Heritage Malta – Valutazzjoni tal-impatt ta’ interventi maġġuri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma jibda proġett maġġuri ta’ restawr fuq sit storiku taħt il-kura ta’ Heritage Malta, issirx valutazzjoni tal-potenzjal tiegħu bħala location għall-ġbid ta’ films? Jekk le, jista’ jgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat li tiddaħħal din il-prattika?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tfassil u t-twettiq ta’ dawn il-proġetti huma bbażati fuq prinċipji u linji gwida stabbiliti fiċ-Charter internazzjonali dwar il-konservazzjoni u r-restawr, b’mod partikolari dawk maħruġa mill-ICOMOS, u jsiru b’konsultazzjoni dettaljata mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, bħala r-regolatur ewlieni f’dan il-qasam.
Il-prijorità ewlenija ta’ Heritage Malta tibqa’ l-konservazzjoni, il-preservazzjoni u l-ħarsien tal-integrità storika u arkitettonika tas-siti taħt il-kura tagħha.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex inventarju ta’ siti storiċi li jistgħu jintużaw għall-ġbid ta’ films u produzzjonijiet televiżivi? Jekk iva, jista’ jgħid kemm-il sit jinsab f’dan l-inventarju?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Heritage Malta m’għandhiex inventarju speċifiku ta’ siti storiċi maħsuba għall-ġbid ta’ films u produzzjonijiet televiżivi. Kull talba għall-użu ta’ dawn is-siti għal dan il-għan tiġi evalwata individwalment, filwaqt li dejjem tingħata prijorità lill-konservazzjoni, il-preservazzjoni u l-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali tas-siti kkonċernati.
Heritage Malta – Siti li ntużaw għall-ġbid ta’ films jew produzzjonijiet televiżivi
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tas-siti storiċi taħt il-kura jew il-ġestjoni ta’ Heritage Malta li ntużaw bħala location għall-ġbid ta’ films jew produzzjonijiet televiżivi f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2475, tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-investiment ta’ €400 miljun previst fil-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għall-għaxar snin li ġejjin huwa allokat speċifikament għall-manutenzjoni, it-titjib u l-espansjoni tal-infrastruttura tad-drenaġġ? Tista’ tagħti lista tal-proġetti ewlenin previsti, tindika l-lokalitajiet li se jkunu milquta, l-ispiża stmata ta’ kull proġett u ż-żmien mistenni għall-implimentazzjoni tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 4273, inżid ninfurmaha li t-tisħiħ ewlieni fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ huwa pjanat li jkun fis-seħħ sal-2031, waqt li x-xogħlijiet fuq in-network tal-ġbir tad-drenaġġ huwa mmirat li jitlestew sal-2034.
Fost il-proġetti li diġà jinsabu għaddejjin, hemm dak li minn Erba’ Mwieżeb iwassal sal-Veċċja f'San Pawl il-Baħar, ix-xogħlijiet fuq in-network bejn is-Santwarju u l-Għadira fil-Mellieħa, kif ukoll interventi oħrajn ta’ tiġdid u titjib fin-network fi Vjal il-Labour, iż-Żejtun. Qed jitmexxew ukoll il-proċessi meħtieġa sabiex jinbdew b’mod imminenti t-tkabbir tal-impjant t’Għawdex, flimkien ma’ interventi ppjanati f’Sant’ Antnin u Ta’ Barkat. Ix-xogħol tat-tkabbir tal-impjant taċ-Ċumnija fit-Tramuntana ta' Malta tnieda fil-bidu ta' din is-sena u għaddej skont il-pjan.
