Ms Lorna Farrugia
Fir-rigward tal-kwalifiki, l-esperjenza professjonali u l-kompetenza tal-membri, il-liġi tipprovdi l-parametri li fuqhom għandha tkun ibbażata l-kompożizzjoni tal-Bord u tistabbilixxi l-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jinħatru fuq il-Bord, inklużi persuni b’esperjenza jew għarfien fil-qasam tal-attività tal-Awtorità u persuni bi kwalifiki jew esperjenza f’oqsma rilevanti, fosthom l-ambjent, ir-riżorsi, ix-xjenza, ir-riċerka, l-edukazzjoni u oqsma regolatorji u professjonali oħra.
Barra minn hekk, il-kompożizzjoni tal-Bord prevista fil-liġi tinkludi wkoll membri mis-servizz pubbliku li għandhom esperjenza jew kwalifiki f’materji li jolqtu l-ambjent, is-saħħa ambjentali, il-politika soċjali jew ir-riżorsi, flimkien mal-membri indipendenti, il-membru nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni u l-membru li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet volontarji fis-settur tal-ambjent.
L-Att ma jistabbilixxix kwalifika akkademika jew kompetenza speċifika li kull membru individwali għandu jkollu. Iċ-Chairperson tal-Bord jiġi approvat ukoll mill-Kumitat tal-Kamra għal Ħatriet Pubbliċi.