Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18013 u jgħid kemm iridu jgħaddu aktar snin biex Triq Ħal Farruġ, f'Ħal Luqa isirilha d-dawl meħtieġ, biex ir-residenti ta' dan ir-raħal żgħir, ma jibqgħux jgħixu qishom fi żmien il-black out tal-gwerra, u dan b'għadd ta' riskji? Jista' jgħid jekk l-Korporazzjoni Enemalta għaddietx is-servizz tad-dawl għal pjazza ta' Ħal Farruġ li tinsab bejn il-ħames blokki ta' appartamenti li hemm u li minħabba n-nuqqas ta' dawl, ir-residenti qed jiffaċċjaw ħafna perikoli u vandaliżmu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l–provvista tad-dawl tat-toroq hija responsabbiltà tal-Kunsill Lokali. S’issa l-Enemalta m’għandha l-ebda talba biex tipprovdi provvista tal-elettriku għad-dwal tat–toroq u fl-inħawi msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern rigward il-futur tal-ground handling department tal-Air Malta? Veru dak li qed jintqal li l-gvern għandu l-pjan li jnaqqas b'18% il-pay roll tal-ground handling department? Jista' jgħid jekk hemmx xi pjan li jitnaqqsu l-impjegati minn dan id-Dipartiment, u/jew mill-Air Malta in ġenerali? Jekk iva, b'liema mod jiġifieri permezz tal-VRS jew early retirement scheme jew redundancies?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18363.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux fi ħsiebu li jnaqqas in-numru ta' ajruplani mill-flotta tal-Air Malta? Jekk iva, b'kemm se jitnaqqsu? Jekk se jonqsu l-ajruplani, dan se jkun iffisser li l-Air Malta se tnaqqas l-impjegati? Jekk iva, b'kemm? Jista' jgħid jekk l-Air Malta għandhiex il-ħsieb li tixtri xi ajruplani? Jekk iva, kemm se tixtri ajruplani? Jekk iva, liema ajruplani, dawk li għandha diġà mikrija? Jekk le x'tip ta' ajruplani? Jekk iva, kemm se tkun l-ispiża għall-Air Malta u b'liema mod din l-ispiża se tkun finanzjata? Se jkun hemm għajnuna diretta mill-gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Air Malta bħalissa qiegħda tikkonċentra fuq il-pjanijiet u l-istrategija li l-Gvern qiegħed jieħu mal-Kummissjoni ta’ l-EU fuq il-pjan ta’ rikapitalizazzjoni tal-Kumpanija.
Fi kwalunkwe każ iżda, għandu jiġi nnotat illi l-informazzjoni mitluba (anke kieku verament kellha tkun parti mill-istrateġija tal-Kumpanija) hija kummerċjalment sensittiva, u l-publikazzjoni tagħha tagħti vantaġġi kbar lill-kompetituri tal-Air Malta.
Air Malta — Ground Handling Department - tnaqqis ta' pagi u impjegati
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' dak li ġie propost mill-Management tal-Air Malta, jiġifieri, iċ-Chairman u s-CEO, fil-laqgħa li saret fit-3 ta' Ġunju 2010 mat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU, jiġifieri dwar it-tnaqqis tal-pagi bi 18% u t-tnaqqis fl-impjegati ta' 94 persuna mill-ground handling department?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ċ-Chairman u CEO ta’ l-Air Malta iltaqgħu ma diversi delegati tal-GWU li jirraprezentaw il-ħaddiema u tawhom preżentazzjoni b’cifri dettaljati li juru l-ispejjeż tal-Ground Operations Department tal-kumpanija. Dawn l-ispejjeż ifissru, li l-Air Malta tonfoq iżjed flus biex tagħmel “handling” lilha nnfisa f’Malta milli kemm jiswilha f’ajruporti ewlenin barra min Malta. Ma jistawx jingħataw dettalji ta’ affarijiet li għadhom ma ġewx proposti.
Id-distakk bejn dak li tħallas l-Airmalta f’Malta komparat ma ajruporti ewlenin barra huwa daqs kemm jammontaw 18% fil mija tal-pagi kollha li jitħallsu lill impjegati tal Ground handling jew il-paga kollha ta 94 impjegat (fis-sezzjoni). Huwa ovvju li dan l-eżempju intuża biss biex wieħed jasal għall komputazzjoni taċ-ċifra b’mod matematiku.
Central Authority tal-Adozzjoni — private adoption
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex mis-Central Authority tal-Adozzjoni qed jingħad li l-private adoption hija llegali f'Malta? Tista' tidentifika minn liema leġislazzjoni joħroġ dan il-punt?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-private adoptions ta’ tfal Maltin minn koppji Maltin fejn m’hemmx l-element intercountry jistgħu jsiru. Fil-każijiet ta’ intercountry adoptions, jiġifieri li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed, bilfors iridu jsiru permezz tal-Awtorità Ċentrali u tgħaddi lill-Awtorità Ċentrali tal-pajjiz l-ieħor. L-Awtoritajiet jaqblu fuq il-fatt illi l-minuri jiġi ttrasferit mill-pajjiż tal-oriġini għall-pajjiż riċevitur.
Ċittadini Maltin li jadottaw tfal minn barra minn Malta
Question
Tista' l-Ministru tgħid minn liema pajjiżi huwa possibli li ċ-ċittadini Maltin jaddottaw? Minn liema pajjiżi matul dawn l-aħħar sitt snin ġew adottati t-tfal, kemm ġew adottati sena b'sena u minn liema pajjiż?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Iċ-ċittadini Maltin jistgħu jaddottaw minn kull pajjiż sakemm ikun hemm qbil bejn il-proċeduri ta’ l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta u ta’dak il-pajjiż minn fejn tkun se ssir l-adozzjoni.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm ġew adottati tfal matul dawn l-aħħar 6 snin, sena b’sena inkluż 2010 u minn liema pajjiż.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex koppji jaddottaw? Tista' tispjega għaliex il-Bord tal-Adozzjoni ma jitrattax l-approvazzjoni b'mod kronoloġiku, jiġifieri ta' dawk li l-proċedura tkun lesta kollha wara xulxin u dan għaliex hemm każijiet li ġew trattati qabel oħrajn, minkejja li l-oħrajn lestew il-proċedura qabilhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Hemm 13-il applikazzjoni pendenti fil-waiting list tal-Bord tal-Adozzjoni.
Il-Bord tal-Adozzjoni dejjem ra l-każijiet skont kif waslu r-rapporti mill-Aġenzija Appoġġ. Jiġifieri, meta dawn ir-rapporti jaslu għand is-segretarja, dawn jiġu rreġistrati, datati u mogħtija numru. Ir-rapporti b’hekk dejjem ġew diskussi kronoloġikament.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17614 u jgħid:
a) kif filwaqt li fl-Air Malta qed jingħad li l-ingaġġ ta' 18-il persuna li kienu jaħdmu fuq bażi temporanja bħala Cabin Crew u issa ġew ingaġġati b'kuntratt indefinit, kien żball amministrattiv, kif il-UHM permezz ta'
press release
bid-data tat-18 ta' Mejju 2010 bit-titolu 'Ftehim bejn l-UHM u l-Air Malta dwar Ħaddiema fis-Sezzjoni tal-Cabin Crew', qed jiġi mistqarr pubblikament li: 'F'dawn iċ-ċirkostanzi t-Taqsima għamlet diversi rappreżentazzjonijiet mal-
management
tal-Air Malta kif ukoll talbet lid-Direttur fid-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, it-tabib li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, biex jintervjeni dwar din is-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema';
b) min qed jgħid il-verità, dak li qed jintqal mill-management tal-Air Malta jew dak li ppubblikat il-UHM;
