Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Valutazzjoni tal-alternattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma ttieħdet kwalunkwe deċiżjoni dwar il-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà, saritx valutazzjoni tal-alternattivi kollha possibbli, inkluż jekk il-problema identifikata setgħetx tiġi indirizzata permezz ta’ miżuri oħra ta’ mobilità jew infrastruttura?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi saru valutazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet alternattivi, liema soluzzjonijiet ikkunsidraw b’mod partikolari s-sigurtà tal-persuni mexjin f’żona fejn il-bini huwa eżistenti, fejn il-livelli tal-bini eżistenti jridu jinżammu, u fejn hemm ukoll probabbiltà ta’ għargħar.

L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Valutazzjoni dwar is-sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx valutazzjoni dwar is-sigurtà tal-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà, fid-dawl tal-fatt li matul l-aħħar 36 sena kien hemm inċident li wassal għall-mewt ta’ persuna, u jekk dan il-fattur ġiex ikkunsidrat fl-analiżi tal-ħtieġa għall-proġett?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4333.

L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Proġett tal-bridge - Konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’konsultazzjoni saret mal-Kunsilli Lokali tal-Imsida u tal-Pietà qabel ma ġie kkunsidrat il-proġett tal-bridge propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà, u kemm-il darba saru laqgħat uffiċjali ma’ dawn il-Kunsilli u mar-residenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-Onor. Interpellant hija mitluba tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4330.

L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Pożizzjoni uffiċjali tal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux f’idejh il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kunsilli Lokali tal-Imsida u tal-Pietà dwar il-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà u, jekk iva, jista’ jippreżenta kopja ta’ din il-korrispondenza jew konsultazzjoni lill-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Il-Kunsilli Lokali għandhom kull dritt jesprimu u jikkomunikaw pubblikament il-pożizzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet li jolqtu lill-komunitajiet li jirrappreżentaw. Dan huwa dritt demokratiku li għandu jiġi rispettat minn kulħadd, inkluż minn din il-Kamra.

L-Imsida u l-Pietà - Kriterji għall-klassifikazzjoni tal-proġett propost għall-konnessjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji u premessi l-iżvilupp u/jew il-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà ġie kkunsidrat bħala ‘minor project’, u jekk saritx valutazzjoni dwar l-impatt kumulattiv tiegħu fuq ir-residenti u l-infrastruttura taż-żona?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Awtorità tal-Ippjanar teżamina u tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp skont il-qafas leġiżlattiv u l-policies fis-seħħ, b’mod partikolari l-Istrateġija għall-Ambjent u l-Iżvilupp tal-2015 (SPED), il-politika u l-gwida tad-DC15, kif ukoll il-Pjanijiet Lokali tal-2006. Dawn il-parametri jservu bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, filwaqt li jiġi żgurat li kull deċiżjoni tittieħed skont il-kunsiderazzjonijiet u l-kriterji rilevanti tal-ippjanar.

L-Imsida - Carrying capacity - Studji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji dwar il-carrying capacity tal-Imsida matul l-aħħar tliet snin, partikolarment fir-rigward tal-popolazzjoni, l-iżvilupp residenzjali, it-traffiku, l-infrastrutturam, is-servizzi pubbliċi u l-iskart? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji ta’ dawn l-istudji u jgħid meta ġew ippubblikati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onorevoili Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija Parlamentari numru 2010.

L-Imsida - Units residenzjali li jinsabu fil-pipeline

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm units residenzjali oħra li bħalissa jinsabu fil-pipeline tal-iżvilupp fl-Imsida, inkluż dawk li għandhom permess approvat iżda għadhom ma nbnewx, u dawk li l-applikazzjonijiet tagħhom għadhom pendenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4327, u abbażi tad-database u tas-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar, sal-aħħar ta’ Settembru 2026 kien hemm 494 permess li għalihom kienet ġiet ippreżentata commencement notice, kif ukoll 138 permess validu ieħor li fir-rigward tagħhom kienet għadha ma ġietx ippreżentata commencement notice.

L-Imsida - Units residenzjali ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew units residenzjali ġodda fil-lokalità tal-Imsida matul l-aħħar sentejn, u kemm minn dawn kienu units ġodda approvati permezz ta’ permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4327.

Heritage Malta - Siti storiċi - Attivitajiet ekonomiċi, inkluż ġbid ta’ films

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex politika li tistabbilixxi kif siti storiċi jistgħu jintużaw għal attivitajiet ekonomiċi, inkluż il-ġbid ta’ films, mingħajr ma tiġi kompromessa l-konservazzjoni tagħhom? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din il-politika?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Intepellant li Heritage Malta għandha proċeduri stabbiliti li jirregolaw l-użu tas-siti storiċi taħt ir-responsabbiltà tagħha għal attivitajiet ekonomiċi, inkluż il-ġbid ta’ films, filwaqt li tingħata prijorità assoluta lill-ħarsien, il-konservazzjoni u l-integrità ta’ dawn is-siti. Kull talba tiġi kkunsidrata individwalment sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet proposti ma jikkompromettux il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-wirt kulturali.

