Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani li ma daħħlux fir-Residenza San Vinċenz de Paul — ħtieġa ta' kura

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-anzjani li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ma daħħlux fir-Residenza San Vinċens de Paul meta għandhom mard serju u kroniku u jeħtieġu kura kontinwa u peress li m'għandhom l-ebda familjari biex jieħdu ħsiebhom, kellhom jidħu f'residenza privata għall-anzjani, iżda li mhix nursing home u minħabba li ma jistgħux jingħataw is-servizz li jeħtieġu f'din ir-residenza, spiċċaw pratikament priġunieri fil-kamra li għandhom mikrija? Jista' jgħid f'liema post dawn iż-żewġ anzjani qegħdin fuq il-waiting list ta' Residenza San Vinċenz de Paul u għaldaqsant meta se jiddaħħlu bħala residenti? Jista' jgħid ukoll x'jiġri meta dawn l-anzjani jispiċċawlhom il-flus u għaldaqsant ma jkunux jistgħu jħallsu aktar is-somma ta' €1,500 bejniethom fix-xahar u dan apparti l-ispejjeż ta' għadd kbir ta' affarijiet u servizzi li jkollhom iħallsu għalihom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ż-żewg persuni li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant kienu ġew approvati mill-Bord tal-Ammissjoni biex jidħlu fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul. B’hekk l-applikazzjoni tagħhom tqiegħdet fil-lista ta’ stennija għal din ir-Residenza.

Applikazzjoni ta' Anzjana biex tidħol f'dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ilha seba' snin applikata biex tidħol f'dar tal-anzjani u li hija demeted u li saħansitra qed tkun anke aggressiva, sal-lum għadha ma ddaħletx u dan meta din l-anzjana ġiet irrikmandata li tidħol hemm minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Anzjani kif ukoll mit-tabib tagħha? Jista' jgħid għaliex? Jista' jgħid meta din l-anzjana se jmissha biex tidħol? Jista' jgħid f'liema post tinsab fil-waiting list? Jista' jgħid għaliex il-każ ta' din l-anzjana mhux jitqies b'urġenza minħabba l-għadd ta' ċirkostanzi serji tal-każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li meta l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat, is-sitwazzjoni medika tagħha kienet waħda ta’ low priority. Il-każ tal-anzjana reġa ġie rivedut fis-17 ta’ Mejju 2012 u b’hekk qiegħda fil-lista ta’ stennija għad-dar ta’ Bormla.

każ ta' housing soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-każ ta' housing soċjali bir-riferenza li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament ilu pendenti aktar minn ħmistax-il sena għadu sal-lum ma ġiex solvut, billi l-persuna involuta tingħata akkommodazzjoni soċjali mill-Awtorità tad-Djar?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-individwu qieghda tigi processata mal-applikazzjonijiet l-oħra.

Vaccine kontra is-Cervical Cancer

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-introduzzjoni għal għoti b'xejn tal-vaccine kontra is-cervical cancer se tingħata biss lit-tfal li għalqu t-tnax-il sena u mhux lil aktar adoloxxenti u żgħażagħ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li biex jiġi ottenut l-ogħla benefiċċju mill-programm ta’ tilqim kontra l-HPV, numru sew ta’ bniet iridu jirċievu it-tliet dożi tal-vaċċin qabel ma jibdew kull forma ta’ attivita’ sesswali. Il-vaċċin huwa l-aktar effettiv f’nies ta’ eta’ żgħira li qatt ma ġew f’kuntatt mal-viru tal-HPV u dan ġie kkonfermat fi studji li juru li hemm effett akbar fi tfajliet ta’ età żgħira meta mqabbla ma nies ta’ eta’ ogħla. F’konformità ma’ ħafna pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropeja, Malta se tintroduċi dan il-vaċċin bħala parti mill-Iskeda Nazzjonali tat-Tilqim għall-bniet kollha li twieldu fis-sena 2000 u malli jagħlqu t-tnax-il sena.

Mediċina Betaserc

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli Betaserc (24mg) mhux jingħataw lil dawk li għandhom kundizzjoni kronika u li jinħtieġuhom u wkoll huma eligibbli għall-mediċini b'xejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Betaserc® 24mg mhux fil-formularju tal-Gvern, jiġifieri l-lista ta’ mediċini li jingħataw b’xejn, u l-indikazzjoni liċenzjata li għaliha tingħata l-Betaserc® , is-sindromu ta’ Ménière, mhuwiex imniżżel fil-lista ta’ kundizzjonijiet tal-Ħames Skeda tal-Att tas-Sigurtà Soċjali bħala kundizzjoni li għaliha tingħata l-kura b’xejn.

Technical Support Officers mal-Paying Agency tal-MRRA fil-Pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-Technical Support Officers mal-Paying Agency tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fil-Pitkalija qed ikunu mħaddma bħal self-employed? Jista' jgħid jekk dawk it-Technical Support Officers li issa ilhom imħaddma b'dan il-mod għal xi snin humiex se jġeddilhom il-kuntratt, peress li dan l-aħħar ġew impjegati Technical Support Officers bl-istess kundizzjonijiet? Jista' jgħid jekk hux minnu li l-Paying Agency mhix se tibqa' tikkalkula l-BTEC National Diploma in Agriculture tal-MCAST iżda se tinsisti għad-Diploma mill-Università bħala kwalifika?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33604, ninfrumha li l-ħaddiema jintalbu joffru s-servizzi tagħhom b’ mod flessibli skond l-esiġenzi tas-sevizz. Il-Ministeru uża dan il-mod biex studenti li spiċċaw l-Universita u l-MCAST jingħataw l-opportunita li jakkwistaw esperjenza fil-qasam tax-xogħol Din l-inizjattiva ġiet wkoll apprezzata mill-istess persuni li ħadmu mal-Agenzija peress li din isservi biex jingħataw opportunità li jwettqu fil-prattika dak li tgħallmu. Barraminnhekk, it-taħriġ li jieħdu matul tali perjodu mal-Agenzija jservi biex jippreparaw rwieħhom sabiex eventwalment jsibu mpjieg permanenti. Tajjeb ngħid li l-maggoranza tagħhom sussegwentement irnexxielhom jiksbu impjieg permanenti mal-Ministru wara sejħiet pubbliċi li nħarġu. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru kien u għadu jirrikonoxxi ż-żewġ kwalifiki msemmija u skont ir-rilevanza tagħhom għall-vakanzi maħruġa, dawn il-kwalifiki jintalbu bħala rekwiżit.

Valur  tal-art  mogħtija mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'valur għall-art se jintuża għal finijiet ta' boll meta dawk li llum joqgħodu fi djar li bnewhom huma stess fuq art mogħtija mill-gvern snin ilu u sallum għadha fuq konvenju meta jigu imsejħa biex jagħmlu l-kuntratt?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratti finali ta’ djar li nbnew mir-residenti fuq art tal-Gvern u li sallum għadhom fuq konvenju ma jsirux mid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern iżda jsiru mill-Awtorità tad-Djar. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Membru li tressaq id-domanda tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Avukati tat-Tfal — rapporti fil-Qorti tal-Familja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Avukati tat-Tfal ippreżentaw rapporti fil-Qorti tal-Familja fis-sena 2011, u kemm minnhom ġew issiġillati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li; Qrati tal-Gustizzja Malta: B’referenza ghad-domanda tal-Onor Membru jinghad li kien hemm 29 rapport tal-Avukati tat-tfal fil-Qorti tal-Familja matul is-sena 2011. Seba’ kienu ssigillati. Qrati tal-Gustizzja Ghawdex: Ma tinżammx statistika jew nota ta’ rapporti redatti u preżentati lill-Qorti mill-Avukati tat-Tfal. Addirittura, lanqas neċessarjament jiġu preżentati fir-Reġistru tal-Qorti tali rapporti. Iżda meta dawn jiġu preżentati, bħala prassi, dawn jgħaddu lill-Maġistrat Sedenti f’ envelope magħluq. Imbagħad sta għall-maġistrat jekk jordnax li dan jibqa’ ssiġillat jew le. Madanakollu, pero’, ma jirriżultax lid-diversi Deputati Reġistraturi illi fis-sena 2011 ġew ippreżentati rapporti tal-Avukati tat-Tfal fil-Qorti tal-Familja.

prezz tal-mediċina Actonel

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli Actonel li minn Malta jiswew €38.50 kull erba' pilloli, minn Brussels jiswew €56 kull 12-il pilloli, u għaldaqstant jiswew erba' darbiet iżjed?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Niġbed l-attenzjoni ta’ Onor. Interpellant li l-prezz tal-Actonel Once a week raħas din is-sena bl-intervent tal-Awtorita tal-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur minn €38.20 għal €34.20. Waqt li veru li pakkett ta’ 12-il pillola jekk taħdmu fuq bażi pro rata jiġi orħos minn kemm jinbiegħ f’Malta, iżda pakkett ta’ 4 pilloli fi Brussels jinbiegħ €38.42 li huwa aktar ogħli milli kemm jinbiegħ f’Malta.

