Għajnuna mill-Unjoni Ewropea għal oġġetti tal-ikel
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-oġġetti tal-ikel eċċ., li jingħataw bħala għajnuna mill-Unjoni Ewropea humiex l-istess għal kull belt u raħal f'Malta u Għawdex? Jekk iva, jista' jgħid x'kienu l-oġġetti li ngħataw f'Jannar u f'Frar 2010?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-oġġetti tal-ikel li jingħataw bħala għajnuna mill-Unjoni Ewropea huwa l-istess għal kull raħal f’Malta u Għawdex. Matul Jannar u Frar 2010 tqassmu ġamm u għaġin.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-European Union Aid ilha ma tingħata f'Ħal Qormi madwar tliet xhur? Jista' jgħid kif l-aħħar darba li din l-għajnuna ngħatat, jiġifieri fi Frar 2010, il-jam li ngħata kien skadut? Min hu responsabbli minn dan l-ikel u minn fejn hu ġej? Min hu responsabbli li jiskrutinizza li l-ikel li jingħata jkun tajjeb għan-nies? Jista' jgħid jekk itteħdux passi dwar dan il-fatt? Jekk iva, x'sar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi d-distribuzzjoni waqfet f’kull lokal minħabba li kien fadal biss ġamm. Id-distribuzzjoni terġa’ tibda malli nirċievu prodotti mill-allokazzjoni ġdida għas-sena 2010.
L-ġamm li tqassam ma kienx skadut tant li fuq it-tikketta dan għandu
best before date
ta’ 08/2011 jiġifieri għandu aktar minn sena oħra.
L-Aġenzija għall-Pagamenti hija responsabbli mill-iskema Food for the Most Deprived Persons of the Community, u d-distribuzzjoni hija f’idejn NGOs li kull sena japplikaw biex jagħtu dan is-servizz. L-ikel ġej kollu mill-pajjiżi tal-Ewropa.
L-ikel li jitqassam huwa ċċertifikat għall-konsum mill-pajjiż li jkun immanifatturah (fil-każ tal-ġamm u l-għaġin, huwa l-Italja).
Billi l-ġamm li ngħata kien tajjeb għal konsum ma kien hemm l-ebda ħtieġa li jittieħdu passi.
Persuni reġistrati mal-Ispiżerija Ġenerali t'Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont ta’ persuni reġistrati mal-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li huma intitolati jieħdu l-pilloli Lescol/Fluvastatin mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li Lescol/Fluvastatin jaqa' taħt il-permess 'Statin', kif jaqgħu mediċini oħra ta' dan it-tip. In-numru ta' pazjenti b'indirizz f'Għawdex, b'permess validu għall-Statin huwa ta' 1615.
Governmental Pharmaceutical Services — Sptar Ġenerali t'Għawdex
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16577, tista' l-Ministru tgħid mill-ammont ta’ 8550 pillola Fluvastatin li l-Governmental Pharmaceutical Services taw lill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, kemm kien in-numru li ingħataw fil-wards u kemm tqassmu lill-pazjenti mill-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li mill-8550 pillola Fluvastatin li l-Governmental Pharmaceutical Services taw lill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, 66 pillola ngħataw fis-swali, l-kumplament tqassmu lill-pazjenti mill-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16577, tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li ingħataw pilloli Fluvastatin 20mg mill-ammont ta’ 8550 pillola Fluvastatin li l-Governmental Pharmaceutical Services taw lill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li kien hemm 282 persuna li ngħataw pilloli Fluvastatin 20mg mill-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex mill-ammont ta' 8550 pillola Fluvastatin li l-Governmental Pharmaceutical Services taw lill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16577, tista' l-Ministru tgħid għaliex min hu intotlat għall-pilloli Fluvastatin 40mg jew 80mg ma jingħata l-ebda ammont meta l-pilloli Fluvastatin li waslu l-Isptar ta’ Għawedex ikunu tat-20mg? Jekk fin-negativ, għaliex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li pazjenti ntitolati għall-pilloli Statin ingħataw kaxxa Fluvastatin 20mg (fiha 30 pillola), irrelevanti x'doża jieħdu kuljum. Biss pazjenti b'doża ta' Fluvastatin 80mg kienu avżati biex jikkuntattjaw lit-tabib tagħhom, bil-possibilità wara konsultazzjoni medika li jinqalbu għall-pilloli Zocor.