Turiżmu kulturali f’Malta - Produzzjonijiet internazzjonali tal-films u t-televiżjoni - Valutazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx valutazzjoni dwar il-kontribut li l-produzzjonijiet internazzjonali tal-films u t-televiżjoni jagħtu lill-promozzjoni tat-turiżmu kulturali f’Malta, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ siti storiċi Maltin bħala locations? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din il-valutazzjoni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità Maltija għat-Turiżmu - Promozzjoni ta’ siti storiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) tikkollaborax mal-Kummissjoni Maltija għall-Films u Heritage Malta sabiex tippromwovi siti storiċi li dehru f’films u produzzjonijiet televiżivi bħala parti mill-offerta tat-turiżmu kulturali ta’ Malta? Jekk iva, jista' jagħti dettalji ta’ dawn l-inizjattivi mill-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu tippjana l- promozzjoni ta’ pajjiżna madwar id-dinja ġeografikament għall-pajjiżi individwali, fejn tiffoka fuq niċeċ u udjenzi magħżula, skont l-interessi u l-profil ta’ l-udjenza.  F’dawn l-aħħar snin, in-niċċa ta’ film tourism, tatna l-opportuita’ li nirreklamaw pajjiżna wara li siti storiċi u lokalitajiet ikunu dehru f’films u produzzjonijiet viżivi.

Awtorità tal-Ippjanar - Linji gwida għall-industrija tal-films

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar għandhiex linji gwida li jqisu l-importanza ta’ siti storiċi għall-industrija tal-films meta tevalwa proposti għal interventi li jistgħu jbiddlu l-karatteristiċi viżivi jew arkitettoniċi tagħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Siti storiċi - Permessi ta’ żvilupp - Preservazzjoni ta’ karatteristiċi arkitettoniċi u viżivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-permessi ta’ żvilupp għal interventi f’siti storiċi jistgħux jinkludu kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-preservazzjoni ta’ karatteristiċi arkitettoniċi u viżivi li huma rilevanti għall-użu tas-sit bħala location għall-films? Jekk iva, jista' jagħti eżempji ta’ dawn il-kundizzjonijiet?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Kull permess għall-iżvilupp jinkludi sett ta’ kundizzjonijiet standard, però jista’ jinkludi ukoll kundizzjonijiet speċifiċi relatati mas-sit in kwistjoni. Ir-rilevanza tal-użu tas-sit bħala location għall-films m’hix kunsiderazzjoni li normalment titqies waqt il-proċess tal-ippjanar sakemm l-applikazzjoni innifisha ma tkunx relatata mal-użu tas-sit għall-filming. Kundizzjonijiet speċifiċi dwar preservazzjoni ta’ karatteristiċi arkitettoniċi jinkludu monitoraġġ tax-xogħlijiet, garanziji bankarji u kundizzjonijiet minn entitajiet esterni bħas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Garanziji ivarjaw minn €700 sa €23,000 bħala ammonti standard filwaqt li l-ammonti jistgħu jiżdiedu jew jonqsu jekk ikun hemm karatteristiċi partikolari.

Awtorità tal-Ippjanar - Konsultazzjoni mal-Kummissjoni Maltija għall-Films

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-proċess tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal interventi f’siti storiċi li huma magħrufa għall-użu tagħhom bħala locations għall-films, l-Awtorità tal-Ippjanar tikkonsultax mal-Kummissjoni Maltija għall-Films dwar l-impatt potenzjali tal-interventi fuq dan l-użu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-Awtorità tal-Ippjanar tiċċara illi l-attivitajiet relatati mal-ġbid ta’ films huma regolati permezz tal-Ordni dwar in-Notifikazzjoni tal-Iżvilupp (Development Notification Order), skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 552.08 tal-Liġijiet ta’ Malta, b’mod partikolari l-Klassi 19 – Filming and Activities. Din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti applikabbli għal kull klassi ta’ żvilupp, inklużi l-konsultazzjonijiet u l-approvazzjonijiet meħtieġa mill-entitajiet kompetenti. Fil-każ ta’ interventi f’siti ta’ valur storiku jew kulturali, l-Awtorità tirrikjedi li l-applikant jissottometti l-approvazzjoni (clearance) tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali matul il-proċess tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-interventi proposti jkunu ġew ikkunsidrati mill-awtorità responsabbli mill-ħarsien tal-wirt kulturali.

