Legislature:
Category:
Reset
Active:

Day Centres tal-Anzjani — postijiet vakanti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8331u jgħid kif issir l-għażla biex jimtlew il-vakanzi fid-Day Centres tal-Anzjani? Il-postijiet vakanti jimtlew mill-home helpers jew mod ieħor? X'inhuma l-kriterji tal-għażla?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

benefiċċju ta' l-enerġija — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8034 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm benefiċjarji li qed jibbenefikaw mill-benefiċċju ta' l-enerġija din is-sena, kemm kien hemm fis-snin preċedenti minn meta ġie introdott dan il-benefiċċju, sena b'sena? Tista' tagħti d-dettalji tal-parametri u kriterji li kienu stabbiliti biex ikun hemm l-eliġibilità għal dan il-benefiċċju, sena b'sena minn meta ġie introdott? Kemm kien hemm benefiċjarji li kienu jieħdu dan il-benefiċċju sas-sena li għaddiet u din is-sena m'għadhomx eleġibbli u x'kienu r-raġunijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in-numru ta’ benefiċċjarji li irċevew il-benefiċċju tal-Enerġija sal-aħħar ta’ Mejju ta' din is-sena huwa ta’ 25,853. Għas-sena 2007 dan l-ammont kien ta’ 27,439 filwaqt li għas-sena 2008 dan l-ammont kien ta’ 29,298. L-ammont ta’ benefiċċjarji li ma baqgħux jirċievu dan il-benefiċċju din is-sena jammonta għal 2,243 . Minn dawn 495 twaqqfu għaliex kien hemm mewt filwaqt li 1,748 twaqqfu minħabba li ma baqgħux intitolati għal xi tip ta’ għajnuna soċjali jew għax ma baqgħux jikwalifikaw mit-test tal-mezzi. Informat ukoll illi l-kriterji li ilhom fis-seħħ mill-2007 u li bihom jiġi stabbilit min hu intitolat għall-benefiċċju tal-Enerġija huma: 1. Min jirċievi xi tip ta’ għajnuna soċjali 2. Min jikkwalifika mit-test tal-mezzi 3. Każijiet umanitarji.

Postijiet proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-postijiet li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament humiex proprjetà tal-Gvern, jekk humiex vakanti u jekk huma proprjetà tal-Gvern, iċ-ċwievet jinsabux għand l-Awtorità tad-Djar?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant li d-dar konċernata hija propjeta tal-Gvern u l-Awtorita' tad-Djar għandha fil-pussess tagħha ċ-ċwievet ta' dan il-post. Il-fond l-ieħor huwa wkoll propjeta tal-Gvern u fil-preżent għadu mikri lil terzi .

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — ġnien tal-bini storiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid xi studju sar mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qabel ma tat il-permess fl-2007 (permess qed jidher separatament) biex isir l-iżvilupp tal-ġnien li kien parti mill-bini storiku ta' żmien il-Kavallieri, jiġifieri l-Armerija fi Triq il-Kbira, f'Ħal Qormi, fir-rigward ta' jekk per eżempju taħt l-art kienx hemm xi parti mill-escapade li parti minnu għadu jeżisti taħt l-għassa tal-pulizija fl-istess lokalità? Jista' jgħid jekk l-Awtorità ħaditx in konsiderazzjoni l-impatt li dan l-iżvilupp se jkollu fuq il-bini storiku tal-Armerija u kif l-Awtorità tat permess biex l-istess żvilupp kważi jmiss ma' parti minn dan il-bini ta' patrimonju storiku u kulturali kbir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq il-Kbira - Armerija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif il-ġnien li kien jagħmel parti mill-bini storiku tal-Armerija fi Triq il-Kbira f'Ħal Qormi, għadda f'idejn il-privat biex sussegwentement ingħata permess għall-bini fis-sena 2007 u issa sar l-iżvilupp?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Ħal Qormi — Armerija tal-Kavallieri - Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali

Question

B'riferenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 8032 dwar l-Armerija tal-Kavallieri f'Ħal Qormi, fejn intqal li fl-2005 is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kienet ġibdet l-attenzjoni tad-Direttorat tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-importanza storika u arkitettonika tal-binja msemmija fil-mistoqsija parlamentari, is-Sovrintendenza rrakkmandat illi din il-proprjetà storika għandha tiġi protetta. Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rakkmandazzjoni sħiħa li s-Sovrintendenza tat lill-Awtorità fis-sena 2005?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rakkomandazzjoni li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kienet tat lill-Awtorità tal-Ambjent u tal-Ippjanar fis-sena 2005 dwar l-iskedar protettiv ta’ bini li jinsab eżatt maġenb l-għassa tal-pulizija ta’ Ħal Qormi.