Proġetti oħrajn ewlenin li se jsiru jinkludu mejnijiet ġodda mill-Pwales sa Għajn Żnuber; xogħlijiet fuq in-network tad-drenaġġ fl-inħawi tar-Rabat u Ħad-Dingli; tibdil tal-mejn f'Tal-Ħlas, Ħal Qormi b’mina ġdida; tkabbir tal-mejn fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Qormi; mejn ġdid fi Triq Diċembru Tlettax sal-pumping station tal-Marsa; mejnijiet ġodda f'Tas-Sliema, Buġibba u l-Qawra, fin-Nofsinhar ta' Malta, u nħawi oħra fit-Tramuntana ta' Malta li se jkunu qed jiġu maqsuma f'diversi fażijiet ta' implimentazzjoni; tisħiħ ta' pumping stations prinċipali fin-Nofsinhar ta' Malta; u mina ġdida mir-Rabat (Għawdex) sal-impjant tat-trattament tad-drenaġġ eżistenti.
Il-programmar tax-xogħlijiet fuq in-network huwa suġġett għal kordinazzjoni ma’ xogħlijiet li jkunu qegħdin isiru minn entitajiet oħrajn, sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-pubbliku. Meta l-proġetti jkunu waslu biex jinbdew, il-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma tippubblika l-informazzjoni rilevanti permezz ta’ stqarrijiet għall-istampa u fuq il-websajt uffiċjali tagħha.
Prezzijiet tal-fjuwil – Miżuri ta’ protezzjoni għall-familji u n-negozji
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2473, tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern f’sussidji fuq il-prezzijiet tal-fjuwil matul l-2024, l-2025 u sal-aħħar xahar li għalih hemm data disponibbli fl-2026, separatament għal kull sena? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Gvern għandux pjan ta’ kontinġenza f’każ ta’ żieda sostanzjali fil-prezzijiet internazzjonali tal-fjuwil, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sussidju u l-protezzjoni tal-familji u n-negozji, u jekk iva, x’inhuma l-parametri ewlenin ta’ dan il-pjan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif diġà spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2473, dan il-Gvern jibqa’ kommess li jiżgura stabbiltà fil-prezzijiet tal-fjuwil għall-familji u n-negozji. Bħalma smajna fit-tħabbir tal-Baġit, din is-sena s-sussidji sabiex ma jiżdidux il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils mistennija jiswew lill-Gvern madwar €392 miljun. Matul l-aħħar snin, bejn l-2022 u l-2026, l-ispiża ta’ dawn is-sussidji ammontat għal €1.35 biljun. Dan ifisser li €1.35 biljun baqgħu fil-bwiet tan-nies u n-negozji tagħna.
Intenni li kif urejna tul dawn l-aħħar snin, permezz ta’ ppjanar sod u ekonomija b’saħħitha, il-pajjiż għandu l-kapaċità li jwieġeb għal ċirkostanzi internazzjonali diffiċli u jipproteġi lill-familji u n-negozji mill-impatt tagħhom. F’ambjent internazzjonali tal-enerġija li jibqa’ imprevedibbli, din hija l-aqwa garanzija li pajjiżna jkun f’pożizzjoni li jilqa’ għal xokkijiet futuri u jirreaġixxi skont iċ-ċirkostanzi.
.
Permessi ta’ żvilupp - Appelli pendenti - Sospensjoni tax-xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2468, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-riforma tas-sistema tal-appelli fl-ippjanar jipprevedix is-sospensjoni tax-xogħlijiet relatati ma’ permess ta’ żvilupp sakemm jiġi deċiż appell pendenti, u jekk le, jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jintroduċi tali dispożizzjoni sabiex jiġi evitat li jsir żvilupp irriversibbli qabel ma tingħata deċiżjoni finali dwar l-appell?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interepellant li l-Abbozz ta' Liġi sabiex jemenda Varji Liġijiet dwar it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar għadda mill-istadju tat-tieni qari fis-27 ta' Ottubru 2026 u jinsab issa fi stadju ta' kumitat.