Heritage Malta - Manutenzjoni ta' elementi moderni f'siti storiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli għall-manutenzjoni ta’ sistemi tad-dawl, cables, tagħmir tekniku u elementi moderni oħra installati waqt proġetti ta’ restawr f’siti ta’ Heritage Malta, u jekk hemmx proċedura sabiex dawn jiġu sostitwiti jew aġġornati mingħajr ħsara lill-istrutturi storiċi?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manutenzjoni tas-sistemi u l-elementi moderni installati fis-siti taħt il-kura ta’ Heritage Malta ssir skont l-obbligi u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratti rispettivi, kif ukoll permezz tal-ħaddiema tekniċi tal-Aġenzija. Dawn il-ħaddiema għandhom it-taħriġ meħtieġ sabiex l-interventi ta’ manutenzjoni jitwettqu b'mod li jirrispetta l-karatteristiċi u l-valur storiku tas-siti, filwaqt li jitħarsu l-prinċipji tal-konservazzjoni.

Heritage Malta - Valutazzjonijiet ta' proġetti maġġuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara t-tlestija ta’ proġetti maġġuri ta’ restawr fuq siti storiċi taħt Heritage Malta, issirx valutazzjoni tal-interventi li jkunu saru biex jiġi stabbilit jekk dawn laħqux l-għanijiet ta’ konservazzjoni, aċċessibbiltà u użu futur tas-sit?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara t-tlestija ta’ proġetti maġġuri ta’ restawr fis-siti storiċi taħt il-kura tagħha, Heritage Malta tkompli ssegwi u tevalwa l-effettività tal-interventi mwettqa, partikolarment fir-rigward tal-konservazzjoni, l-aċċessibbiltà u l-użu futur tas-siti. F'ċerti siti jiġu installati wkoll sistemi ta’ monitoraġġ sabiex tinġabar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet klimatiċi u l-impatt tagħhom fuq il-binjiet u l-ambjent storiku.

Heritage Malta - Installazzjoni ta’ sistemi moderni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex standards jew rakkomandazzjonijiet dwar l-installazzjoni ta’ sistemi tad-dawl, cables, tagħmir elettriku u sistemi oħra moderni f’siti storiċi, sabiex dawn ikunu kemm jista’ jkun diskreti u ma jnaqqsux il-valur storiku jew viżiv tas-sit?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 4287, ninfurmaha li Heritage Malta tibbaża t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ restawr fuq prinċipji internazzjonalment rikonoxxuti fil-qasam tal-konservazzjoni, fosthom dawk stabbiliti mill-ICOMOS. F'dan il-kuntest, l-installazzjoni ta’ sistemi moderni, inkluż tagħmir tad-dawl u infrastruttura elettrika, tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-ħtieġa li jitħares il-valur storiku, arkitettoniku u viżiv tas-siti, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ intervent minimu, kompatibbiltà u reversibbiltà fejn dan ikun teknikament possibbli.

Heritage Malta - Siti storiċi - Tfassil ta’ proġetti ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt it-tfassil ta’ proġetti ta’ restawr f’siti storiċi taħt il-kura ta’ Heritage Malta jiġux evalwati soluzzjonijiet li jtejbu l-aċċessibbiltà filwaqt li jipproteġu l-integrità arkitettonika u l-potenzjal tas-sit bħala location għall-films?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt it-tfassil ta’ proġetti ta’ restawr fis-siti storiċi taħt il-kura tagħha, Heritage Malta tevalwa soluzzjonijiet li jtejbu l-aċċessibbiltà, filwaqt li tassigura l-ħarsien tal-integrità arkitettonika, storika u kulturali ta’ dawn is-siti, skont il-prinċipji internazzjonali tal-konservazzjoni. L-għan ewlieni ta’ dawn l-interventi huwa l-konservazzjoni tal-wirt storiku u t-titjib tal-esperjenza tal-viżitaturi, filwaqt li kwalunkwe użu ieħor tas-siti għandu jkun kompatibbli mal-ħarsien u l-karatteristiċi tagħhom.

Heritage Malta u l-Kummissjoni Maltija għall-Films - Mekkaniżmi formali ta’ koordinazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega liema mekkaniżmi formali ta’ koordinazzjoni jeżistu bejn Heritage Malta u l-Kummissjoni Maltija għall-Films sabiex il-ħtiġijiet tal-konservazzjoni u dawk tal-industrija tal-films jiġu kkunsidrati flimkien meta jiġu ppjanati interventi fuq siti storiċi?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

L-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.

Dħul għal entitajiet pubbliċi minn film locations

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul ta’ Heritage Malta u entitajiet pubbliċi oħra mill-għoti ta’ permessi jew mill-kiri ta’ siti storiċi għall-ġbid ta’ films u produzzjonijiet televiżivi matul kull waħda mill-aħħar ħames snin, u jagħti t-tqassim tad-dħul skont l-entità?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-użu ta’ siti storiċi għall-ġbid ta’ films u produzzjonijiet televiżivi huwa suġġett għall-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-entitajiet responsabbli mill-amministrazzjoni tas-siti rispettivi. Id-dħul minn dawn l-attivitajiet jiġi amministrat mill-entitajiet konċernati, skont il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. Il-Ministeru jagħraf l-importanza li dawn is-siti jkomplu jintużaw b’mod responsabbli għal produzzjonijiet awdjoviżivi, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna.