Legislature:
Category:
Reset
Active:

Powerboat Racing — tħabbir tard tal-avveniment

Question

Jista' l-Prim Ministru jghid għaliex l-Awtorità tart-Turiżmu ta' Malta ħabbret l-avveniment tal-Powerboat Racing li se jsir bejn il-11 u t-13 ta' Ġunju, fit-3 ta' Ġunju, jiġifieri daqshekk tard? Jista' jgħid, jekk dan l-avveniment hux se jtellef avvenimenti oħra li ilhom ippjanati u li għalihom ġew inċentivati turisti eċċ. biex jiġu Malta? Jista' jagħti elenku ta' l-attivitajiet li huma ppjanati li jsiru f'dan il-perjodu fil-portijiet ta' Marsamxett u l-Port il-Kbir u li ġew ippjanati minn żmien ferm qabel mis-settur privat u li jistgħu b'konsegwenza ta'din l-attività tal-Powerboat Racing li tħabbret daqshekk tard, jitilfu n-negozju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Refresher course ta' gwardjani lokali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk tafx li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ filwaqt li tinforma lil dawk li jistaqsu biex jagħmlu refresher course ta' gwardjani lokali li mhix qed torganizzah hi, qed tirreferihom għand kumpaniji privati li qed jorganizzawh? Tista' tgħid jekk din id-deċiżjoni tteħditx f'kuntest anke ta' dawk li m'għandhomx mezzi finanzjarji biex iħallsu għal dan il-kors privatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ m'hijiex qed toffri il-programm imsemmi minħabba nuqqas ta' Trejners għal suġġetti partikolari. F’dawn l-aħħar xhur il-Korporazzjoni ftit li xejn kellha talbiet biex torganizza dan il-kors u m'hijiex qed tirreferi lil dawk li jistaqsu biex jagħmlu refresher course ta' gwardjani lokali għand kumpaniji privati li qed jorganizzawh. Fil-ġimgħat li ġejjin il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ se terġa’ toħroġ sejħa għat-trejners meħtieġa għal dan il- course.

Refresher course tal-Private guards

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ mhix torganizza r-refresher courses tal-Private Guards u li b'konsegwenza għal dawk li m'ghandhomx mezzi finanzjarji biex jagħmluh privat qed jitilfu l-liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija numru 18113.

ETC — refresher courses tal-gwardjani lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ mhix tagħmel ir-refresher courses tal-gwardjani lokali u li għaldaqstant dawk li jixtiequ jagħmlu dan il-kors, iżda m'għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jagħmluh, qed ikunu nfurmati mill-Kummissarju tal-Pulizija li jridu jirritornaw il-karta li tidentifikahom bħala Gwardjani Lokali? Jista' jgħid għaliex qed jittieħdu dawn il-passi meta fi snin ta' qabel ġieli kien il-każ li r-refresher courses tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ kienu jdumu ma jsiru u għaldaqstant il-Kummissarju tal-Pulizija kien jaċċetta li l-persuni konċernati ma jitilfux din il-liċenzja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Għar-rigward il-parti tad-domanda li tirrigwarda l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Ninsab infurmat li l-persuni li kienu naqsu milli jġeddu l-liċenzja ta' Gwardjani Lokali rċevew avviż mill-Korp tal-Pulizija fuq dan u nġibditilhom l-attenzjoni tagħhom għal dak stabilit fl-Artikolu 4 (2) tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 389.02 tar-Regolamenti dwar Gwardjani Lokali.

Sptar Mater Dei — overtime fis-Central Sterile Service Department

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li bihom jintgħażlu n-nies biex jagħmlu l-overtime fid-Dipartiment tas-Central Sterile Service fl-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-overtime jintuża biss fejn jirriżulta li jkun hemm kazi ta’ sick leave jew nuqqas ta' nies f’każ ta’ żieda fix-xogħol. Meta jkun hemm din il-ħtieġa ta’ overtime, il-ħaddiema fid-Dipartiment tas-Central Sterile Service jiġu allokati l-istess ammont ta’ sigħat, ovvjament kemm huma jkunu disponibbli li jagħmlu overtime, fuq bazi ta’ rotazzjoni. Biex ħaddiem jintalab jagħmel l-overtime aktar minn ħaddieħor ir-raġuni tkun jew għax min imissu jirifjuta jew ma jkunx jista’ jagħmel l-overtime, jew inkella r-raġuni tkun purament ta’ natura teknika jew amministrattiva.