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16577, ma taħsibx il-Ministru li s-sistema li wieħed iċemplel l-ispiżerija biex jara jekk il-mediċina waslitx hija sistema ħażina u antikwata? Taf li persuna li ċemplet it-Tnejn 3 ta’ Mejju fil-11 ta’ filgħodu u qalulha li waslu l-pilloli Fluvastatin 20mg u li kull min imur qed jingħata kaxxa waħda, x’ħin din il-persuna waslet l-isptar, wara li stenniet fil kju qalulha li ma kienx hemm? Ma taħsibx li mill-iktar fis possibbli, forsi anki qabel ma tirrispondi din il-mistoqsija parlamentari, tibdel din is-sistema li qed tiffavorixxi lil ċerti persuni filwaqt li qed tikkastiga lil dawk li huma l-iktar vunerabbli?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-Tnejn, 3 ta' Mejju 2010 kien għad fadal xi ftit stocks ta' Fluvastatin 20mg li ngħataw mill-Governmental Pharmaceutical Services fid-29 ta' April 2010. Biss dan il-ftit stock laħaq spiċċa qabel l-għeluq tal-ispiżerija għall-pubbliku. Aktar stock waslu t-Tnejn, 3 ta' Mejju 2010 wara l-ħin tal-għeluq tal-ispiżerija.
Ma jidhirx li hemm xi sistema aħjar milli wieħed jista' jċempel mill-kumdità ta' daru u jistaqsi jekk il-mediċina li kienet out of stock waslitx jew le.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16435 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u ġiet riferuta lilu u ċioe: B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16270, jikkonsidra l-Ministru li min hu intitolat għall-mediċina Lescol u mediċini oħra li jkunu out of stock fl-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, ikollhom il-faċiltà li jixtru l-mediċini li jkunu intitolati li jieħdu bi dritt minn spiżerija privata u wara li tiġi ppreżentata l-irċevuta jingħataw il-ħlas lura mill-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jew mill-ministeru tiegħu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhijiex proċedura tad-Dipartiment li tingħata rifużjoni għal mediċini li jkunu nxtraw mis-settur privat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16436 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16270, jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed tirċievi stock limitat ta’ Lescol mill-Governmental Pharmaceutical Services bil-konsegwenza li l-pazjenti f’Għawdex mhux qed jingħataw is-servizz tas-saħħa b’xejn kif dejjem sostna u ftaħar il-Gvern Nazzjonalista?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Fid-19 ta’ Lulju 2006 id-Diviżjoni tas-Saħħa kienet ħarġet ċirkulari fejn kien avżat li d-Dipartiment tal-Procurements kien qiegħed jixtri pilloli simvastatin 20mg (Zocor®) minflok fluvastatin 80 mg XL (Lescol® XL). Fl-istess ċirkulari kien indikat li s-simvastatin 20mg huwa ekwivalenti għal fluvastatin 80mg. Għalhekk kien rakkomandat lit-tobba biex f’każ ta’ pazjenti li jinħtieġu doża għolja ta’ statins, jibdlu l-fluvastatin 80 mg li kienu qegħdin jieħdu dawn il-pazjenti għal simvastatin 20mg.
Jidher li fil-każ t’Ghawdex għad fadal numru ta’ pazjenti li baqgħu jieħdu il-fluvastatin 80mg (żewġ pilloli ta’ fluvastatin 40mg). Jirriżulta li dan l-aħħar l-ispiżjara fl-isptar Ġenerali t’Għawdex qed jieħdu il-passi neċessarji sabiex jaraw li l-linji gwida jiġu osservati sabiex in-numru ta’dawn il-pazjenti jonqos kemm jista’ jkun.
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Procurements m’għandu l-ebda nuqqas ta’ pilloli fluvastatin (Lescol) 20mg u 40mg.
Ilmenti fuq l-operat tal-Ispiżerija Ġenerali ta' Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tgħid persuni li jkunu jridu jressqu ilmenti fuq l-operat tal-ispiżerja tal-Isptar Ġenerali ta’ Ghawdex għand min jistgħu jagħmlu dan, għand is-Suprentendent tal-Isptar, il-Ministeru għal Għawdex, jew il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li lmenti fuq l-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex jistgħu jsiru direttament għand is-Superintendent tal-Isptar jew il-Ministeru għal Għawdex, permezz tal-Customer Care System.