ERA - Deċiżjonijiet dwar proġetti ta’ impatt ambjentali sinifikanti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2467, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jintroduċi miżuri sabiex id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti b’impatt ambjentali sinifikanti jkunu akkumpanjati minn spjegazzjoni dettaljata tal-kriterji tekniċi u xjentifiċi applikati, il-valutazzjoni tal-alternattivi kkunsidrati, u r-raġunijiet għalfejn ġew aċċettati jew miċħuda r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttorat u l-oġġezzjonijiet imressqa mill-pubbliku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti b’impatt ambjentali sinifikanti huma msejsa fuq spjegazzjoni dokumentata mħejjija mid-Direttorat tal-Affarijiet Regolatorji fi ħdan l-ERA, li fost oħrajn tinkludi rendikont tal-proċess segwit, il-kriterji tekniċi u xjentifiċi rilevanti li jkunu tqiesu bħala parti mill-valutazzjoni tal-proġett, il-valutazzjoni tal-alternattivi kunsidrati, il-kummenti ambjentalment rilevanti li l-Awtorità tkun irċeviet matul il-proċess, u r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttorat imsemmi. Din id-dokumentazzjoni tkun ukoll disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità, hekk kif stabbilit fir-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (VIA).
Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord huma disponibbli għall-pubbliku li jiddokumentaw id-deċiżjoni tal-Bord jinkludu riferiment għall-preżentazzjonijiet li jsiru waqt il-laqgħa tal-Bord (kemm mill-konsulenti li jkunu wettqu l-istudju kif ukoll mid-Direttorat), li jkunu bbażati fuq id-dokumentazzjoni msemmija, u l-kummenti li jsiru mill-parteċipanti inkluż il-pubbliku preżenti. L-istess minuti jirreġistraw id-diskussjoni u/jew il-punti mqajma mill-membri tal-Bord, kif ukoll jekk il-Bord jaqbilx mar-rakkomandazzjonijiet u mar-raġunament tad-Direttorat. Anke dawn il-minuti jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità, bħalma jesiġu r-Regolamenti dwar il-VIA.
Tista’ l-Ministru tgħid liema miżuri speċifiċi qed jittieħdu mill-Gvern biex jipproteġi l-ambjent naturali ta’ Kemmuna, fid-dawl tal-iżviluppi proposti u tal-istatus ta’ Kemmuna bħala żona ta’ valur ambjentali u naturali sinifikanti? Tista’ tgħid ukoll jekk sarux valutazzjonijiet kumulattivi tal-impatt ambjentali tal-iżviluppi preżenti u proposti fuq Kemmuna, u jekk iva, iqiegħed kopja ta’ dawn il-valutazzjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa qegħdin jiġu implimentati diversi inizjattivi sabiex jipproteġu u jtejjbu l-ambjent naturali ta’ Kemmuna. Dawn jinkludu:
Ir-restawr ta’ ħabitats naturali permezz ta’ proġetti mmexxija mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Ambjent Malta, fosthom ir-riabilitazzjoni tal-artijiet mistagħdra fil-Qala ta’ Santa Marija u r-restawr ta’ żoni agrikoli abbandunati permezz tat-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni.
Ir-reintroduzzjoni ta’ speċi mhedda li nqerdu minn Kemmuna, bit-taħwil ta’ speċi rari u r-reintroduzzjoni ta’ annimali rari, permezz ta’ pjan għar-restawr, bħalma huma l-bużaqq (il-ħuta nazzjonali) u r-ruppja (pjanta tal-art mistagħdra).
Qed jiġu mneħħija speċi aljeni invażivi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-bijodiversità lokali, flimkien ma’ miżuri biex jiġu protetti u rriġenerati l-ambjenti naturali u l-veġetazzjoni indiġena tal-gżira.
Qed isir xogħol ta’ protezzjoni ta’ żoni ekoloġikament sensittivi, fosthom l-għaram tar-ramel (sand dunes) u l-frigana (tip ta’ xagħri endemiku għal Malta), permezz ta’ delimitazzjoni ta’ żoni, kontroll tal-aċċess u ġestjoni ta’ passaġġi sabiex jitnaqqsu l-ħsarat ikkawżati mit-tgħaffiġ tal-veġetazzjoni u mill-attività tal-bniedem.