Ħal Qormi — Armerija tal-Kavallieri - post storiku u kulturali

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta l-Amerija li ġiet mibnija fi żmien il-Kavallieri f'Ħal Qormi u li parti minnha llum hija għassa tal-pulizija, se tkun skedata bħala post ta' patrimonju storiku u kulturali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kienet għamlet l-ewwel rakkomandazzjoni għall-iskedar ta’ propjeta` storika fiż-żona ta’ l-Armerija ta’ Ħal Qormi fil-2005. Din ir-rakkomandazzjoni tirrigwardja l-propjeta li fuqha kien hemm l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp PA03261/04 u PA03263/04. Din hija l-propjeta li tmiss ma’ l-Għassa ta’ Ħal Qormi. Preżentement is-Sovrintendenza qed iġġedded r-rakkomandazzjoni għall-iskedar tal-propjeta` storika f’din iz-zona, inkluza il-binja magħrufha bħala l-Armerija, hekk kif provdut fl-Att dwar il-Patrimonju Kulturali u l-Att dwar l-Ippjanar. Madankollu, l-proċess tal-iskedar huwa mmaniġjat mill-Awtorita` dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant il-mistoqsija dwar jekk u meta din il-propjeta` se tiġi skedata għandha tiġi referita lil din l-Awtorita’.

Ħal Qormi — Armerija tal-Kavallieri

Question

Tista' l-Ministru tgħid b'liema mod is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed tieħu l-passi kollha neċessarji biex il-bini storiku tal-Armerija tal-Kavallieri f'Ħal Qormi jkun protett milli jiġġarraf?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tirrikonoxxi li l-binja magħrufa bħala l-Armerija ta’ Ħal Qormi hija ta’ valur storiku u arkitettoniku, u għandha tiġi protetta skond il-ligi. Għaldaqstant is-Sovrintendenza qed tipprepara rakkomandazzjoni għall-iskedar ta’ din il-binja li issa tintuża bħala Għassa tal-Pulizija. Is-Sovrintendenza qed tipprepara wkoll rakkommandazzjoni sabiex iż-żona fejn tinsab l-‘armerija’ tiddaħħal ġewwa l-konfini taż-Żona tal-Konservazzjoni Urbana.

Rotot tal-ajru operati lejn Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienu r-rotot tal-ajru operati lejn Malta mill-pajjiżi differenti mill-2004 'l hawn u minn liema linja tal-ajru sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant diġà hija kollha pubblikata u tista’ tinkiseb faċilment mir-Rapporti Annwali tal-MIA li jinstabu fis-sit tal-internet tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, www.maltairport.com

Persuni li jitgħallmu l-Ingliż f'Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew persuni miċ-Ċina, mir-Russja u pajjiżi oħra barra l-Unjoni Ewropea mill-2004 'l hawn biex jitgħallmu l-Ingliż f'Malta sena b'sena, nazzjonalità b'nazzjonalità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi n-National Statistics Office ma jippubblikax informazzjoni fuq iċ-Ċina.

Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali — rapporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'kemm-il post tax-xogħol ġie rrapportat lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali bejn Marzu 2008 u Mejju 2009 biex jittieħdu l-passi, peress li l-employer ma jkunx qed iħallas il-pagi lill-ħaddiema fil-ħin kif jixraq? Min huma dawn l-intrapriżi? X'passi ttieħdu mid-Dipartiment? X'kien ir-riżultat tal-azzjoni jew azzjonijiet li d-Dipartiment ikun ħa? Tħallsu dawn il-ħaddiema jew għadhom ma tħallsux u fil-każ kemm ilhom ma jitħallsu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li minn Marzu 2008 sa nofs Mejju 2009, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impieg investiga 38 kaz fejn gie allegat li l-pagi tal-haddiema li kienu ghadhom fl-impieg ma kienux thallsu fid-data li suppost tithallas il-paga. Informat ukoll li minn dawn it-38 kaz, wara l-investigazzjonijiet necessarji, jirrizulta illi f’21 kaz, wara l-intervent tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impieg, ittiehdet azzjoni mill-principal biex in-tnaqqis relattiv gie rrangat, f’kaz minnhom irrizulta li ma kienx hemm xi tnaqqis fil-pagi minn-naha tal-principal, filwaqt illi 2 kazi tressqu l-Qorti. Il-5 kazi l-ohra qeghdin fil-process biex jintbaghtu l-Qorti.