Djar tal-Anzjani — serq fuq l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' serq mid-Djar tal-Anzjani matul il-perjodu 2008 sa Frar 2012, xahar b'xahar u home b'home? Kemm kien hemm anzjani effettwati? X'investigazzjonijiet saru dwar ir-rapporti ta' serq? X'riżultati nkisbu mill-investigazzjonijiet li saru? Kien hemm implikazzjonijiet fuq staff tal-homes in kwestjoni jew implikazzjonijiet oħra? X'miżuri ttieħdu biex jiġu evitati aktar serqiet mingħand l-anzjani f'dawn il-homes? Id-dipartiment għandu policy dwar dan l-abbuż? Jekk iva jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-policy? Jekk le għaliex m'għandux policy?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ħafna mill-informazzjoni mitluba f`din il-Mistoqsija Parlamentari, diġà ngħatat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari preċedenti, numru 32418. Miżura li kienet diġà ttieħdet biex jiġu evitati serqiet minn l-anzjani fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern , hija li kull anzjan u anzjana ġew provduti b’faċilità li tissakkar fil-kamra rispettiva tagħhom. Il- policy tad-Dipartiment dwar dan l-abbuż, hija li kull allegat ta' serq jiġi mmedjatament irrapurtat lill-pulizija. Ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul ittieħdu tminn miżuri: 1. Il-bieb prinċipali tar-Residenza qed jingħalaq fid-9.00 p.m. Dawk il-viżitaturi li jiġu wara l-ħin tal-ftuħ għandhom ikollhom permess speċjali jew inkella l-uffiċċjal tas-sigurta’ jċempel fis-sala ħalli jieħu permess min- nurse-in-charge . 2. Wara l-ħinijiet tal-ftuħ, jiġifieri fit-8.00 p.m., il-bibien sekondarji ta' kull sala qed jinżammu magħluqin u l-bibien prinċipali ta' kull blokk biss qed jinżammu miftuħin, liema bibien ikunu normalment quddiem in- nurses station . Avviz twaħħal ma’ kull bieb sekondarju. 3. Qed isiru aktar rondi mill-uffiċċjali tas-sigurta’, kif ukoll aktar spezzjonijiet ta' karozzi u persuni ħergin mir-residenza, dan jidher ċar fin-numru ta' qabdiet fl-aħħar sentejn. Ukoll bdejna nirreferu lill-pulizija kull każ ta' serq. 4. Reġgħu inħarġu l-permessi tal-vetturi li jistgħu jidħlu ġewwa r-Residenza u b'hekk ikun hemm aktar kontroll tal-vetturi li jidħlu ġewwa r-Residenza. 5. Ingħalaq l-aċċess għall-vetturi ġewwa l-btieħi l-iktar fuq in-naħa tal-punent u lvant tar-Residenza. 6. Ġew miżjuda aktar cameras madwar il-kċina u l-ispizerija. 7. Ġiet mnhedija l- policy kontra l-abbuż tal-anzjani. 8. Ġiet mnhedija l-politika għal ġestjoni aħjar tal-kumplament tal-pensjoni u b'hekk iċ-ċekkijiet tar-residenti imorru l-bank jew għand persuna nkarigata mir-resident. Dan fl-aħjar interess tar-residenti, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.

Joint Office u Lands Department — ċens temporanju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Joint Office u tal-Lands Department fil-konfront ta' sidien li jkollhom proprjetà li ma tkunx residenza privata u lanqas villeġjatura, li tkun suġġetta għal ċens temporanju u dak iċ-ċens jiskadi jew ikun wasal biex jiskadi fis-sena li jmiss?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-policy tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, li minnu jagħmlu parti kemm l-Uffiċċju Konġunt kif ukoll id-Direttorat tal-Artijiet, fil-konfront ta’ sidien li jkollhom proprjetà li ma tkunx residenza privata u lanqas villeġġatura u li tkun suġġetta għal ċens temporanju hija li meta jiskadi iċ-ċens, jekk il-proprjetà tkun okkupata miċ-ċenswalist tinħareġ sejħa għall-offerti u iċ-ċenswalista jingħata id-dritt għall-ewwel rifjut. Jekk il-proprjetà tkun mikrija lil terzi, u tkun ilha hekk mikrija għal aktar minn għaxar snin, il-kerrej jingħata kirja ġdida bl-istess kundizzjonijiet li kellu mingħand iċ-ċenswalist, iżda b’ kera ġdida li tiġi iffissata wara li issir stima ta’ perit.

