Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità Maltija tat-Turiżmu — Londra - ħatra ta' Direttur

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għal ħatra ta' Direttur tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu f'Londra: a) x'kien il-proċess segwit għal din il-ħatra? b) x'kienu r-rekwiżit mitlub, f'termini ta' kwalifiki, esperjenza eċċ.? ċ) kemm kien hemm applikanti? d) min għamel l-interviews tal-applikanti? e) fejn saru dawn l-interviews? f) jekk l-interviewing board qisx bħala skwalifika għal din il-ħarta persuni b'kunflitt ta' interess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Marsa Racing Club — Dħul b'xejn minn persuni b'diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex persuni b’diżabilità li sas-sena li għaddiet kellhom il-facilità li jidħlu l-Marsa Racing Club biex isegwu t-tlielaq mingħajr ma jħallsu, issa ġew mitluba jħallsu l-miżata stabbilita għal kulħadd? X’kien il-kambjament li wassal għal din id-deċiżjoni? Jidhrilha li persuni b’diżabilità għandu jkollhom preferenza?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Malta Racing Club qatt ma kellu policy dwar miżati tad-dħul differenti jew preferenzjali. Il-Malta Racing Club ser ikun qed jikkunsidra din il-proposta fil-jiem li ġejjin.

Safi — Triq Bieb il-Ġarra kantuniera ma' Triq San Gwann - Double Yellow Line

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-Awtorità dwar it-Trasport għadha m'għamlitx id-double yellow line fil-kantuniera bejn Triq Bieb il-Ġarra u Triq San Gwann ġewwa Hal Safi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Triq San Gwann hija arterjali sa Triq San Pawl. Il-kantuniera msemmija mill-Onorevoli Interpellant taqa’ f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi.

Titjiriet regolari — Svezja u Norvegja

Question

Din ix-xitwa l-industrija tat-turiżmu f'Malta b'dispjaċir tinnota li ma kien hemm l-ebda titjiriet bi skeda mill-ibliet ewlenin tal-Iskandinavja jiġifieri Stokkolma (Svezja) u Oslo (Norvegja). Jista’ Prim Ministru jsserraħ moħħ il-Kamra u s-settur turistiku li tal-inqas mis-sajf li ġej sejjer ikun hemm titjiriet bi skeda regolari u fit-tul minn dawn iż-żewġt ibliet importanti ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Titjiriet regolari — Svezja u Norvegja

Question

Din ix-xitwa l-industrija tat-turiżmu f'Malta b'dispjaċir tinnota li ma kien hemm l-ebda titjiriet bi skeda mill-ibliet ewlenin tal-Iskandinavja jiġifieri Stokkolma (Svezja) u Oslo (Norvegja). Jista’ Prim Ministru jsserraħ moħħ il-Kamra u s-settur turistiku li tal-inqas mis-sajf li ġej sejjer ikun hemm titjiriet bi skeda regolari u fit-tul minn dawn iż-żewġt ibliet importanti ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninstab infurmat li: Ryanair qegħda topera żewġ titjiriet kull ġimgħa minn Stokkolma (Svezja) matul din ix-xitwa, li jibqgħu sejrin matul is-sajf li ġej ukoll. Minn April 2009, il-linja ta’ l-ajru SAS se joperaw żewġ titjiriet fil-ġimgħa minn Stokkolma (Svezja). L-Awtorità qed tistenna risposta fuq titjiriet minn Oslo (Norveġja). Hemm ukoll arranġamenti għal numru ta’ titjiriet chartered minn varjeta’ ta’ bliet Skandinavi li jinkludu Helsinki, Billund, Malmo, Gothenburg, u x’aktarx anke Oslo li mistennija jibdew fix-xhur li ġejjin u jkomplu matul l-istaġun tas-sajf.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — twaħħil ta' barriers elettromekkaniċi

Question

Tista' l-Ministu tgħid lil min ġie kkummissjonat ix-xogħol ta' twaħħil ta' barriers elettromekkaniċi fid-daħla tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Kemm sewa dan ix-xogħol? Meta se jitneħħa l-asbestos mill-kuriduri tas-CCU u d-dipartiment tar-radjoloġija fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena infurmata illi l-offerta ta' twaħħil ta' barriers elettromekkaniċi fid-daħla tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għada ma ingħatatx, pero' huwa maħsub illi x-xogħol marbut ma dawn il-barriers, isir aktar tard din is-sena. It-tender tat-tneħħija ta' l-asbestos qegħda fl-istadju ta' l-adjudication. Qegħdin jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-proċess tat-tneħħija ta' l-asbestos jibda dritt wara li tingħata t-tender.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — spiżerija

