Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dar tal-Anzjani Zammit Clapp — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dar tal-Anzjani Zammit Clapp hiex topera b'mod sħiħ? Kemm hemm residenti, nisa u rgiel sal-lum? Kemm se tkun tesa' residenti ? Kemm hemm kmamar tas-sodda? Il-kmamar tas-sodda se jkollhom il-faċilitajiet sanitarji magħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dar tal-Anzjani Zammit Clapp għadha mhux topera b’mod sħieħ. Sa issa, tliet swali huma miftuħin u jistgħu jieħdu sa 84 resident. Ser tinfetaħ sala oħra li ser tkun iddedikata għar-residenti li jbagħtu mill-marda tad-‘dimensia’. Din is-sala għandha tnax il-sodda. Sa llum din il-faċilita’ għandha 84 resident, 62 mara u 22 raġel. F’din id-dar tal-anzjani hemm 42 kamra tas-sodda. Il-kmamar residenzjali mhux kollha għandhom faċilitajiet sanitarji, għaldaqstant fil-faċilita’ hemm numru ta’ faċilitajiet sanitarji adegwati sabiex jaqdu il-bzonnijiet kollha tal-anzjani residenti f’Zammit Clapp Nursing Home

Care Malta u djar tal-anzjani — public private partnership

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' public private partnership għandu l-gvern ma' CareMalta rigward tad-djar tal-anzjani f'Bormla, fiż-Żejtun, il-Mellieħa u Zammit Clapp?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fid-djar taż-Żejtun, Bormla u Żammit Clapp, CareMalta jipprovdu kemm servizzi ta' kura kif ukoll is-servizzi l-oħra anċellari li huma bżonnjużi għal tmexxija ta' dawn id-Djar. Dawn jinkludu servizzi ta' tindif, laundry, provediment tal-ikel u reception services. Fid-Dar tal-Mellieħa, il-Gvern jipprovdi servizz ta' kura waqt li CareMalta jipprovdu s-servizzi anċillari.

Sptar Karen Grech — informazzjoni dwar il-pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sodod fl-Isptar Karen Grech? Jista' jgħid kemm hemm pazjenti li qegħdin fl-Isptar Karin Grech għar-rijabilitazzjoni, u kemm hemm pazjenti li qed jistennew biex jidħlu fi djar residenzjali u/jew nursing homes? Jista' jagħti din l-informazzjoni skont l-età [>59, 60-79, 80+], u skont il-gender?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #33923 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Mentali t'Għawdex — toilets u showers tal-irġiel fil-Long Stay

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se tisewwa s-sistema tad-drenaġġ u jerġgħu jibdew jaħdmu showers u t-toilets tal-irġiel fil-Long Stay tal-Isptar Mentali t'Għawdex? Infurmata l-Ministru li billi dawn ilhom magħluqa iktar minn tliet xhur, il-pazjenti u l-istaff qed ikollhom jużaw ix-showers u t-toilets tan-nisa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-tiswija tas-sistema ta' drenaġġ b'konnessjoni ma' showers tal-irġiel fil-Long Stay Ward tal-Isptar Mentali t'Għawdex ser issir bħala parti minn refurbishment komplut tal-istess kamra. Il-quotation għal dan ix-xogħol qiegħed fi stadju ta' aġġudikazzjoni. It-toilets tal-irġiel fil-Long Stay Ward m'humiex affettwati minn din il-ħsara.
Leg 11 PQ #33924 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — tiswija tas-saqaf tal-laboratorju

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jsir sakemm jiġi imsewwi s-saqaf tal-laboratorju tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex biex għal inqas meta tkun ix-xita, l-ħaddiema li hemm fil-laboratorju jkunu jistgħu jaħdmu mingħajr ma jixarbu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-tiswija fuq il-waterproofing tas-saqaf tal-laboratorju tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex diġà saret.
Leg 11 PQ #33925 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — storage tal-ex rays

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-x-rays il-qodma qed jiġu storjati fl-iskola tal-Għarb u jekk għandux jinstab post fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex fejn dawn l-x-rays jiġu storjati? X'miżuri ttieħdu għal data protection? Min għandu aċċess għalihom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-x-rays ittieħdu f'post barra mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex biex isir spazju għal aktar servizzi ġodda fl-Isptar. Mhux neċessarju li dawn l-X-Ray films qodma jinżammu l-Isptar u llum bis-sistema diġitali ma baqax il-bżonn ta' filing ta' films għax is-sistema żżomm kollox f'arkivji diġitali. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li fil-proċess tat-trasferiment ta' x-rays f'post fl-iskola tal-Għarb ittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex id-data protection fir-rigward ta' dawn id-dokumenti tkun imħarsa. Għandhom aċċess biss għal dawn il-films persuni awtorizzati.
Leg 11 PQ #33926 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — flus fl-overtime

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jintnefqu flus fl-overtime kull xahar fi ħlas tal-ħaddiema biex inadfu l-kuruturi tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex, xahar b'xahar mis-sena 2008 sa' April 2012?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma jsirx overtime biex jiġu mnaddfa l-kuruturi tal-Isptar.
Leg 11 PQ #33935 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — kuntratti għax-xogħol ta' kostruzzjoni fit-teatru l-ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm kuntraturi li ħadu kuntratti biex jagħmlu xogħol ta' kostruzzjoni fit-teatru l-ġdid fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Min huma? X'kuntratti ħadu għal liema xogħol? Kemm jiswa l-kuntratt?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #33936 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — sejħa għall-ingaġġ ta' anestetista

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 29400 u 30382, tista' l-Ministru tgħid jekk is-sejħa biex jiġi ngaġġat anestetista residenti ieħor fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex ħarġietx?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s-sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtela l-post ta' Anestetista fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex se tiġi ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 11 ta' Mejju 2012.