Fl-istess waqt, għaddej it-tkattir ta’ speċi mhedda, permezz ta’ arranġament mal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti, sabiex ikollna materjal indiġenu għar-reintroduzzjoni u r-restawr f’Kemmuna.
It-titjib tal-indafa u l-ġestjoni ambjentali, inkluż it-tneħħija ta’ skart u strutturi mhux xierqa, inizjattivi ta’ tindif fuq l-art u fil-baħar, u miżuri ta’ sorveljanza u infurzar sabiex jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq l-ambjent naturali, huma wkoll inizjattivi oħrajn li qed isiru f’Kemmuna.
Dan flimkien ma’ ġestjoni aħjar tal-viżitaturi fiż-żona tal-Blue Lagoon, permezz ta’ sistema ta’ prenotazzjoni u kontroll tan-numru ta’ viżitaturi, li qed issir minn entitajiet terzi, flimkien ma’ titjib fil-ġestjoni tal-iskart, faċilitajiet sanitarji u infurzar, bil-għan li titnaqqas il-pressjoni fuq din iż-żona ambjentalment sensittiva.
Bħalissa għaddej ukoll proġett b’kofinanzjament mill-UE sabiex nimplimentaw il-miżuri għal ħarsien tal-Marine Protected Area, li tinkludi wkoll miżuri għall-ħarsien tal-alka.
Dawn l-inizjattivi jiffurmaw parti minn ħidma kontinwa sabiex Kemmuna tibqa’ titgawda mill-pubbliku, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħabitats naturali, l-ispeċi u l-karatteristiċi ekoloġiċi tagħha jkunu protetti għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Ninforma wkoll li l-proġett tal-lukanda u l-bungalows f’Kemmuna, li kien kopert mill-applikazzjoni għall-permess tal-iżvilupp PA 04777/20, kien suġġett għal Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u għal valutazzjoni skont ir-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali. F’dawn il-valutazzjonijiet jitqies ukoll l-impatt kumulattiv fuq l-ambjent, u għal dan il-għan jiġu kunsidrati anke żviluppi oħrajn li jkunu jinsabu fiż-żona ta’ influwenza tal-proġett. Abbażi ta’ dan il-proċess, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irrakkomandat għadd ta’ kundizzjonijiet u miżuri biex l-impatt fuq l-ambjent naturali ta’ Kemmuna jittaffa jew jiġi evitat. Id-dettalji rilevanti huma disponibbli pubblikament fuq is-sit elettroniku tal-ERA, u jistgħu jinkisbu minn fuq il-paġna
https://era.org.mt/era-project/ea-21-00001/
.
B’referenza għat-tweġiba fil-mistoqsija parlamentari 2465, u minkejja li l-proċeduri dwar il-permess ta’ żvilupp PA/04777/20 għadhom pendenti quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid jekk, il-permess għadux fis-seħħ u jekk ix-xogħlijiet relatati miegħu jistgħux legalment jinbdew jew jitkomplew? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi ordni ta’ sospensjoni jew miżuri oħra fis-seħħ sabiex jiġi evitat li jsir żvilupp irriversibbli f’Kemmuna qabel ma t-Tribunal jerġa’ jiddeċiedi l-każ?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li fir-rigward tal-permess imsemmi għadha pendenti proċedura ta’ appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. Fid-dawl tal-fatt li l-proċeduri għadhom pendenti quddiem il-fora kompetenti, ma jkunx xieraq jew prudenti li jsir kwalunkwe kumment ulterjuri f’dan l-istadju.
