Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid — Skola Mariam Al Batool

Question

Taf il-Ministru li l-iskola Mariam Al Batool f'Raħal Ġdid, li hija l-unika skola li tista' tiġbor fiha studenti li jitgħallmu l-Għarbi u wkoll ir-Reliġjon Islamika, din is-sena kellha tirrifjuta tfal minħabba n-nuqqas ta' spazju, kawża tal-fatt li l-applikazzjoni għall-estensjoni mal-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma ġietx ipproċessata? Ma jidhriliex l-Ministru li dawn it-tfal ġew imċaħħda milli jimxu fil-ħajja edukattiva tagħhom f'suġġetti li huma għal qalbhom? Tista' l-Ministru tintervjeni u timmedja biex din l-iskola jkollha l-faċilitajiet li tinħtieġ ħalli tkun tista' tieħu lil dawk it-tfal kollha li jixtiequ jieħdu l-esperjenza edukattiva tagħhom hemmhekk u wkoll biex l-istudenti li diġa' qed jattendu jkollhom l-ispazju u l-faċilitajiet meħtieġa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Sezzjoni Skejjel mhux Statali fi ħdan id-Dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità fid-Direttorat tal-Kwalita u Standards fl-Edukazzjoni tiltaqa’ regolarment mar-rappreżentant tekniku tal-MEPA biex tiddiskuti l-andament tat-talbiet lill-MEPA mill-Iskejjel mhux statali. Fil-laqgħa li saret fit-2 ta’ Settembru, 2009, is-Sezzjoni ġiet mgħarrfa bit-talba li saret mis-Sur Wagdi Nashnosh għan-nom ta’ l-iskola Mariam al Batool għal skola sekondarja ġdida (ħdejn il-Primarja li hemm bħalissa) b’żewġ sulari (MEPA file No. 3425/08). Il-MEPA kienet infurmat lill-iskola li l-proposta ma kienitx skont il- policy tal-pjan lokali li talloka art bħala spazji miftuħa pubbliċi u faċilitajiet rikreattivi (20/01/09). Is-Sezzjoni ġiet mgħarrfa wkoll li kellha ssir laqgħa mal-applikant u l-perit tal-iskola.

European Health Insurance Card

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-benefiċċji għall-Maltin li għandhom il-European Health Insurance Card, meta jiġu bżonn xi servizz tas-saħħa f'xi pajjiż membru stat tal-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Gwardjani tal-Ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) meta se jiġu impjegati Gwardjani tal-Ħabs? (b) jekk hux qed jintlaqgħu applikazzjonijiet għal din il-kariga? (c) jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti u fil-każ kemm hemm? (d) kemm hemm vakanzi għal din il-kariga u għaldaqstant kemm se jimpjega l-Gvern?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sejħa għal applikazzjonijiet għall-ingaġġ tal-Gwardjani l-Ħabs għadha qed tiġi fformolata. Rigward l-aħħar domanda il-vakanzi jimtlew skont il-ħtieġa.

Sptar Ġenerali t'Għawdex — mediċini out of stock

Question

Billi ċerti mediċini, fosthom l-Amlodipine u Lisinopril fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex huma out of stock, jista' l-Ministru jgħid meta se jerġa' jkun hemm stock tagħhom fl-ispiżerija ta' l-isptar? Kemm ilhom out of stock dawn iż-żewġ mediċini li jingħataw lil min ibati bi pressjoni għolja tad-demm u meta se jerġa' jkun hemm minnhom? Jikkonsidra l-Ministru li fir-rigward ta' min hu intitolat għal dawn il-pilloli u oħrajn li ilhom out of stock għal żmien twil, l-awtoritajiet ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għandhom jixtru l-mediċina out of stock minn spiżeriji privati u jissuplixxuhom lil min hu intitolat għalihom? Meta se tidħol is-sistema tal-Ispiżjar tal-Għazla Tiegħek f'Ghawdex biex il-pubbliku Għawdxi jkun moqdi aħjar u ma jħabbatx wiċċu iktar ma' problemi li ċerti medicini fl-isptar ikunu out of stock?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

sussidju fuq it-trasport pubbliku lill-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk min-naħa ta' l-Awtorità dwar it-Trasport hux ippjanat li tagħti s-sussidju fuq it-trasport pubbliku lill-persuni b'diżabilità bħalma jingħata lill-anzjani?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport ta’ Malta mhix teskludi din il-possibilta`.