ċ) kif l-Air Malta ddiskutiet il-każ tal-Cabin Crew mal-UHM u mhux mal-Union of Cabin Crew li hija l-union leġittima li tirrappreżenta lil din is-sezzjoni ta' ħaddiema fl-Air Malta?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17496 u jgħid b'liema mod ġew magħżula u ngaġġati 18-il ħaddiema li kienu impjegati temporanji bħala cabin crew mal-Air Malta fuq bażi ta' kuntratt indefinit? Xi kriterji ntużaw? Sar xi eżami u/jew intervista? Kemm kienu ilhom ingaġġati mal-Air Malta fuq bażi temporanja dawk magħżula jiġifieri mil-liema sena? Kemm fil-fatt l-Air Malta għandha ħaddiema impjegati fuq bażi temporanja bħala cabin crew b'kollox u li ma ġewx ingaġġati fuq l-istess bażi ta' kuntratt indefinit? Dawk li ma ġewx magħżula, kemm ilhom jaħdmu mal-kumpanija fuq bażi temporanja, jiġifieri minn liema sena?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li l-Air Malta tat performance bonus lil xi uffiċjali tagħha? Jekk iva, liema u lil min ingħata? Jekk iva, kemm u x'kien l-ammont li ngħata lil uffiċjali involuti rispettivament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-passat l-Air Malta tat Performance Bonus skont il-kuntratt ta’ l-impieg li għandha mal-Management tal-Kumpanija fuq bażi individwali. Din is-sena il-Performance Bonus ma nagħtax.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-management ta' l-Air Malta, ħadu jew se jieħdu jew il-VRS (voluntary redundancy scheme) jew l-early retirement scheme matul dawn l-aħħar xhur, jiġifieri minn Jannar 2009 sa Ġunju 2010? X'kienu t-terminal benefits li ngħataw lil dawn l-uffiċjali, jiġifieri f'kumpens pekunari u/jew leave u/jew kumpens ieħor u/jew fringe benefits?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 20 mill-management ta’ l-Air Malta li ħadu VRS jew Early Retirement Scheme.
Għall-gradi għolja l-iskema tal- VRS kienet ekwivalenti għal xahar paga għal kull sena servizz sakemm dan l-ammont ma jaqbiżx il-paga li jkunu se jieħdu mindu ħadu l-VRS u s-sena ta’ l-irtirar.
Għall-gradi oħra kien hemm limitu ukoll ta’ €58,000.
Il-pagamenti tal-Early Retirement Scheme ivarjaw min 55 fil-mija sa 70 fil-mija tal-paga bażika fix-xahar. Dan jitħallas kull xahar sakemm l-impjegat jirtira.
Dipartiment tal-VAT — taxxa mhux mħallsa - nies il-ħabs
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jaqbillux jaċċetta li dawk li għandhom x'jagħtu lid-Dipartiment tal-VAT u li jiġu ssentenzjati mill-Qorti biex iħallsu dak li hu dovut u l-multi straordinarji, jingħataw l-opportunità mill-Qorti li jħallsu fuq bażi ta' pagamenti milli jiġu mitfugħa l-ħabs? Kemm qed jiswa lill-gvern kull gurnata li persuna li kellha tagħti lid-Dipartiment tal-VAT u ġiet issentenzjata l-ħabs? X'tiswa lil Gvern jekk persuna li għandha tagħti, tingħata l-opportunità li tħallas b'sistema ta' pagamenti, abbażi ta' persentaġġ? Qiegħed jieħu in konsiderazzjoni il-gvern li persuni li għandhom jagħtu lid-Dipartiment tal-VAT u ġew issentenzjati l-ħabs mingħajr ma ingħataw l-opportunità li jħallsu b'sistema ta' pagament, meta jiġu mitfugħa l-ħabs biex jiskontaw is-sentenza, dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jaħdmu u b'konsegwenza li l-gvern ikollu joħroġ benefiċċju soċjali lill-familja tiegħu? Kemm fil-fatt qed jiswew lill-gvern il-familji ta' persuni li bħalissa qegħdin il-ħabs jiskontaw sentenzi bħal dawn, f'termini ta' benefiċċji soċjali, l-ammonti skont il-benefiċċji mogħtija?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
kors ta' taħriġ għal Kuntistabbli — applikazzjoni li tirrikjedi t-tul tal-applikant
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fir-regolamenti għall-applikazzjoni għal dħul fil-kors ta' taħriġ għal Kuntistabbli rġiel u nisa, regolament nru 2 (i) (b) qed jistabbilixxi t-tul tal-persuna? Jista' l-Ministru jgħid jekk fi ħruġ ta' applikazzjonijiet preċedenti dan ir-regolament kienx jeżisti? Jekk le, għaliex daħal issa? Jekk iva, qatt ġie kkunsidrat li regolament bħal dan jaqta' kontra dawk li huma ta' tul anqas, iżda għandhom l-abilità intellettwali biex ikunu kuntistabbli denji għal pajjiżna?