Produzzjoni tad-drenaġġ - Żieda kontinwa fil-volum ta’ ilma mormi
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2464, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kapaċità attwali tal-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ u tan-network tad-drenaġġ f’Malta hijiex biżżejjed biex tlaħħaq mal-volum attwali u dak proġettat ta’ ilma mormi, fid-dawl taż-żieda fil-kostruzzjoni u fl-iżvilupp residenzjali? Tista’ tgħid ukoll jekk sarux studji dwar l-impatt ta’ dan it-tkabbir fuq il-kapaċità tal-infrastruttura, b’mod partikolari f’żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni bħal Tas-Sliema, u liema investimenti konkreti huma ppjanati biex tiġi evitata pressjoni żejda fuq is-sistema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-infrastruttura eżistenti għall-ġbir u t-trattament tad-drenaġġ qiegħda tlaħħaq mad-domanda attwali. Fid-dawl tat-tkabbir proġettat fid-domanda, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed timplimenta programm ta’ titjib biex tkompli żżid il-kapaċità tat-trattament tad-drenaġġ. L-investiment ippjanat ma jindirizzax biss il-kapaċità tal-impjanti tat-trattament, iżda wkoll il-kapaċità tan-network tal-ġbir u d-distribuzzjoni, nkluż f’żoni fejn id-domanda u d-densità huma ogħla.
Fil-qafas tal-aġġornament tal-Pjan Nazzjonali ta’ Investiment għas-Servizzi tal-Ilma 2026-2036, hemm ippjanati madwar €106 miljun f’investimenti fl-infrastruttura tat-trattament tad-drenaġġ u madwar €145 miljun fin-network tad-drenaġġ. Dawn jinkludu titjib fl-impjanti ta’ Iċ-Ċumnija f’Għawdex, ta’ Sant’ Antnin u Ta’ Barkat, kif ukoll tiġdid u estensjoni ta’ mejnijiet ewlenin u infrastruttura oħra tan-network sabiex tiżdied il-kapaċità tal-ġbir u tat-trasport u titnaqqas l-infiltrazzjoni tal-baħar f’ċerti nħawi mal-kosta.
L-aġġornament tal-Pjan Nazzjonali ta’ Investiment tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li b’kollox jammonta għal €400 miljun, li jiġbor dawn l-interventi f’qafas wieħed ta’ investiment fit-tul, huwa mmirat li jiġi finalizzat sal-aħħar tas-sena.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2463, tista’ l-Ministru tgħid kemm mis-760 Notice to Comply u l-110 ittra legali maħruġa bejn l-2023 u l-2025 kienu jirrigwardaw rimi ta’ skart likwidu b’parametri kimiċi li jaqbżu l-limiti legali, kemm minn dawn il-każijiet ġew regolarizzati mill-operaturi kkonċernati, u jekk kienx hemm każijiet fejn, minħabba nuqqas ta’ konformità jew ksur ripetut, ittieħdu aktar passi ta’ infurzar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-ispezzjonijiet li saru bejn l-2023 u l-2025, ġew identifikati 249 każ ta’ rimi ta’ skart likwidu b’parametri kimiċi li jaqbżu l-limitu legali. Minn dawn, 200 każ ġew regolarizzati mill-operaturi. Fuq il-każi l-oħrajn inħarġu ittri legali.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma - Stabbilimenti industrijali u kummerċjali - Spezzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2461, tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet u kemm ittieħdu kampjuni ta’ skart likwidu minn stabbilimenti industrijali u kummerċjali mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena 2025 u mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm minn dawn l-ispezzjonijiet jew kampjuni żvelaw ksur tal-limiti legali jew kundizzjonijiet imposti, u x’miżuri ta’ infurzar ittieħdu f’dawn il-każijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fis-sena 2025 saru 3,508 spezzjoni, inġabru 450 kampjun u nħarġu 348 NTC (Notice to comply) li jinkludu fost affarijiet oħrajn eċċedenzi kimiċi ta' kampjuni, nuqqasijiet ta’ dokumentazzjoni u twaqqif ta’ prattiċi jew bżonn ta’ modifikazzjonijiet interni mill-operaturi. Filwaqt li fis-sena 2026 sal-Ġimgha 23 t’Ottubru, saru 2,709 spezzjoni, nġabru 657 kampjun u nħarġu 510 NTC. Apparti minn hekk, inħarġu wkoll 49 ittra legali fl-2025 u 60 oħra din is-sena.