Applikazzjoni pendenti għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32815 u jgħid għaliex l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, ilha tliet snin u nofs applikata għar-Residenza San Vinċenz de Paul għax tbati mid-dementia u kienet tgħix waħedha; imma qatt ma ġiet admitted fir-Residenza minkejja li tqegħdet fuq il-waiting list u mill-informazzjoni li ngħatat suppost il-każ tagħha huwa high priority? Jista' jgħid x'se jagħmel dwar din l-istess anzjana li kellha tiddaħħal f'home privata u issa wara li ilha tliet snin u nofs tħallas mal-€1000 fix-xahar għal board and lodging biss u spiċċawlha l-flus? Se jieħu l-passi meħtieġa biex din l-anzjana jew tiġi ssusidjata fl-istess home, kif ġieli sar ma' anzjani oħra, jew inkella tiġi admitted fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet applikat biex tiġi ammessa fir-Residenza San Vinċenz De Paul u ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni. B’hekk din l-applikazzjoni ġiet imqiegħedha fil-lista ta’ stennija għar-Residenza ta’ San Vinċenz. Il-każ sejjer jitressaq mill-ġdid quddiem il-Bord tal-Ammissjoni sabiex jiġi rivedut u tingħata deċizzjoni rigward il-priorita’ tal-każ.
Leg 11 PQ #35258 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru tal-Intern

rapport tal-bord tal-inkjesta dwar il-Forensic Unit

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35050 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-bord tal-inkjesta li twaqqaf lejn nofs is-sena 2011 u li kkonkluda x-xogħol lejn l-aħħar tal-istess sena, dwar il-Forensic Unit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-twegiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35050.

Ħal Qormi — Triq il-Mitħna - impact assessment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta, qabel ma bdew jinbnew il-bankini fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi, għamlitx impact assessments fuq: [a] il-mixja tal-ilma tax-xita f'din it-triq li tilqa' fiha ilma li jkun gej minn Birkirkara, Santa Venera u l-Imrieħel u li jibqa' sejjer għall-wied; [b] il-fatt li l-bankini jidhru li se jkunu maħruġin 'il barra u għaldaqstant jistgħu jaffettwaw lil dawk li bil-vetturi jkunu ġejjin minn Triq il-Kanun, Ħal Qormi għal ġo Triq il-Mitħna; [ċ] il-volum u l-konġestjoni tat-traffiku, partikolarment fil-ħinijiet tax-xogħol; u [d] l-operat tal-ħwienet tax-xogħol li hemm f'din it-triq? Jekk Transport Malta għamlet dawn l-assessments x'irriżulta? Transport Malta ma' liema dipartimenti u/jew entitatjiet governattivi ikkordinat qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li jsiru dawn il-bankini kif qed isiru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma saru l-ebda impact assessments fir-rigward tal-punti msemmija mill-Onorevoli Interpellanta. Madankollu, ix-xogħlijiet li saru fit-triq imsemmija jiffurmaw parti minn skema ta’ Traffic Management u ma kinux intiżi sabiex jindirizzaw jew itejbu s-sistema tal-ilma tax-xita. Ninsab infurmat ukoll li z- zebra crossings ġew disinjati skont l- istandards tad- Design Manual for Roads & Bridges (DMRB ), filwaqt li matul l-implimentazzjoni tax-xogħlijiet ġew ikkonsultati l- istakeholders konċernati fejn saru xi tibdiliet fid-disinn ta’ dan il-proġett. Kif ikkonfermat mill- istakeholders u mill-Onorevoli Interpellant, id-disinn jindirizza ħafna mill-problemi fit-triq eżistenti fir-rigward ta’ saħħa u sigurta` kif ukoll ta’ parkeġġ.