Fond li ilu magħluq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament huwiex proprjetà tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, għaliex ilu madwar sentejn magħluq?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant li l-fond li għalih qed issir referenza huwa tal-Gvern u l-kuntratt ta’ kirja ma’ l-inkwilini sar f’Marzu ta’ din is-sena.

informazzjoni dwar ħaddiema li jaħdmu full-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema li qed jaħdmu full-time (a) b'kuntratt definit, u (b) b'kuntratt indefinit? Kemm minn kull grupp huma irġiel u kemm nisa? Kemm hemm minnhom li huma taħt it-30 sena?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Higher Secondary Naxxar — Matsec A Level Chemistry - kwestjoni fuq il-karta tal-eżami

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-karti ta' l-eżami tal-Matsec A Level Chemistry, li sar fit-12 ta' Mejju 2009, fid-9.00 a.m., fil-Higher Secondary Naxxar, f'Kamra Nru 11, kienu miftuħin qabel ma daħħlu l-istudenti li kellhom joqgħodu għall-eżami, kontra l-prassi normali, jiġifieri li l-karti ta' l-ezami jinfetħu fil-preżenza ta' l-istudenti? Tista' tgħid, x'passi se jittieħdu biex jiġi assigurat li ma sarx xi abbuż, meta nfetaħ il-pakkett tal-karti ta' l-eżamijiet fl-assenza ta' l-istudenti li għamlu l-eżami tagħhom fil-kamra indikata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-prassi ġenerali għal kull darba li jaslu l-karti tal-eżami tal-Matsec għand il-Kap taċ-Centru tal-Eżamijiet hija li l-ewwel jassigura lilu nnifsu li l-pakkett huwa ssiġillat bil-plastik u ma jidhirx li fih xi ħsara jew ġie mbagħbas. Ta’ min isemmi hawnhekk li l-pakkett ewlieni jkun jikkonsisti f’numru ta’ pakketti zgħar li fihom ikun hemm il-karti tal-eżami, medja ta’ 25 karta kull pakkett. Dan il-pakkett ikun issiġillat kollu kemm hu fil-plastik. Il-Kap taċ-Ċentru jqabbad tliet invigilators u tliet kandidati jiddikjaraw li l-pakkett huwa ssiġillat u intatt u li nfetaħ fil-preżenza tagħhom. Id-dikjarazzjoni jagħmluha billi jiffirmaw formola apposta. Din il-proċedura twettqet fil-ġurnata msemmija mill-Onor interpellant, jiġifieri nhar it-Tlieta 12 ta’ Mejju 2009 fil- Higher Secondary Naxxar (jekk ikun il-każ, tista’ tiġi ppovduta wkoll kopja tal-formola msemmija bl-ismijiet u l-firem tal-invigilators u l-kandidati li ffirmaw id-dikjarazzjoni fid-data in kwestjoni). Il-pakketti ż-żgħar imbagħad jitqassmu fil-klassijiet skont in-numru li jkun hemm f’kull ċentru. Dan it-tqassim isir ftit minuti qabel ma tibda s-sessjoni tal-eżami u għaldaqstant ma jista’ jsir l-ebda abbuż mill-karta. Jekk ikun il-każ li xi pakkett infetaħ qabel, dan isir sabiex l-invigilator jiċċekja li għandu biżżejjed numru ta’ karti tal-eżami skont kemm għandu kandidati fil-kamra u mhux anqas peress li ma jkollux ħin jibgħat għal aktar karti.