Is-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan - Stazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1961, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hix qed tikkunsidra li twettaq monitoraġġ aktar immirat u kontinwu tal-kwalità tal-arja fiż-żona tas-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan, b’mod partikolari matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija u billejl, sabiex jiġu identifikati u evalwati l-irwejjaħ u l-emissjonijiet attribwiti lill-impjant inkwistjoni? Tista’ tgħid ukoll liema sustanzi li jniġġsu, minbarra l-benzin, ġew imkejla jew ser jiġu mkejla, u jekk ir-riżultati tal-monitoraġġ humiex ser jiġu ppubblikati b’mod regolari għall-informazzjoni tar-residenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li b’żieda mat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 1958 u 1961, is-sustanzi li ġew imkejjla huma dawk relevanti għall-każ u kif regolati mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea. Ir-riżultati minn Novembru 2023 s’Awwissu 2026 indikaw livelli ta’ benzin taħt il-limiti stabbiliti fid-direttiva. Abbażi tal-evidenza disponibbli, l-ERA tqis li l-monitoraġġ li sar huwa adegwat.
Operat ta’ impjant - Spezzjonijiet/investigazzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1959, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-operatur tal-impjant inkwistjoni għandux il-permessi u l-awtorizzazzjonijiet ambjentali meħtieġa skont il-liġi, f’liema stadju jinsab il-proċess għall-ħruġ tal-permess ambjentali, u liema miżuri konkreti ntalab jimplimenta l-operatur sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa rwejjaħ u emissjonijiet mill-operat tiegħu? Tista’ tgħid ukoll jekk ġiex stabbilit terminu għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 1959, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-impjant inkwistjoni ngħata clearance mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fit-2 ta’ Frar 2026. Il-clearance hija valida għal erba’ snin, u l-operatur irid japplika għal permess ambjentali matul dan il-perjodu.
Il-clearance tinkludi kundizzjoni li permezz tagħha l-operatur meħtieġ jissottometti, fi żmien tliet xhur, rapport li jidentifika s-sorsi t’emissjonijiet u rwejjaħ mill-operat tiegħu u x’miżuri huma proposti biex dawn jiġu indirizzati, kif ukoll it-terminu ta’ żmien għat-twettiq ta’ kull miżura proposta. Ir-rapport mitlub ġie sottomess u l-ERA talbet lill-operatur jindirizza xi aspetti indikati fir-rapport li ma kienux għas-sodisfazzjon tal-Awtorità.
Is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u l-akkwati – Ilmenti dwar irwejjaħ u emissjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1957, tista’ l-Ministru tgħid x’azzjoni ttieħdet mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fir-rigward tat-18-il ilment li rċeviet bejn l-1 ta’ Jannar 2026 u l-31 ta’ Awwissu 2026 dwar l-impjant inkwistjoni, inkluż kemm saru spezzjonijiet, jekk sarx monitoraġġ tal-kwalità tal-arja u tal-emissjonijiet, partikolarment matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija u billejl, u jekk instabx ksur ta’ xi kundizzjoni tal-permess jew regolament ambjentali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet li tajtha għall-mistoqsijiet parlamentari 1959 u 1961.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1956 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u jelenka l-miżuri li l-Gvern implimenta jew għandu l-ħsieb jimplimenta sabiex jindirizza l-isfidi relatati mal-indafa, l-infurzar, il-vandaliżmu, l-imġiba antisoċjali u l-preservazzjoni tal-karattru residenzjali tal-lokalità tas-Swieqi?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninsab infurmat li, matul l-aħħar xhur, ittieħdu numru ta’ inizjattivi biex jissaħħu s-sigurtà u l-ordni pubbliku fis-Swieqi permezz ta’ koordinazzjoni bejn il-Korp tal-Pulizija, LESA, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) u l-Kunsill Lokali. Dawn inkludew iż-żieda ta’ rondi preventivi u infurzar immirat, inkluż matul il-ħinijiet ta’ billejl.