Billi fuq kull riċetta magħmula mit-tobba biex pazjenti jkunu jistgħu jġibu mediċini mill-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, ikun hemm preskritti tliet mediċini, u meta xi waħda minn dawn il-mediċini tkun out of stock l-ispiżerija tal-isptar iżomm il-preskrizzjoni bi tliet riċetti, tista’ l-Ministru tgħid kif isiru r-reconciliation u l-auditing tal-mediċini fl-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Ma taħsibx li s-serjetà titlob li wasal iż-żmien li ssir r-riċetta separata għal kull mediċina speċjalment f’dawn iż-żmenijiet meta ħafna mediċini huma out of stock? Billi riċentement il-Lescol/ Fluvastatin kien out of stock kemm ġie n-nunru ta’ pilloli Lescol/ Fluvastatin over l-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex meta tqabbel in-numru tal-pilloli li daħlu skont ir-riċetti ma' dawk il-pilloli li verament ingħataw fl-aħħar tliet xhur?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' pilloli Fluvastatin over fl-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex meta tqabbel in-numru tal-pilloli li daħlu skont ir-riċetti ma' dawk il-pilloli li verament ingħataw fl-aħħar tliet xhur, ma jistax jiġi kkalkulat. Dan għaliex pazjenti li kienu fuq Fluvastatin 80mg kienu avżati biex ikellmu lit-tabib tagħhom biex jirrevedi l-mediċina Statin li kienu qed jieħdu bil-possibilità li jinqalbu fuq il-pilloli Zocor. Dan huwa eżerċizzju li suppost sar fis-sena 2006 skond DH Circ No 214/2006. Din iċ-ċirkulari tavża lit-tobba biex jibdew jiktbu riċetti għall-pilloli Zocor wara konsultazzjoni medika, pazjenti li kienu qed jieħdu Fluvastatin 80mg, peress li din il-mediċina ma kenitx se tibqa' tinxtara aktar mill-Governmental Pharmaceutical Services. F'dawn l-aħħar tlett xhur xi pazjenti li kienu fuq Fluvastatin 80mg inqalbu fuq il-pilloli Zocor.
Meta pazjent ikun preskritt tliet mediċini fuq riċetta waħda u xi waħda minnhom tkun out of stock tinħareġ formola 'To collect form' mill-ispiżerija li fuqha d-dispenser jikteb il-mediċina u l-kwantità li l-pazjent irid jingħata. Il-pazjent jippreżenta din il-formola meta din il-mediċina tasal l-ispiżerija.
Medicine Reconciliation isir waqt li pazjent qiegħed jinqeda' għall-pilloli. Id-dispenser jivverifika x'mediċini ikun qed jieħu l-pazjent mid-dokumenti li jippreżenta l-pazjent, cioe mill-kartuna safra u/jew roża, permessi tal-pilloli u noti oħra li t-tabib ikun kitiblu.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16577, tista' l-Ministru tgħid meta l-pubbliku jmur personalment l-ispiżerija biex jistaqsi jekk ikunux waslu pilloli li kienu out of stock u dawn fil-fatt ikunu waslu, kif jagħmel biex jiġbor il-mediċina li jkun diġà stenna fil-kju biex jieħu u li ma jkunx ingħata għax kienet out of stock? Jerġa' joqgħod jistenna għal darba oħra fil-kju jew jaqbeż il-kju? Ma taħsibx li għandha tintuża l-istess sistema li qed tintuża fiċ-Ċenrti tas-Saħħa f’Malta li meta mediċina tkun out of stock min ma jingħatax dik il-mediċina jingħata irċevuta biex meta din il-mediċina tasal u jmur jiġborha b’din l-irċevuta jkollu dritt li ma joqgħodx jerġa' jistenna?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-sistema li tintuża fiċ-Ċentri tas-Saħħa, li meta mediċina tkun out of stock pazjent jingħata l-possibilità li jaqbeż il-kju, kienet ippruvata f'żewġ okkażjonijiet fl-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex. Jidher iżda li din is-sistema ma ħadmitx u għalhekk f'kull ċirkostanza persuni li jkunu qed jistennew xi mediċina jkollhom jistennew fil-kju wara min imisshom.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16577, tista' l-Ministru tgħid min fl-aħħar xhur ma ngħatax il-pilloli Lescol u mediċina oħra li kien intitolat għaliha għax kienet out of stock, se jingħata d-differenza tal-ammont li baqgħalu jieħu? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk fin-negativ, għaliex le?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-pazjenti se jingħataw d-differenza tal-ammont tal-pilloli Fluvastatin li baqgħalhom jieħdu meta l-mediċina tingħata lill-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex mill-Governmental Pharmaceutical Services. Bħalissa qed jitqassmu l-pilloli Fluvastatin 20mg.