Persuni b'diżabilità — sussidju fuq trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuni b'diżabilità ma jingħatawx sussidju fuq it-trasport pubbliku, bħalma jingħata lill-anzjani? Huwa ppjanat li dan jingħata? Jekk iva, meta?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

talba għal akkommodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel l-Awtorità tad-Djar dwar il-każ ta' familja b'żewġt itfal li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li l-unika dħul li għandhom huwa ta' €113.69 fil-ġimgħa u li għandhom kera ta' €279 fix-xahar u li hija ssussidjata b'€270.47 kull sitt xhur, biex tingħata akkommodazzjoni soċjali u dan għaliex prattikament qed jgħixu fil-faqar? Din mhix familja fejn il-ġenituri ma jridux jaħdmu, anzi l-ġenituri xebgħu jħabbtu l-bibien biex isibu opportunità ta' xogħol, iżda sfortunatament ma jirnexxilhomx.

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni in kwestjoni fil-ġimgħat li għaddew ġew offruti post ġdid fjamant ġewwa l-Imġarr però s’issa l-Awtorità tad-Djar qed tistenna risposta mingħandhom jew aċċettawhx jew le.

Ħal Qormi — Triq il-Ħammieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-proġett ta' Triq il-Ħammieri, Ħal Qormi, li kien ippjanat madwar 4 snin ilu mill-Awtorità dwar it-Trasport, se jinbeda u jitlesta, liema proġett kellu jagħmel it-triq sigura kemm għal dawk li jużawha bil-mixi kif ukoll għal vetturi li jgħaddu kontinwament minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li qed jitħejjew l-istejjem neċċessarji bbażati fuq disinni ġa ppreparati sabiex jiġu nkluża fil-pjan ta’ xogħlijiet ta' l-Awtorità. Dan dejjem ikun jista jsir meta jkunu allokati l-fondi meħtieġa lill-ADT u skond il-prijorità ffissata.

charges mill-banek fuq tisrif ta' ċekkijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern permezz tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta hux jevalwa, biex jara jekk humiex ġusti ċ-charges li jitolbu l-banek fuq tisrif ta' ċekkijiet ta' pensjonijiet eċċ?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant hija mitluba tikkjarifika il-mistoqsija tagħha dwar x’tifhem biha “humiex ġusti”.

Organizzazzjoni għal ġbir ta' skart nhar ta' Tlieta

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod qed titmexxa l-organizzazzjoni li permezz tagħha qed jinġabar l-iskart kull nhar ta' Tlieta li qed jiġi riċiklat? Jista' jgħid kif qed jintgħażlu dawk li qed jagħmlu dan il-ġbir u dan peress li kien hemm min qed jiġbor dan l-iskart u issa tteħidlu x-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li l-iskart li jinġabar kull nhar ta’ Tlieta u li jiġi riċiklat, jinġabar mill-kollettur li kull Kunsill rispettiv għandu. Dan sar wara ftehim bejn il-Ministeru tiegħi, l-Ministeru tal-Finanzi, Investiment u l-Ekonokija u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex il-kuntratti eżistenti jiġu estiżi ħalli jkopru dan il-ġbir. Dan l-arranġament jibqa’ fis-seħħ sakemm jingħataw kuntratti ġodda. Teżisti Unit żgħira fi ħdan il-Ministeru biex, flimkien ma’ rappreżentant tal-Kolletturi, ikun sorveljat dan il-ġbir. Irid jingħad li, fejn is-servizz ma jkunx ta’ livell mitlub, dan il-Ministeru jitlob lill-Kunsill rispettiv biex, fejn, wara numru ta’ twissijiet, l-operat jibqa’ medjokri, l-kuntrattur jinbidel. Dan isir ħalli, kif zgur taqbel l-Onor. Interpellant, flus pubbliċi allokati għal din l-inizjattiva jintużaw għal servizz aħjar għall-poplu.

Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — bars u ristoranti - depożit fuq imwejjed

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta hijiex qed titlob depożiti bħala garanzija għall-imwejjed eċċ. li bars u ristoranti joħorġu fuq bankini u/jew art pubblika oħra? Kemm qed tintalab garanzija? Fuq liema kriterju qed tintalab din? Kif tista' tintilef din il-garanzija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Entitatjiet Għawdxin li talbu għajununa lill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarux talbiet għall-għajnuna [sponsorship] minn entitajiet Għawdxin lill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? Min huma dawn l-entitajiet li talbu din ix-xorta ta' għajnuna [sponsorship]? Kemm se jieħdu għajnuna kull entita' mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? Fuq liema kriterji ġew magħżula dawn sabiex jibbenefikaw minn din l-għajnuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Benefiċċju tal-Mard — Ħlas b'lura

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħlasijiet tal-benefiċċju tal-mard dejjem jingħata b'lura bil-konsegwenza li ħafna benefiċċjarji jispiċċaw saħansitra jiddejnu biex imantnu lill-familja? Għaliex dan il-ħlas jaqa' anke bi tlieta u b'erba' ġimgħat lura?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawk il-każi fejn il-benefiċċju għal-mard idum xi ftit ma jitħallas huma dawk li jew ikollhom bżonn estensjoni tal-benefiċċju u allura ikollhom jidhru quddiem il-bord mediku. Informat ukoll li ma dan inżid illi jekk L-Onor. Interpellant jaf b’xi każ partikulari, nistiednu jgħaddi l-informazzjoni personali tal-individwu sabiex il-każ ikun jista jiġi mistħarreġ.

Sickness benefit

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk fuq sickness benefit ma jingħatawx il-bonus?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond Artiklu 85 tal-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali il-bonus ta’ nofs is-sena u l-bonus addizzjonali huma intitolati għalih dawk il-persuni li jkunu qed jirċievu xi tip ta’ pensjoni jew assistenza soċjali.

Aġenzija Ewropeja għal Ambjent — tniġġis mill-użu ta' electromagnetic devises

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7104 li oriġinarjmanet saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'qed jagħmel il-Gvern biex jagħti widen għat-twiddib li l-Aġenzija Ewropea għal Ambjent tagħmel dwar l-effett fuq is-saħħa tan-nies minħabba tniġġis mill-użu ta' electromagnetic devises, bħalma huma s-sistemi tal-mobile phones?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi Malta qiegħda taddotta l-kriterji rakkomandati mill-World Health Organisation (WHO) li huma ukoll approvati mill-Unjoni Ewropeja (EU) li sakemm il-livelli ta radjazzjoni (EMF’s) mis-sistemi ta’ telefonija ċellulari jkunu fil-livelli rakkomandati dawn s’issa m’humiex ikkonsidrati li jagħmlu ħsara lil bniedem. Kemm il-WHO kif ukoll l-EU qegħdin iwettqu studji xjentifiċi biex jekk ikun il-każ dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu reveduti. F’każ li l-livelli rakkomandati preżenti jkun hemm il-bżonn li jiġu reveduti, Malta tkun lesta li taddotta tali rakkomandazzjonijiet. Lokalment sistemi ta’ telefonija ċellulari jiġu ittestjati fuq bażi regolari mill-Awtorita’ Maltija għal Komunikazzjoni bħala l-Awtorita’ Kompetenti u kopja ta’ dawn ir-riżultati jiġu mgħoddija lid-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali. Mit-testijiet kollha li saru s’issa l-livelli ta’ radjazzjoni elettromagnetika f’persentaġġ ta’ livell massimu aċċettabli dejjem instabu li kienu f’livelli aktar baxxi minn dawk rakkomandati għal pubbliku.

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — ġnien tal-bini storiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid xi studju sar mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qabel ma tat il-permess fl-2007 (permess qed jidher separatament) biex isir l-iżvilupp tal-ġnien li kien parti mill-bini storiku ta' żmien il-Kavallieri, jiġifieri l-Armerija fi Triq il-Kbira, f'Ħal Qormi, fir-rigward ta' jekk per eżempju taħt l-art kienx hemm xi parti mill-escapade li parti minnu għadu jeżisti taħt l-għassa tal-pulizija fl-istess lokalità? Jista' jgħid jekk l-Awtorità ħaditx in konsiderazzjoni l-impatt li dan l-iżvilupp se jkollu fuq il-bini storiku tal-Armerija u kif l-Awtorità tat permess biex l-istess żvilupp kważi jmiss ma' parti minn dan il-bini ta' patrimonju storiku u kulturali kbir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji dwar xi studji saru u l-kundizzjonijiet biex jiġi salvagwardjat il-wirt kulturali fl-inħawi imsemmija diġà ingħataw fir-risposta għall-mistoqsija numru 8031. L-Awtorità ma kelliex informazzjoni dwar l-imsemmi escapade taħt l-art. Kien ikun xieraq li min kellu din l-informazzjoni jgħaddiha lill-Awtorità waqt il-proċess ta' konsultazzjoni dwar l-applikazzjoni u mhux wara li ħareġ il-permess. L-informazzjoni li taf biha l-Awtorità hija dwar xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija taħt l-Armerija (illum l-għassa), imma dan jiftaħ f'direzzjoni li mhux taħt is-sit imsemmi.