Sptar Boffa — equipment ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bediex jopera l-equipment il-ġdid li ġie investiet fl-Isptar Boffa, liema equipment, l-Ministru qal li se jiswa €1.3 miljun, u li huwa maħsub li jagħti 4 tipi ta' trattamenti u li b'hekk kien se jikkonsolida l-informazzjoni medika tal-pazjenti, bħal CT Scans, 3D image għat-tumuri u jassigura li l-x-ray jingħata b'aktar preċiżjoni u b'intensità għola? Jekk beda jopera, kemm pazjenti ġew ittratti b'dan l-equipment sal-lum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-apparat ta’ treatment planning stations beda jintuża u sa issa saru sebgħin plan għal sebgħin pazjent biex ikunu jistgħu jagħmlu t-trattament fuq l-linear accelerators.

rapport tal-bord tal-inkjesta dwar il-Forensic Unit

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-bord tal-inkjesta li twaqqaf lejn nofs is-sena 2011 u li kkonkluda x-xogħol lejn l-aħħar tal-istess sena, dwar il-Forensic Unit?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi r-rapport imsemmi wasal għal diversi konkluzjonijiet u għamel diversi rakkmandazzjonijiet li d-dipartiment qiegħed fil-proċess li jwettaq.

Servizz Pubbliku — Impjieg ta' nurses

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-aċċertazzjoni tiegħu li l-Ministeru tiegħu qiegħed jaderixxi mad-delega ta' ċerti setghat dwar is-servizz pubbliku kif ordnat jagħmel fl-4 ta' April 2009 mill-Prim Ministru billi, fost oħrajn, jassigura li f'kull każ u mingħajr ebda eċċezzjoni uffiċjali pubbliċi rtirati li jiġu ri-ingaġġati fil-gradi tan-nursing skont l-istess delega jingħataw dawk ir-responsabbiltajiet u obbligi marbuta strettament ma' uffiċċju pubbliku mhux għola minn dak ta' staff nurse? Fejn jinsab allokat u x'xogħol qiegħed jagħmel l-ex ufficjal pubbliku li rtira aktar minn sena ilu mill-gradi tan-nursing li deher qiegħed iqassam il-mediċini f'paġna 3 ta' ktejjeb maħruġ mis-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Kommunità bl-isem 'Minn Qalbna... Għalik'? Huwa minnu dak li jingħad minn dan l-individwu fl-istess paġna, jiġifieri li x-xogħol li qiegħed jagħmel huwa dak ta' infermier? Fil-verità dan l-individwu qiegħed jagħmel xogħol ta' staff nurse skont ma tipprovdi d-delega bil-għan li jittaffa n-nuqqas akut ta' ħaddiema kwalifikati fil-qasam tan-nursing?

Response (CASSAR, JOSEPH)

B’risposta għal din il-Mistoqsija Parlamentari nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għar-Tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari Numru 33572.

nies self-employed — taħt kompjutazjoni single

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu, matul is-sena 2010, l-ammonti ta' nies self-employed li ddikjaraw ammont ta' income, taħt kompjutazjoni single fil-kategoriji: €0 - €8000; €8001 - €13000; €13001 - €18000; €18001 - €23000; €23001 - €28000; €28001 - €33000; €33001 - €38000; €38001 - €43000; €43001 - €48000; u €48001 jew iktar seperatement f'kull kategorija?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni self-employed matul is-sena 2010 li dħul tagħhom kien intaxxat taħt il-kompjutazzjoni single huwa kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

nies self-employed — taħt kompjutazjoni konġunta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu, matul is-sena 2010, l-ammonti ta' nies self-employed li ddikjaraw ammont ta' income, taħt kompjutazjoni konġunta fil-kategoriji: €0 - €8000; €8001 - €13000; €13001 - €18000; €18001 - €23000; €23001 - €28000; €28001 - €33000; €33001 - €38000; €38001 - €43000; €43001 - €48000; u €48001 jew iktar seperatement f'kull kategorija?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni self-employed matul is-sena 2010 li dħul tagħhom kien intaxxat taħt il-kompjutazzjoni konġunta huwa kif fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kunsilli lokali — progression tal-iskrivani impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-proċedura għal progression tal-iskrivani impjegati mal-kunsilli lokali biex jitilgħu minn skala għall-oħra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi tali progression hi regolata skont Artiklu 16 (3) tar-Reġolamenti tal-Kunsilli Lokali tar-Riżorsi Umani. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-Artiklu.