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — allowance supplimentari
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qiegħed jinforma lil għadd ta' benefiċjarji li ilhom is-snin jibbenefikaw mill-allowance supplimentari li issa' m'għadhomx intitolati għal din l-għajnuna, meta ċ-ċirkostanzi tagħhom, ma nbidlux? Kemm kien hemm minn dawn il-benefiċjarji li ġew infurmati li m'għadhomx intitolati għaliex mhumiex il-kap tal-familja mill-ewwel tas-sena li 'l hawn? Kemm huwa l-ammont ta' flus li d-dipartiment se jiffranka minn din il-miżura li qed jieħu? Kemm huwa l-ammont tal-allowance supplimentari li jingħata lill-benefiċċjarju jew individwali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa d-Dipartiment għaddej bil-proċess ta’ reviews li ssir ta’ kull sena tal-każijiet li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari sabiex jiġu stabbiliti r-rati l-ġodda li jidħlu fis-seħħ fit-3 ta’ Lulju li ġej u li huma bbażati fuq il-mezzi tal-benefiċċjarji.
F’dan il-proċess ma inbidel xejn ħlief li ġew miżjuda t-
thresholds
massimi wżati fir-
reviews
annwali biex b’hekk dawn il-benefiċċjarji ma jitilfux mid-dritt tagħhom għal din l-
allowance
minħabba ż-żieda għall-għoli tal-ħajja fid-dħul tal-benefiċċjarji.
Waqt li kien għaddej il-proċess inġibdet l-attenzjoni li setgħu kienu qegħdin joħorġu ittri skorretti u għalhekk id-Dipartiment waqqaf il-ħruġ ta’ dawn l-ittri minnufih. Id-Dipartiment qed jirrevedi l-każijiet kollha biex il-proċess ikun jista’ jitkompla b’mod korrett.
Tajjeb jiġi enfasizzat illi l-ebda benefiċċjarju li fil-preżent qiegħed jirċievi l-Għajnuna Supplimentari ma twaqqaflu l-pagament ta’ din l-
allowance
u dan minħabba li l-proċess imsemmi kif diġà ingħad huwa dwar ir-rati l-ġodda ta’ din l-
allowance
u li għad iridu jidħlu fis-seħħ b’effett mit-tlieta ta’ Lulju li ġej.
Inżid ukoll li d-Dipartiment għandu jibgħat ittra li biha jinforma lil dawk il-benefiċċjarji kollha li rċievew deċiżjoni żbaljata sabiex jinfurmahom bid-deċiżjoni korretta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Assistenti Parlamentari li ħatar, ġewx mogħtija għajnuna segretarjali u amministrattiva, jew inkella humiex jaħdmu bl-impjegati tal-Ministeru li ġew iddentifikati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Assistenti Parlamentari qed jużaw l-assistenza segretarjali u amministrattiva li teżisti fil-Ministeri rispettivi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex impjegati fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu qed jiġu mitluba jimlew skills profile questionnaire?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-impjegati tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali ġew mitluba jissottomettu Skills Profile Form sabiex il-Ministeru jkun jista’ jwieġeb għal żewġ Ċirkularijiet (Numru 20/2009 u Numru 2/2010) maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li bis-saħħa tagħhom qiegħed isir skills audit tal-impjegati kollha tal-Gvern kif stipulat mill-Flexicurity Pathway taħt il-kappa tan-National Reform Programme – 2008-2010.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dawn iċ-ċirkolarijiet in kwistjoni jinsabu ppiblikati fuq l-intranet tal-Gvern iżda biex tkun iffaċilitata r-referenza ,dawn iż-żewġ Ċirkularijiet qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Ħammieri f'Ħal Qormi se jsirilha x-xogħol meħtieġ biex tkun sigura għal min jgħaddi minn hemm bil-mixi u bil-karozza u dan wara li xi snin ilu l-Awtorità dwar it-Trasport kellha diġà pjanijiet dwar x'għandu jsir?