tħarbit fin-negozju minħabba l-żbroff tal-vulkan fl-Islanda

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iltaqax mal-istakeholders fil-qasam tat-turiżmu biex jiddiskuti magħhom it-tħarbit fin-negozju minħabba l-iżbroff tal-vulkan fl-Islanda? Jekk iva, min iltaqa' magħhom min-naħa tal-gvern u x'kien l-andament tal-laqgħa jew laqgħat? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għamilx kalkolu tat-telf min-negozju tat-turiżmu b'effett ta' dan? Jekk iva, kemm huwa stmat dan it-telf? Jekk le, se jagħmel dan il-kalkolu? Il-gvern se jagħti xi xorta ta' kumpens lil dan is-settur li qala' daqqa oħra fi żmien meta n-negozju kien diġà dgħajjef minħabba l-kriżi internazzjonali ekonomika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li matul il-kriżi, s-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, Ambjent u Kultura laqqa’ l-istakeholders prinċipali fosthom l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Linja Nazzjonali l-Air Malta, l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) u l-Federazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar (FATTA). Il-partijiet kollha żammew lil xulxin aġġornati bl-iżviluppi u nħarġu direttivi dwar kif turisti li ġew milquta mill-kriżi għandhom jiġu trattati. Abbażi ta’ informazzjoni miġbura l-Awtoritajiet ħarġu stima ta’ kemm intilfu ljieli tat-turisti kif ukoll it-tnaqqis fl-infieq li seħħ b’riżultat ta’ dan. Skont din l-istima matul il-perjodu li kien hemm restrizzjonijiet fl-ispazju tal-ajru Ewropew, Malta tilfet madwar 90,000 lejl turistiku. L-infieq tat-turisti li tilfet Malta b’din il-kriżi kien stmat li jlaħħaq l-€10 miljun. Din il-kriżi ġiet fiż-żmien meta l-industrija tat-turiżmu ta’ pajjiżna bdiet ħierġa mill-kriżi kawżata mir-riċessjoni ekonomika internazzjonali. Il-Gvern ħa numru ta’ miżuri biex jegħleb din il-kriżi, miżuri li qed jidher li qegħdin iħallu l-frott mixtieq. Il-Gvern qed iżomm ruħu aġġornat fuq is-sitwazzjoni u kif għamel fil-passat lest jieħu l-miżuri skont il-bżonn.

Environmental Impact Assessments — noise pollution u emissions

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx environmental impact assessment, inkluż għal noise pollution u emissions, fuq il-madwar tal-hangar eżistenti u dak li qed jinbena għal manutenzjoni tal-ajruplani, viċin Ħal Safi, Ħal Kirkop u anke l-Kulleġġ ta' San Benedittu? Jekk sar jista' jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, xi kriterji intużaw biex ikun assigurat li l-familji, studenti u immigranti li jgħixu fil-madwar, ma tkunx effettwata negattivament is-saħħa mentali u fiżika tagħhom, il-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-valur tal-proprjetà taghhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità preżentament qed tqis il-merti ta’ dan il-każ.

Ħal Luqa — Ħal Farruġ - dawl meħtieġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iridu jgħaddu aktar snin biex Triq Ħal Farruġ, f'Ħal Luqa isirilha d-dawl meħtieġ, biex ir-residenti ta' dan ir-raħal żgħir, ma jibqgħux jgħixu qishom fi żmien il-black out tal-gwerra, u dan b'għadd ta' riskji? Jista' jgħid jekk l-Korporazzjoni Enemalta għaddietx is-servizz tad-dawl għal pjazza ta' Ħal Farruġ li tinsab bejn il-ħames blokki ta' appartamenti li hemm u li minħabba n-nuqqas ta' dawl, ir-residenti qed jiffaċċjaw ħafna perikoli u vandaliżmu?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Pjazza ta' Ħal Farruġ — siġar

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-inizjattiva permezz tad-dipartiment relevanti biex jitħawwlu ftit siġar fil-Pjazza ta' Ħal Farruġ li għandha konki tas-siġar vojta u li ilhom hekk madwar sitt snin? Jista' jieħu wkoll l-inizjattiva biex l-istruttura tal-funtana li hemm fin-nofs ta' din l-istess pjazza titnaddaf u titħaddem, biex ma tibqax qisha miżbla żgħira f'nofs din l-area residenzjali u żvog għat-tfal u ż-żgħażagħ residenti hemmhekk?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi s-sit li qed tirreferi għalih l-Onor Interpellant jaqa taħt ir-responsabiltà tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Luqa.