Ħal Qormi — problemi fi Triq il-Wied u Triq Valletta

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi progress sar wara l-laqgħa li saret ma' tekniċi tad-drainage section xhur ilu fuq il-post in kwestjoni, dwar il-problemi fi Triq il-Wied u Triq Valletta, f'Ħal Qormi, jiġifieri: a) il-problema tal-isbroff tad-drenaġġ bejn iċ-ċimiterju u l-ground tal-footballfi Triq Valletta; l-ilma li jitla' sa Triq San Frangisk meta jogħla l-wied; b) l-overflow li jinsab fit-tarf ta' Triq l-Għargħar, li għalkemm fis-sajf ma joħroġx ilma minnu, toħroġ intiena u nemus; ċ) u l-overflowli jinsab fit-tarf ta' Triq il-Wied qabel ma tidħol għall-parti ta' Wied is-Sewda u li jigi taħt Triq Hammieri li mhux fix-xita biss joħroġ l-ilma minnu? Jista' jgħid meta se jinbeda x-xogħol li dakinhar stess tal-laqgħa mat-tekniċi kien ġie indikat li jeħtieġ isir, partikolarment fejn jisbokka d-drenaġġ bejn iċ-ċimiterju u l-ground tal-football? Dwar il-problemi l-oħra indikati, jista' jgħid jekk sarux spezzjonijiet oħra, jekk instabitx il-problema u allura x'se jsir konkretament biex jiġu megħluba l-problemi in kwestjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara l-laqgħa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, il-Korporazzjoni għas- Servizzi tal-Ilma għamlet diversi xogħlijiet li huma: 1. Żbroff tad-drenaġġ ħdejn iċ-Ċimiterju fi Triq Valletta, Qormi – saru spezzjonijiet u xogħol ta’ manutenzjoni fuq it-tappieri kollha f’dan il-post kif ukoll tindif tas-sistema. Saru ukoll stimi tax-xogħol meħtieġ biex tissolva il-problema ta’ żbroff f’dawn l-inħawi. Ix-xogħoljiet ser jiddaħħlu fl-istimi tal-Korporazzjoni u jsiru malli jkun hemm il-fondi neċessarji allokati. 2. Overflow f’tarf Triq il-Għargħar – dan l-overflow huwa parti mis-sistema u jkun jista’ jingħalaq meta jsiru x-xogħlijiet meħtieġa msemmija hawn fuq. 3. Overflow f’tarf Triq il-Wied – saru spezzjonijiet u rriżulta li kien hemm ħsara fis-sistema tal-ilma li ssewwiet u l-ilma li kien joħroġ minnu waqaf. 4. Ilma li jitla’ sa Triq San Franġisk meta jogħla il-livell tal-ilma fil-Wied - L-Onor. Interpellant hi mitluba tirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Applikazzjoni għal dħul f'dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 8301 u jgħid meta l-persuna li għandha 80 sena u tgħix waħedha, li d-dettalji qed jidhru separatament, se tiġi msejħa biex tidħol f'xi dar għall-anzjani, meta f'Ottubru tas-sena li għaddiet l-applikazzjoni tagħha ġiet approvata?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Mediċina texoter

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8352 u jgħid għaliex mhux qed tingħata l-mediċina texoter lil dawk li għandhom kanċer tal-prostata, meta diġà tingħata lil dawk bil-kanċer tas-sider? Għaliex dawn il-pazjenti mhux qed jiġu mgħejjuna bl-għoti ta' din il-mediċina?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.