Response (GATT, AUSTIN)
Fil-waqt li nirreferi għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10414, jien infurmat li d-disinni u l-istejjem neċessarji huma lesti. Madankollu, kif intqal fit-tweġiba li semmejt, x-xogħol ikun jista' jsir meta jkunu allokati l-fondi u dejjem skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li l-gvern għandu dwar il-possibilità ta' bini ta' air strip f'Għawdex, kif ukoll ir-rapporti li l-Gvern għandu dwar liema tip ta' aviation carrier jista' jkun vijabbli li jista' jaħdem għal Għawdex?
Jista' jgħid f'liema stadju ta' evalwazzjoni wasal u/jew intlaħqitx xi tip ta' deċiżjoni min-naħa tal-Gvern dwar air strip u x'tip ta' avjazzjoni tista' tintuża għal Għawdex biex tissaħħaħ l-aċċessibilità?
Jista' jgħid jekk il-gvern f'dan l-istadju għamilx studju soċjo-ekonomiku dwar din il-possibilità? Jekk iva, jista' jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13538.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16270 fejn skont il-Ministru l-konsum tal-Lescol f'Għawdex huwa ta' madwar 42,000 pillola fix-xahar. Fix-xahar ta' Frar 2010 kienu ingħataw 47,700 pillola u fl-aħħar ta' Marzu 2010 reġgħu ngħataw 28,500 pillola oħra mill-Governmental Pharmaceutical Services, jiġifieri l-provvista ta' Lescol li l-Governmental Pharmaceuical Services taw lill-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex għal xaharejn (Frar u Marzu) tammonta għat-total ta' 76,200. Jekk skont il-Ministru l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għandu bżonn ta' 84,000 pillola u d-differenza fl-ammont hija ta' 7,800, min ma ngħatax dak li kien intitolat għalih, se jingħata d-differenza tal-ammont li baqgħalu jieħu? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk fin-negativ, għaliex le? Il-pubbliku Għawdxi kif ikun jaf li wasal il-Lescol billi jmur kuljum jistenna fil-kju, jew forsi billi jistaqsi lil xi ħadd fil-Ministeru għal Għawdex? Min ma jagħmlix hekk, jibqa' b'xejn bħalma ġara s'issa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pubbliku jkun jaf li waslu l-pilloli billi jew iċempel l-ispiżerija tal-isptar t'Għawdex jew jiġi personalment l-ispiżerija biex jistaqsi. L-aħħar stock ta' Fluvastatin (il-mediċina li hemm fil-pilloli Lescol) li ngħata mill-Governmental Pharmaceutical Services kienu Fluvastatin 20mg u mhux Fluvastatin 40mg. L-ammont li ngħata kien ta' 8550 pillola. L-aħħar informazzjoni li tawna l-Governmental Pharmaceutical Services hija li s'issa m'għandhom l-ebda data meta mistenija jaslu l-pilloli Fluvastatin 40mg.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin:
[a] iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittra uffiċċjali li bagħat lill-Gvern Izraeljan dwar il-każ tat-tfajla Maltija li ġiet feruta minn suldati Iżraeljani fil-Gaza?
[b] jgħid jekk il-Gvern Malti hux jinsisti li l-Gvern Iżraeljan għandu jniedi inkjesta u jagħti konkluzjonijiet kredibbli ta' dak li seħħ?
[c] jghid jekk il-Gvern Iżraeljan skużax ruħu għal dak li seħħ lil din iċ-ċittadina Maltija?
[d] jippubblika l-ittra sħiħa ta' protesta li bagħat l-Ambaxxatur Malti f'Iżrael?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ħadd 25 ta’ April 2010, is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħi avżat lill-Ambaxxatur ta’ Malta għal Izrael li ridt issir protesta formali mal-Awtoritajiet Iżraeljani dwar il-każ ta’ Bianca Zammit.