Transport Malta — periklu fi Triq Wied in-Noqor f'Ħal Farruġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Transport Malta se tieħu passi biex tneħħi l-periklu li hemm għas-sewwieqa u għal kulmin jgħaddi bil-mixi minn tarf Triq Wied in-Noqor f'Ħal Farruġ, fuq in-naħa tal-Kapella, u dan peress li din hija triq tassew dejqa u wkoll peress li hemm siġar eċċ. li kibru u li qed jgħattu l-vista ta' kulmin jgħaddi minn hemm? Meta din il-blind corner se tkun irranġata kif jixraq biex jitneħħa l-periklu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Farruġ — area residenzjali - klieb li jiġru barra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx saru spezzjonijiet fl-area residenzjali ta' Ħal Farruġ biex l-għadd ta' klieb jiġru barra u li qed jgħixu f'kundizzjonijiet ħżiena iżda wkoll qed joffru periklu għar-residenti speċjalment it-tfal, jiġu maqbuda u jittieħdu f'xi shelter li jkun addattat għalihom? Jekk le, għaliex? Jekk iva, x'sar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi fl-area indikata mill-Onor Interpellant saru ħames spezzjonijiet mis-sezzjoni tal-Animal Welfare mill-bidu ta’ din is-sena. F’każ minnhom kelb intbagħat f’santwarju tal-klieb wara li ngħata kura meħtieġa. F’każ ieħor kelb li kien mitluf inġabar u ingħata lill-sidu. F’każ ieħor, persuna ġiet mwissija biex ma jħallix klieb jiġru barra. Kien hemm ukoll rapport ieħor ta’ klieb jiġru barra imma wara spezzjoni li saret, l-ispetturi ma sabu xejn. Sadanittant irid jingħad li s-sezzjoni tal-Animal Welfare qatt ma rċeviet rapporti mill-pulizija dwar xi periklu li jista jkun hemm fuq residenti u/jew tfal fiż-żona minħabba xi klieb.

Ħal Farruġ — persuni li jżommu klieb jiġru barra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qatt ma ttieħdu passi kontra min qiegħed iżomm klieb jiġru barra, f'Ħal Farruġ, minkejja l-għadd sostanzjali ta' rapporti li saru fl-Għases ta' Ħal Luqa u Raħal il-Ġdid u dan peress li dawn il-klieb qed jippreżentaw periklu, kemm għall-adulti u aktar u aktar għat-tfal tar-residenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex dawn il-klieb jinġabru. Infurmat ukoll illi hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qorti kontra persuna li ġiet identifikata li kienet qed tħalli l-klieb jiġġerrew barra fit-triq.

Art tal-Gvern fit-Triq Wied in-Noqor f'Ħal Farruġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'titolu għandu l-individwu li qed jokkupa art tal-gvern fit-tarf tat-Triq Wied in-Noqor, f'Ħal Farruġ, li tiġi fuq in-naħa tal-Kappella fejn illum hemm niċċa tal-Madonna? Meta ingħata dan it-titolu? Xi kriterji intużaw biex ingħata dan it-titolu? Jekk ma ngħatax ebda titolu, kif ma ittieħdux passi u dan għaliex dak li sar fuq din il-biċċa art ħoloq perikolu għas-sewwieqa li jgħaddu mit-triq dejqa li ddawwar din il-parti ta' din l-art?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Luqa — dawl imwaħħal mal-Iskola Primarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jinxtgħel id-dawl li ilu mitfi għal dawn l-aħħar xahrejn jew tlieta, li jinsab imwaħħal mat-tieni sular tal-Iskola Primarja ta' Ħal Luqa fuq in-naħa tal-Kindergarten u dan minħabba l-periklu li hemm kemm għall-iskola nnifisha kif ukoll għar-residenti li jgħixu f'dawk l-inħawi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nġiebdet l-attenżjoni tal-iskola li kien hemm xi bozoz maċ-ċinta’ tal-bejt tal-iskola li ma kienux qegħdin jixgħelu.

Air Malta — Cabin crew

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kif filwaqt li fl-Air Malta qed jingħad li l-ingaġġ ta' 18-il persuna li kienu jaħdmu fuq bażi temporanja bħala Cabin Crew u issa ġew ingaġġati b'kuntratt indefinit, kien żball amministrattiv, kif il-UHM permezz ta' press release bid-data tat-18 ta' Mejju 2010 bit-titolu 'Ftehim bejn l-UHM u l-Air Malta dwar Ħaddiema fis-Sezzjoni tal-Cabin Crew', qed jiġi mistqarr pubblikament li: 'F'dawn iċ-ċirkostanzi t-Taqsima għamlet diversi rappreżentazzjonijiet mal- management tal-Air Malta kif ukoll talbet lid-Direttur fid-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, it-tabib li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, biex jintervjeni dwar din is-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema'; b) min qed jgħid il-verità, dak li qed jintqal mill-management tal-Air Malta jew dak li ppubblikat il-UHM; ċ) kif l-Air Malta ddiskutiet il-każ tal-Cabin Crew mal-UHM u mhux mal-Union of Cabin Crew li hija l-union leġittima li tirrappreżenta lil din is-sezzjoni ta' ħaddiema fl-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Air Malta — impjegati temporanji