Sar ukoll monitoraġġ u spezzjonijiet fuq proprjetajiet short-let, filwaqt li l-kollaborazzjoni mar-residenti u s-sistema ta’ sorveljanza fiż-żona komplew jikkontribwixxu għaż-żamma tal-ordni pubbliku u l-indirizzar ta’ każijiet ta’ mġiba antisoċjali.
Is-Swieqi – Sinjali tat-traffiku mwaqqgħin jew bil-ħsara
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1955, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-perjodu bejn it-22 ta’ Ottubru 2024 u t-22 ta’ Ottubru 2026, Transport Malta kinitx infurmata dwar każijiet ta’ sinjali tat-traffiku mwaqqgħin jew bil-ħsara fil-lokalità tas-Swieqi? Jista' jgħid ukoll kemm ġew irreġistrati rapporti u f’kull każ kemm damu biex jissewwew jew jiġu sostitwiti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1954, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux pjan konkret sabiex isaħħaħ is-setgħat u r-riżorsi tal-Kunsilli Lokali fil-qasam tal-infurzar, inkluż permezz ta’ aktar uffiċjali tal-infurzar, taħriġ speċjalizzat jew mezzi oħra, u jekk iva, x’inhuma l-miżuri previsti u meta huwa mistenni li jiġu implimentati?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li f'dan l-istadju qed isir il-koordinament ma' numru ta' entitajiet.
Is-Swieqi – Rapporti dwar storbju, vandaliżmu u mġiba antisoċjali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1949 u jgħid kemm-il rapport dwar storbju, vandaliżmu, imġiba antisoċjali u disturbi għall-kwiet pubbliku ġew irreġistrati fil-lokalità tas-Swieqi matul l-aħħar sentejn u jekk hemmx pjan ta’ tisħiħ tal-infurzar għal din il-lokalità?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninsab infurmat li d-dettalji tar-rapporti rreġistrati fis-sistema elettronika tal-Korp tal-Pulizija dwar storbju, vandaliżmu u disturbi għall-ordni pubbliku jinsabu fit-Tabella A. Dawn il-figuri ma jinkludux każijiet li jiġu indirizzati mill-Pulizija waqt ir-rondi jew permezz ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, fejn tittieħed azzjoni immedjata kif meħtieġ.
Fir-rigward tal-kumplament tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta mogħtija f’domanda parlamentari Nru. 3244
Tabella ‘A’:Ksur ta’ paċi u ordni pubblika Swieqi fis-snin 2024, 2025 and 2026 sa 22/10/2026 irreġistrati fin-NPS
Kategorija
Sub-kategorija
Swieqi
2024
2025
2026
Ksur ta’ paċi u ordni pubblika
Annimali
0
2
1
Argumenti
6
5
11
Mużika għolja
1
14
10
Ħsejjes waqt kostruzzjoni
0
1
2
Is-Swieqi – Kunsill Lokali – Laqgħat relatati mal-indafa, l-infurzar u l-kwalità tal-ħajja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru laqgħat speċifiċi bejn rappreżentanti tal-Gvern u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi matul l-aħħar sentejn, tagħti d-dati ta’ dawn il-laqgħat u tindika f’kull każ liema kwistjonijiet relatati mal-indafa, l-infurzar u l-kwalità tal-ħajja fil-lokalità ġew diskussi?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tas-Swieqi li matul is-sena 2025 saru 13 -il laqgħa, filwaqt li matul is-sena 2026, sal-lum, saru 11-il laqgħa. Dawn il-laqgħat kienu jikkonċernaw diversi temi ta’ interess għall-komunità lokali, fosthom l-infrastruttura u t-tiswijiet tat-toroq, il-ġestjoni tat-traffiku, s-sigurtà u l-infurzar, inizjattivi relatati mal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll proġetti u proposti oħra għall-benefiċċju tal-lokalità.