ETC  U  L-Employment Aide  Programme

Question

Tista' l-Ministru tispjega għaliex ażjendi li applikaw biex jimpjegaw persuni taħt l-Employment Aide Programme baqgħu mingħajr risposta mingħand il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, ghal aktar minn 6 xhur bil-konsegwenza li kellhom iwaqqfu l-impjieg tal-istess persuni? X'se tagħmel il-korporazzjoni biex tagħti rimedju lil dawn il-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba dan in-nuqqas ta' risposta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #33916 Sitting 470 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Dipartiment tas-Saħħa — xiri ta' vaccine mill-Health Centre

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex mhux dejjem isiru ċerti riċevuti mid-Dipartiment tas-Saħħa f'Għawdex għax-xiri ta' vaċċini mill-Health Centre u min ikun irid jixtri jkollu jmur drabi oħra? Meta sa jkun hemm iktar minn skrivan wieħed li jagħmel dan ix-xogħol ħalli l-Għawdxin ikunu jistgħu jinqdew mingħajr dewmien u skariġġ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Uffiċċju tal-Ispettorat tas-Saħħa f'Għawdex dejjem ħareġ fil-waqt l-irċevuti għax-xiri ta' vaċċin li jsir miċ-Ċentru tas-Saħħa f'Għawdex.
Leg 11 PQ #33917 Sitting 470 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdxin li qed jieħdu part-time courses fl-Imsida Campus

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Għawdxin li qed jattendu korsijiet part-time fl-Imsida Campus, liema korsijiet ma jsirux full-time fl-Università ta' Malta u lanqas isiru part-time fiċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex, mhux qed jingħataw la l-għajnuna għall-ispejjeż tal-vapur li jieħdu anki l-imjegati tal-gvern f'Malta u lanqas l-allowance tal-kera li jieħdu l-Għawdxin kollha li jistudjaw Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-għajnuna mogħtija mill-Ministeru għal Għawdex lill-istudenti Għawdxin tingħata biss lil dawk li jkunu jattendu kors fuq bażi full-time.
Leg 11 PQ #33919 Sitting 470 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Tibdil infrastrutturali fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tat-tibdil infrastrutturali li se jsiru fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex u l-permessi relattivi maħruġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet ta' ristrutturar u tisbiħ li qed isiru fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ma jirrekjedux permessi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Leg 11 PQ #33920 Sitting 470 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Film — Għawdex il-Verità Kollha

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jintwera l-film Għawdxi, il-Verità Kollha, li ġie meħud fit-30 ta' Marżu 2012 wara li saret tindifa lill-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tiċċara l-mistoqsija biex tkun tista' tingħata risposta.
Leg 11 PQ #33922 Sitting 470 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — ambulanzi bil-ħsara

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il ambulanza hemm taħdem u kemm-il ambulanza hemm bil-ħsara u/jew li m'għaddietx mill-VRT fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Kemm ilhom li nxtraw l-ambulanzi li qed jintużaw fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Meta se jiġu msewwija jew mibdula dawn l-ambulanzi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid ukoll illi żewġ ambulanzi ġodda oħra, huma ordnati u għandhom jaslu Malta sal-aħħar ta' Mejju 2012.