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-ispiżerija tal-Isptar Generali ta' Għawdex qiegħda tiftaħ mit-8.00am sa nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa meta l-ħaddiema fl-ispiżerija jispiċċaw fis-2 p.m.? Tista' tgħid il-ħinijiet li fihom tkun miftuħa l-ispiżerija biex jinqeda l-pubbliku nhar ta' Sibt? Tista' tgħid għaliex meta qed isir l-ħin li fih tagħlaq l-ispiżerija l-pubbliku li jkun qed jistenna fil-kju m'huwiex jinqeda u jkollu jerġa' jmur ġurnata oħra meta jkun hemm min ikun ilu jistenna aktar minn siegħa? Hija konxja l-Ministru li dawn il-ħinijiet għandhom jitwalu minħabba li l-pubbliku mhux moqdi u ħafna morda qed ikollhom jistennew ħinijiet twal biex jinqdew? Min approva dawn il-ħinijiet il-ġodda u min ħa r-responsabilità għal din id-deċiżjoni. Jekk hux is-supretendent ta` l-isptar, id-Direttur Customers service jew jekk hix deċizjoni politika? Kemm hemm ħaddiema fl-ispiżerija u l-grad ta` kull ħaddiem wieħed wieħed, il-ġranet tax-xogħol u l-ħinijiet ta` kull ħaddiem tal-ispiżerija wieħed wieħed? Meta sa tiġi introddotta l-għażla tal-ispiżerija tiegħek f`Għawdex? Lil min ingħata x-xogħol tat-twaħħil ta' barriers fid-daħla ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u kemm ġie jiswa dan ix-xogħol?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7.30am sas 1.00pm u s-Sibt, mis-7.30am sal-11.30am Wara lment mill-ħaddiema tal-Ispiżerija dwar nuqqas ta staff, liema lment sar permezz tal-Unjoni Ħaddiema Magħqudin fl-aħħar ta’ Novembru 2008, intlaħaq ftehim bejn il- Union u d-Direttur tal- Customer Services biex jinbidlu l-ħinijiet tal-ftuħ tal-Ispiżerija bi prova. Dan il-ftehim kien jinkludi wkoll li flok tkun miftuħa tieqa waħda, jinfetħu t-tnejn biex il-pubbliku jinqeda aħjar. Pero’ wara żmien ta’ prova rriżulta li l-ħin ma kienx jippermetti li kull min jattendi jkun jista’ jinqeda u għalhekk mill-ewwel ta’ Jannar 2009 il-ħinijiet tal-ftuħ reġgħu saru bħalma kienu qabel, jiġifieri kif indikat aktar ‘l fuq. Ħaddiema fl-Ispiżerija MIT-TNEJN SAL-GIMGĦA 1 Senior Pharmacist 1 Pharmacist 1 Senior Pharmacy Technician 2 Pharmacy Technicians Kulħadd 7.00am - 14.30pm 7.00am – 14.30pm 7.00am - 14.00pm 7.00am – 14.00pm IS-SIBT 7.00am – 12.00pm M’aħniex f’pożizzjoni li ngħidu meta ser tiġi ntrodotta l-“Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek” f’Għawdex. Dwar it-twaħħil ta' barriers fid-daħla tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għal-mistoqsija Parlamentari Nru 5287.

MCAST — Nuqqas ta' għalliema fl-Accounts Technique

Question

Peress li studenti fil-kors tad-Diploma fl-Accounts li qed jattendu l-MCAST għadhom sal-lum mingħajr għalliema fl-Accounts Technique [Unit 31 – AAT] minkejja d-diversi sejħiet li saru, tista’ l-Ministru tgħid għaliex għadu ma sarx l-appointment meħtieġ ħalli l-istudenti ma jibqgħux jitilfu l-lezzjonijiet? Tista’ tara li l-problema tiġi ndirizzata fl-iqsar żmien possibbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li wara li l-MCAST ilu mis-sajf li għadda jipprova jimla l-post vakant ta’ għalliem/a fl-Accounting Working Skills (Unit 31), issa nstabet persuna addattata biex tgħallem dawn il-ħiliet u mill-ġimgħa li ġejja l-istudenti se jibda jkollhom lezzjonijiet f’dan is-suġġett.

North South Centre — Kontribuzzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk huwiex veru li l-Gvern mhux qed iħallas iktar il-kontribuzzjoni tiegħu lil North South Centre fil-Kunsill tal-Ewropa? Għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b'ittra ddatata 30 ta' Settembru 2008, il-Gvern Malti nforma lis-Segratarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa li Malta rtirat mill-North South Centre tal-Kunsill ta' l-Ewropa b'effett immedjat. Il-Gvern Malti ħa din id-deċiżjoni wara konsultazzjoni interna u wara li ħa in konsiderazzjoni diversi fatturi. Ta' min jgħid li kien hemm pajjiżi oħra li rtiraw minn dan iċ-Ċentru fis-snin li għaddew.