Ħal Qormi — Health Centre magħluqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jingħad li l-Health Centre ta' Ħal Qormi se tkun magħluqa indefinittivament? Għaliex indefinittivament? Dan se joħloq inkonvenjent serju għal kulmin ikollu bżonn juża s-servizzi t'hemmhekk, b'mod partikolari għall-anzjani? X'se jsir fiċ-ċirkostanzi, b'attentat biex jingħelbu dawn l-inkonvenjenzi, partikolarment fit-tqassim ta' mediċini?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Day Centres tal-Anzjani — postijiet vakanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif issir l-għażla biex jimtlew il-vakanzi fid-Day Centres tal-Anzjani? Il-postijiet vakanti jimtlew mill-home helpers jew mod ieħor? X'inhuma l-kriterji tal-għażla?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

mediċina texoter

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux qed tingħata l-mediċina texoterlil dawk li għandhom kanċer tal-prostata, meta diġà tingħata lil dawk bil-kanċer tas-sider? Għaliex dawn il-pazjenti mhux qed jiġu mgħejjuna bl-għoti ta' din il-mediċina?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ħal Qormi — Ġnien li kien jagħmel parti mill-Għassa tal-Pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar meta ħarget il-permessi għal bini tal-ġnien li fl-antik kien jaghmel parti mill-Għassa tal-Pulizija, Ħal Qormi u li nbniet fiż-żmien il-kavallieri, ħadetx in konsiderazzjoni li wara dan il-bini li qed ikun żviluppat hemm bini ieħor li huwa parti mill-binja antika ta' l-għassa u għaldaqstant ħaditx il-prekawzjonijiet meħtiega biex dan ma jiġġarrafx? Jekk iva, x'għamlet? Jekk le, x'se tagħmel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onervoli Interpellant li l-permessi li nħarġu mill-MEPA fuq is-sit imsemmi f’PQ 8031 jinkludu permess ‘outline’, fl-applikazzjoni PA 3848/04, u permess ieħor ‘full’ fl-applkazzjoni PA 2840/06. L-Awtorità kienet konxja mill-preżenza ta’ bini ta’ valur kulturali fuq wara tal-binja proposta, tant li waqt il-proċess ta’ l-applikazzjoni ‘outline’ ġew konsultati kemm il Kumitat Konsultattiv għal Wirt Kulturali kif ukoll is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Minħabba li l-bini propost ma kienx jirrikjedi twaqqiegħ ta’ bini eżistenti ta’ valur kulturali ma nstabx oġġezzjoni għat-talba. Filwaqt li l-istabillità strutturali hija responsabbiltà tal perit inkarigat mix-xogħol, ġiet imponuta kundizzjoni mall-permess PA 2840/06 sabiex il ħajt li jħares fuq il-bitħa biswit sala antika ta’ valur, fuq il-proprjetà adjaċenti mas-sit, jiġi trattat sabiex inaqqas l-impatt negattiv viżiv fuq il-madwar. Wieħed tajjeb jinnota li ħareġ ukoll permess ta’ żvilupp fuq is-sit adjaċenti (PA 2397/07), li jinkludi l-imsemmi bini ta’ valur kulturali, fejn jimponi garanzija bankarja ħalli jassigura li dan il-bini jiġi miżmum, integrat u kkonservat.

Baħar iċ-Ċagħaq — landfill - periklu għat-trakkijiet u sewwieqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx bil-biża li qed jaħdmu fiha s-sewwieqa tat-trakkijiet ta' l-iskart li jmorru fil-landfill ta' Baħar iċ-Ċagħaq? Jista' jgħid jekk is-site fejn hemm il-landfill ta' Baħar iċ-Ċagħaq, ġietx spezzjonata fir-rigward ta' regoli għas-saħħa w ta' sigurtà ta' kull min qed jaħdem fiha peress li trakkijiet bl-iskart li jridu jinżlu madwar tletin sular 'l isfel minn niżla wieqfa u perikoluża, bla ilqugħ, u blat imqatta' fuq din l-istess triq, tant li kultant anke xi trakkijiet ma jkunux jistgħu jitilgħu minnha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li r-rampa li qed tirreferi għalija l-Onor Membru, hi inqas għolja minn tletin sular, ġiet spezzjonata u hija skont ir-regoli tas-saħħa u s-sigurtà. Din tintuża regolari mis-sewwieqa tat-trakkijiet li jużaw is-servizz tal-landfill ħlief meta tkun ix-xita, fejn f'dan il-każ tintuża rotta differenti skont id-direzzjoni tal-Uffiċjal tas-Saħħa u s-Sigurtà.

Applikazzjoni għal dħul dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li għandha 80 sena u tgħix waħedha, li d-dettalji qed jidhru separatament, se tiġi msejħa biex tidħol f'xi dar għall-anzjani, meta f'Ottubru tas-sena li għaddiet l-applikazzjoni tagħha ġiet approvata ?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.