Post ta' staff nurse — applikanti barranin

Question

Peress li f’paragrafu 10 tal-Linji ta’ Gwida maħruġa f’November 2009 mill-Management and Personnel Office għall-Bordijiet tal-Għażla fis-Settur Pubbliku hemm provdut li meta applikant ma jkunx jista' jattendi fiżikament għall-intervista huwa jiġi intervistat bil-video conference u din il-proċedura kienet ġiet addottata għas-47 persuna ta’ nazzjonlità Pakistana li s-sena l-oħra bdew jaħdmu fil-grad ta’ staff nurse mal-Ministeru tas-Saħħa u kif ukoll għal madwar 70 Pakistani oħra li mistennija jibdew l-impjieg tagħhom fl-istess grad fil-futur viċin, liema Pakistani kollha kellhom l-applikazzjonijiet tagħhom għar-Reġistrazzjoni mal-Kunsill Malti tan-Nurses u għall-post ta’ staff nurse mal-Ministeru sottomessi personalment minn diriġent tal-Chrism Co. Ltd. u kif ukoll ġew intervistati minn uffiċjali tal-Ministeru bil-video conference mid-dar tad-Direttur tal-kumpanija msemmija, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk applikanti oħra barranin għall-post ta’ staff nurse mal-Ministeru li applikaw fuq l-inizjattiva personali tagħhom (u mhux permezz tal-Kumpanija Chrism Co. Ltd. jew xi diriġent tagħha) ingħatawx ukoll l-opportunità li jiġu intervistati bil-video conference u jekk dawn eventwalment kenux ġew intervistati kif kellu jsir f’waħda mill-intervisti li r-riżultati tagħhom kienu ġew pubblikat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fit-23 ta’ Frar 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-linji gwida maħruġa mill-Public Administration HR Office ma jobbligawx lill-Bord tal-Għażla li jagħmel l-intervisti permezz ta’ video conferencing. Għaldaqstant, minkejja tentattivi li saru sabiex kull fejn ikun possibli ssir intervista permezz ta’ video conferencing , ġie deċiż li l-kandidati kollha li fl-ewwel xahar ta’ din is-sena kienu għadhom qed jistennew li ssirilhom l-intervista, jiġu mitluba jattendu għal din l-intervista fiżikament, minħabba diversi diffikultajiet li bdew jinqalgħu biex isiru l- intervisti permezz ta’ video conferencing . Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ ma jirrikonoxxi ebda relazzjoni ma’ Chrism Co. Ltd jew ebda parti terza oħra fir-reklutaġġ ta’ infermiera. Il-kandidati applikaw f’isimhom u kollha ġew ikkunsidrati abbażi tal-mertu tagħhom. Qed jiġi ċċarat ukoll li ebda applikant ma ġie intervistat mid-dar ta’ direttur ta’ kumpanija esterna matul il-proċess kollu ta’ reklutaġġ tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Marsaxlokk — Tender għall-supply and fixing of modular temporary fencing at Tas-Silġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ħa t-tender tas-supply and fixing of modular temporary fencing at Tas-Silġ f'Marsaxlokk? Kemm-il darba saret is-sejħa biex jintlaqgħu offerti? X'kienet ir-raġuni għala twaqqaf il-proċess tal-aġġudikazzjoni tal-ewwel sejħa? Kif ingħata dan il-kuntratt?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninsab infurmat li Heritage Malta ħarġet ‘Request for Quotations’ għal ‘Supply and fixing of modular temporary fencing at Tas-Silġ’, għal liema proċess intefgħu erba’ offerti. Minn dawn l-offerti, tlieta minnhom ma kienux teknikamnet konformi. L-unika wieħed li kien konformi mar-rikjesti tekniċi, A+ Building Products, issottometta offerta ogħla mill-valur ta’ €6000 (hekk kif limitat taħt il-proċedura tal-RFQ). Għalhekk din is-sejħa ghall-offerti kellha tiġi kkanċellata. Minħabba l-urġenza tal-każ, intalab permess lill-Ministeru tal-Finanzi li x-xiri ta’ dan il- fencing isir b’ direct order . Dan il-permess ingħata, u l- fencing inxtara mingħand A+ Building Products.

Girna fejn l-Skypark tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnha l-girna li kienet qrib il-post fejn inbena l-Skypark tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Din twaqqgħet? Din se tiġi mibnija x'imkien ieħor?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-girna imsemmija kienet mibnija wara li nbena it-terminal il-ġdid ta' l-ajruport fis-snin 1990 u mhix girna antika awtentika. Din tneħħiet minħabba l-arranġamenti tat-traffiku neċessarji minħabba l-iżviluppi fis-sit. L-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m'għandhiex informazzjoni dwar jekk inbnietx f'lok ieħor.

Sptar Zammit Clapp — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-impjegati li kienu għamlu kuntratt mal-Isptar Zammit Clapp, humiex impjegati tas-servizz pubbliku?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ħaddiema li għandhom kuntratt direttament mal-Isptar Zammit Clapp huma ħaddiema tal-Foundation for Medical Services, u għaldaqstant huma ħaddiema tas-Settur Pubbliku, iżda mhux tas-Servizz Pubbliku.

Pensjoni — żieda tal-għoli tal-ħajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jridx joħroġ iż-żieda tal-għoli tal-ħajja sħiħa b'effett mis-sena 2008 lil dawk li kienu ġew kostretti jieħdu l-iskema ta' irtirar kmieni mit-tarznari fis-sena 2003? Għaliex qed ikompli joħloq anomalija ma' dawn il-pensjonanti meta kien l-istess Ministru li kien ħabbar fil-budget għas-sena 2008 li se jżid lill-pensjonanti kollha ż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja? Għaliex din l-anomalija? Il-provediment li hemm fil-kuntratt privat li jinkorpora din l-iskema ta' irtirar kmieni kien ġie ffirmat fis-sena 2003 meta dak iż-żmien il-gvern kien għadu ma tax iż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja lill-pensjonanti, għaldaqstant, għaliex ma kkerġġiex din l-anomalija fil-kuntest tad-deċiżjoni li ttieħdet wara? Għaliex se jħalli din id-diskriminazzjoni tkompli sseħħ bejn il-pensjonanti Maltin u Għawdxin?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.