In-
Note Verbale
li ntbagħat lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f'Ġerusalem, il-Ħadd filgħodu kienet “tirriferi għall-inċident ġewwa El Megħażi fil-Meddha ta’ Gaza, liema inċident ġie kampjament rrappurtat kemm fl-istampa lokali kif ukoll f'dik barranija, u li fiħ numru ta’ dimonstranti sfaw mweġġa minn tiri sparati mill-Forzi Armati Iżraeljani………….tiddeplora u tikkundanna bil-qawwa kollha l-isparar li sar mill-Forzi Armati Iżraeljani fuq iċ-ċittadina Maltija, Bianca Zammit, attakk bla ebda raġuni, li fih is-Sinjorina Zammit, sfat milquta f’kuxtejha waqt li kienet tiffilmja id-demostrazzjoni u kellha tittieħed l-isptar”.
L-Ambaxxata ta’ Malta tenniet li “tistenna li ssir investigazzjoni sħiħa fuq dan l-inċident reprovevoli li seta’ wassal għal konsegwenzi ħafna aktar serji”.
It-Tnejn, 26 ta’ April, Ambaxxatatur ta’ Malta għal Izrael informa bil-miktub lill-Presidenza Spanjola u lill-Ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea f’Tel Aviv b’partijiet minn
Note Verbale
ta’ protesta u kundanna. Il-Presidenza Spanjola irrispondiet li kienet ser tinforma lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Iżraeljan u li tistenna li t-talba ta’ Malta għal investigazzjoni tiġi milqugħa.
It-Tlieta, 27 ta’ April, l-Ambaxxatur ta' Malta għal Iżrael mar Ġerusalem fejn kellu laqa’ ġewwa il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Huwa għadda bl-idejn in-
Note Verbale
ta’ protesta u talab spjegazzjoni. L-Ambaxxatur ta’ Malta ġie assikurat li inċident bħal dan qatt ma messu nqala', li l-protesta tiegħu kienet leġittima, u ġie mwiegħed li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Iżraeljan kien sejjer jitlob kjarifika mill-Forzi Armati.
Ambaxxatur ta’ Malta kellu laqgha ġewwa l-Knesset, il-Parlament Iżraeljan, mad-Deputata Orli Levi-Abekasis, ‘
Chair
’ tal-Grupp ta’ membri tal-Knesset li jagħmlu parti mill-Għaqda Parlamentari ta’ Ħbiberija Iżrael-Malta. L-Ambaxxatur ta’ Maltia qajjem il-każ ta’ Bianca Zammit u rrefera għan-
Note Verbale
ta’ kundanna tal-Gvern Malti. Is-Sinjura Levi-Abekasis esprimiet is-simpatija tagħha lejn Bianca Zammit u, waqt li tenniet li inċident bħal dan qatt ma messu nqala, qalet li kienet sejra issegwi mill-qrip it-talba ta’ Malta għal investigazzjoni.
It-Tlieta filgħaxija l-Ambaxxatur ta' Malta iltaqa’ ukoll mal-Presidenza Spanjola u mal-Ambaxxatur tal-UE għal Izrael. Il-Presidenza tenniet li kienet sejra titlob spjegazzjoni mill-awtoritajiet Iżraeljani.
It-Tlieta wkoll is-Segretarju Permanent fil-Ministeru tiegħi kellha laqgħa ma’ l-Ambaxxatur ta’ l-Israel għall-Malta fejn wasslet l-istess messaġġ ta’ protesta u wkoll is-sejħa għal investigazzjoni fuq l-inċident.
Ninsab infurmat mill-Ambaxxatur ta’ Malta, li kif kien imwiegħed, l-Erbgħa, 28 ta’ April saret laqgħa tal-Kapijiet tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, Ġerusalem, li iddeċidew li ssir investigazzjoni sħiħa fuq l-inċident.
Il-Ħamis, il-Presidenza Spanjola ikkonfermat li l-Awtoriatajiet Iżraeljani nfurmawha li qed issir investigazzjoni sħiħa.
L-Ambaxxatur ta’ Malta se jkompli jinfurmani bi zviluppi.