Awtorita' tat-Turiżmu għal Għawdex

Question

Jista' l-Prim Minisru jgħid hux jikkonsidra li titwaqqaf Awtorita' tat-Turiżmu għal Għawdex komposta minn Għawdxin li huma esperti fis-settur u li għaldaqstant jistgħu jifhmu u jagħrfu aħjar il-problemi partikolari ta' Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern jemmen illi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hija f’pożizzjoni li tifhem u tagħraf il-problemi partikolari ta’ Għawdex mingħajr il-bżonn li tinħatar awtorità separata għal Għawdex. L-istess Awtorità għandha, fuq il-Bord tagħha, persuna li ġiet appuntata mill-Ministru responsabbli preċiżament minħabba l-għarfien u l-esperjenza tagħha dwar Għawdex. Waħda minn niċeċ ta’ turiżmu li fuqha l-Awtorità qed tiffoka huwa Għawdex. Barra minn hekk, l-Awtorità iżżomm kuntatt regolari mal- Gozo Tourism Association u stakeholders oħra Għawdxin bil-għan li Għawdex ikun promoss bl-iktar mod effettiv.

Għawdex — Destinazzjoni turistika distinta minn Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex Għawdex mhux irriklamat bħala destinazzjoni turistika distinta minn Malta? Jikkunsidra l-Prim Ministru li Għawdex jibda jiġi irriklamat bħala desitnazzjoni turistika separata aktar bis-serjetà u li għal dan il-għan għandu jkun hemm anke vot ta' flus adegwat għar-reklamar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu tirriklama ’l Malta bħala destinazzjoni b’mod ġenerali, l-Awtorità hi konxja li Għawdex jippossjedi karatteristiċi li huma differenti minn Malta. Għaldaqstant l-Awtorità toqgħod attenta li tagħti prominenza akbar lil dawn in-niċeċ li jippossjedi Għawdex permezz ta’ attendenza f’fieri u reklamar speċjalizzati.

Settur turistiku — One stop shop

Question

Billi Għawdex għandu karatteristiċi differenti u distinti minn Malta bħala destinazzjoni turistika, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jistax jikkunsidra li jitwaqqaf one stop shop għal dawk fis-settur u li potenzjalment jistgħu jidħlu fis-settur biex, per eżempju, jekk tintalab liċenzja jkun jista' jinqeda minn post wieħed? U dan għaliex bħalissa anke biex sempliċement stabbiliment joħroġ mejda quddiem l-istabbiliment tiegħu/tagħha irid jagħmel applikazzjonijiet għand il-MEPA, id-Dipartiment ta' l-Artijiet, l-Uffiċċju tal-Pulizija u l-Uffiċċju tat-Turiżmu. Dan joħloq tul ta' żmien li jħalli impatt negattiv fuq l-industrija u għalhekk, jaħseb l-Prim Ministru li b'mod immedjat għandu jsir xi ħaġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bħalissa s-sistema ta’ ħruġ ta’ liċenzi u permessi hu wieħed komuni kemm għal Malta kif ukoll għal Għawdex. It-twaqqif ta’ one stop shop li jagħmilha aktar faċli li l-operatur jinqeda b’anqas skariġġ fih il-merti tiegħu u jikkumplimenta l-politika tal-Gvern dwar il- Better Regulation. Filwaqt li ma jitnaqqas xejn mill-proċeduri li jiżguraw li x-xogħol isir bis-serjetà li jitlob, il-Gvern ser ikompli jirrevedi l-proċeduri amministrattivi li jolqtu is-settur kummerċjali u dan sabiex titneħħa il-burokrazija żejda. Din ser tkun waħda mill-proċeduri li ser tiġi organizzata.

Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika — Stabbilimenti tas-self catering

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jiġborx l-istatistika tat-turisti li jmorru fl-istabbilimenti tas-self catering, meta f'Għawdex hemm aktar sodod fis-self catering milli fil-lukandi? Ma jidhirlux li l-istatistika pubblikata dwar it-turisti f'Għawdex mhux kompluta mingħajr dawn? Jikkonsidra l-Ministru li Għawdex għandu jkollu sezzjoni ta' l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li jikkonċentra fuq il-ġbir ta' statistika li tiffoka fuq Għawdex biss, partikolarment fejn jidħol it-turiżmu u l-impjegati li jaħdmu fis-settur?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-survey dwar it-turisti (Tourstat) jinkludi mistoqsijiet dwar dawk it-turisti li jqattgħu aktar minn nofs il-btala tagħhom f’Għawdex u fejn joqgħodu. Dan ifisser iżda li dawk it-turisti li jaqsmu il-btala tagħhom bejn Malta u Għawdex u li jqattgħu aktar żmien f’Malta milli f’Għawdex m’humiex inklużi fin-numru ta’ turisti li raqdu Għawdex. Fil-fatt l- Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika diġa ltaqa’ mal-Gozo Tourism Association biex jara kif tista’ tinġabar informazzjoni msemmija fil-mistoqsija. Huwa ttamat li arranġamenti f’dan ir-rigward isir fi żmien qasir. Dwar Uffiċċju ta’ l-Istatistika f’Ghawdex, din il-possibilta’ diġa ġiet studjata flimkien mal-Ministeru għal Għawdex fil-passat iżda ma nstabx li kienet proposta fattibbli.