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod ġew magħżula u ngaġġati 18-il ħaddiema li kienu impjegati temporanji bħala cabin crew mal-Air Malta fuq bażi ta' kuntratt indefinit? Xi kriterji ntużaw? Sar xi eżami u/jew intervista? Kemm kienu ilhom ingaġġati mal-Air Malta fuq bażi temporanja dawk magħżula jiġifieri mil-liema sena? Kemm fil-fatt l-Air Malta għandha ħaddiema impjegati fuq bażi temporanja bħala cabin crew b'kollox u li ma ġewx ingaġġati fuq l-istess bażi ta' kuntratt indefinit? Dawk li ma ġewx magħżula, kemm ilhom jaħdmu mal-kumpanija fuq bażi temporanja, jiġifieri mil-liema sena?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi — overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm impjegati mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li ilhom ma jitħallsu għall-overtime sa' minn Novembru 2009? Jista' jgħid meta se jsir dan il-ħlas pendenti u pendenzi oħra ta' overtime li hemm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi d-dewmien biex issir il-ħlas pendenti tal-overtime li qed tirreferi għalih l-Onor. interpellant hu dovut minħabba li ma ġietx segwita l-proċedura stabilita meta saret it-talba. Il-ħlas isir wara li l-proċeduri stabbiliti jkunu segwiti.

Environmental Impact Assessments — noise pollution u emissions

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx environmental impact assessment, inkluż għal noise pollution u emissions, fuq il-madwar tal-hangar eżistenti u dak li qed jinbena għal manutenzjoni tal-ajruplani, viċin Ħal Safi, Ħal Kirkop u anke l-Kulleġġ ta' San Benedittu? Jekk sar jista' jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, xi kriterji intużaw biex ikun assigurat li l-familji, studenti u immigranti li jgħixu fil-madwar, ma tkunx effettwata negattivament is-saħħa mentali u fiżika tagħhom, il-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-valur tal-proprjetà taghhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

VAC Therapy

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-VAC therapy li kien jingħata fl-Isptar Mater Dei hux se jkompli jingħata lill-pazjenti li jeħtieġuh? Jista' jgħid min kien qed jieħu l-ħlas għal din it-terapija li kienet qed tingħata lil xi pazjenti, jekk hux il-gvern jew xi ħadd privat? Jekk kien il-privat, min kien? Jekk kien il-privat, kienx qed jieħu l-ħlas bl-approvazzjoni tad-Dipartiment/Ministeru tas-Saħħa? Jekk ma kienx bl-approvazzjoni tad-Dipartiment/Ministeru, jista' jgħid jekk hux qed issir inkjesta? Jekk qed issir inkjesta, x'kien ir-riżultat tagħha? Jekk mhix qed isir inkjesta, jista' jgħid jekk hux se ssir waħda? Jekk il-ħlas ma kienx bl-approvazzjoni, se jingħata refund lura lill-pazjenti li kellhom jużawh?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-Isptar Mater Dei kien qed joffri s-sistema ta’ kura tan-Negative Pressure Treatment b’xejn lil numru ristrett ħafna ta’ pazjenti. Ix-xiri tal-materjal sabiex jiġu kkurati dawn il-pazjenti kien sar permezz ta’ direct order. Minħabba li l-indikazzjonijiet klinici li għalihom setgħu jintużaw dawn is-sistemi ta’ kura ġew estiżi, kiber sostanzjalment in-numru ta’ pazjenti li setgħu jingħataw din il-kura. Għaldaqstant l-Isptar Mater Dei kellu jwaqqaf dan is-servizz sakemm jinxtraw il-materjali meħtieġa permezz ta’ tenders pubbliċi. Il-process tat-tenders wasal fi stadju avvanzat. Is-servizz ikompli jingħata b’xejn lil dawk intitolati meta jaslu l-materjali meħtieġa. Bħalissa, xi pazjenti qed jagħżlu li jixtru din it-terapija mingħand l-agenti privatament u din tiġi amministrata fl-Isptar Mater Dei. Din hija tranżazzjoni privata bejn il-pazjent u kumpanija privata u għalhekk ma tidħolx l-approvazzjoni tad-Dipartiment jew Ministeru tas-Saħħa. Id-Dipartiment talab li ssir inkjesta sabiex jiġu investigati b’aktar dettal l-allegazzjonijiet li saru f’wieħed mill-ġurnali lokali reċentement.