MEPA — Spezzjonar ta' sistemi tal-arja

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-MEPA qattx spezzjonat biex tistabilixxi l-ħsejjes li qed jagħmlu sistemi tal-arja eċċ. li hemm f’warehouses li jintużaw minn kumpannija tal-catering, fl-akkwata ta’ Triq Pawl Mifsud u Anglu Mellili fl-area magħrufa bħala ta’ Għar Ram, Ħaż-Żebbuġ, liema ħsejjes huma ta’ detriment għar-residenti madwar dawn il-warehouses, partikolarment matul il-lejl? Jekk iva, x’kien l-eżitu ta’ dawn l-ispezzjonijiet? Jekk le, meta se tagħmel spezzjonijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Għawdex — Istitut għall-Istudji Turistiċi - Ċertifikati, diplomi u degree

Question

Jidhirliex l-Ministru li għandha ssir kampanja biex jiġu nkoraġġiti ż-żgħażagħ Għawdxin biex jagħżlu korsijiet fl-istudji turistiċi li jiġu organizzati mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'Għawdex? Jidhirliex ukoll li l-Università ta' Għawdex għandha tibda toffri korsijiet li jwasslu għal ċertifikati, diplomi u anke degrees fl-istudji tat-turiżmu ankè fuq bażi full time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant biex tagħmilha lill-Ministru konċernat. Infurmata wkoll li l-Universita` ta’ Malta bi ħsiebha toffri korsijiet li jwasslu għal baċellerat fl-istudji turistiċi, fiċ-Ċentru ta’ Għawdex fuq bażi part-time . Se toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet dalwaqt. Jekk ikun hemm biżżejjed applikanti kwalifikati, il-kors ikun offrut. Ma hux possibli li f'Għawdex jingħata l-kors full-time .

Awotrità Dwar it-Trasport — Ħal Qormi - Triq l-Imdina - Traffic Lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Awtorità Dwar it-Trasport se tieħu azzjoni biex tiġi solvuta l-problema tar-residenti li jgħixu fl-area ta’ Triq Nikol Montebello u toroq biswit li lkoll jiżbukkaw f’parti minn Triq l-Imdina, Ħal Qormi u li m’għandhom l-ebda ħarsien biex jaqsmu din it-triq traffikuża biex imorru għal kull xorta ta’ servizz fuq in-naħa tal-core ta’ Ħal Qormi? L-Awtorità Dwar it-Trasport qatt għamlet xi xorta ta’ assessment fuq din il-parti tat-triq, fejn hemm mijiet ta’ residenti biex tistabilixxi l-ħtiega urġenti ta’ faċilità ta’ pedestrian crossing b’sistema ta’ traffic lights? Jekk le, meta se jsir dan? Jekk iva, x’kienu l-konklużjonijiet u l-pjani li għandha l-Awtorità Dwar it-Trasport?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ġa hemm proposta approvata u l-Awtorita' tat-Trasport ser timplimentaha.

Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika — Stabbilimenti tas-self catering

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jiġborx l-istatistika tat-turisti li jmorru fl-istabbilimenti tas-self catering, meta f'Għawdex hemm aktar sodod fis-self catering milli fil-lukandi? Ma jidhirlux li l-istatistika pubblikata dwar it-turisti f'Għawdex mhux kompluta mingħajr dawn? Jikkonsidra l-Ministru li Għawdex għandu jkollu sezzjoni ta' l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li jikkonċentra fuq il-ġbir ta' statistika li tiffoka fuq Għawdex biss, partikolarment fejn jidħol it-turiżmu u l-impjegati li jaħdmu fis-settur?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorita' tat-Turiżmu għal Għawdex

Question

Jista' l-Prim Minisru jgħid hux jikkonsidra li titwaqqaf Awtorita' tat-Turiżmu għal Għawdex komposta minn Għawdxin li huma esperti fis-settur u li għaldaqstant jistgħu jifhmu u jagħrfu aħjar il-problemi partikolari ta' Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex — Destinazzjoni turistika distinta minn Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex Għawdex mhux irriklamat bħala destinazzjoni turistika distinta minn Malta? Jikkunsidra l-Prim Ministru li Għawdex jibda jiġi irriklamat bħala desitnazzjoni turistika separata aktar bis-serjetà u li għal dan il-għan għandu jkun hemm anke vot ta' flus adegwat għar-reklamar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.