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li r-rekwiżit tat-tul għal dħul fil-Korp tal-Pulizija huwa element importanti kemm għad-dehra kif ukoll għan-natura tax-xogħol tal-Pulizija. Fil-fatt it-tul m’huwiex ristrett biss għall-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, iżda jintalab ukoll minn bosta forzi tal-Pulizija ta’ pajjiżi Ewropej. Infurmat ukoll illi r-rekwizit tat-tul kien ukoll inkluż fl-aħħar reklutaġġ li sar is-sena l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu kriterji li fuqhom intgħażlu dawk li ġew impjegati mad-Dipartiment tas-Central Sterile Service u li ġew imsejħa għall-interview fl-24 ta' Marzu 2010? Jista' jaċċerta li kulmin ġie impjegat kellu ċ-ċertifikat tas-City & Guilds għaliex għamel id-disa' xhur kors kif kien mitlub fis-sejħa għall-applikazzjoni? Jista' jgħid għaliex tħallew barra tnejn minn dawk li applikaw? X'kienet ir-raguni? Xi kriterji intużaw biex intgħażlu dawk li ġew impjegati?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Central Sterile Service Department — Allegazzjonijiet u investigazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjoni saret fuq l-allegazzjonijiet li saru permezz ta' ittra li ntbagħtet lill-Principal tal-Isptar u lid-Direttur, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, dwar dak li qed jiġri fis-Central Sterile Service Department? Jekk saret investigazzjoni, jista' jgħid jekk ġewx ikkonfermati xi allegazzjonijiet? Jekk iva, x'passi ttieħdu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nikkonferma li saret inkjesta amministrattiva dwar allegazzjoonijiet ta’ abbużi fis-Central Sterile Service Department. Għalkemm ma ġiet ikkonfermata ebda allegazzjoni, inġibdet l-attenzjoni sabiex ċertu prtattiċi amministrattivi jitjiebu.
Central Sterile Service Department — attendenza tal-ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx ittieħdu passi kontra impjegati li jaħdmu fis-Central Sterile Service Department u li jitilqu siegħat qabel jispiċċa l-ħin tax-shift, inkluż u partikolarment fil-ġurnata tal-Ħadd u jiffirmaw l-attendance sheet xorta waħda bħallikieku ħadmu s-sigħat kollha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fid-Dipartiment tas-Central Sterile Service, kull min jitlob biex jitlaq mill-istess dipartiment qabel il-ħin stipulat, inkluż il-Ħadd, jitnaqqsulu s-sigħat mit-time in-lieu (TIL) jew mill-vacation leave kif jiġu awtorizzati mill-persuna nkarigata minn dan l-istess dipartiment. Rekord ta' kull episodju jinżamm mill-amministrazzjoni tal-istess dipartiment kif ukoll mid-Dipartiment tal-Finanzi fl-Isptar Mater Dei, biex b’hekk sussegwentament jitnaqqsu minn dawk is-sigħat li jkunu ntitolati għalihom il-ħaddiema.
Dipartiment tas-Central Sterile Service — avviżi mwaħħla mal-bieb
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx investigat il-fatt li sa ftit tax-xhur ilu impjegat ewlieni fid-Dipartiment tas-Central Sterile Service, kien iwaħħal mal-bieb ta' l-uffiċċju tiegħu avviż 'Do not Distrub' waqt il-ħin tax-xogħol? Jekk iva, x'passi ittieħdu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-allegazzjoni msemmija mill-Onor. Interpellant ġiet investigata minn bord ta’ inkjesta intern (ara Mistoqsija Parlamentari 18130) li stabbilixxa li din it-tabella kienet titwaħħal fil-ħin tal-break.
Dipartiment tas-Central Sterile Services — kors tal-paramedic Aid trainee
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk l-impjegati fid-Dipartiment tas-Central Sterile Service, u li kienu għamlu l-kors tal-Paramedic Aid Trainee [Decontamination] fis-sena 2008, għadhom sal-lum ma ħadux iċ-ċertifikat tas-City & Guilds, kif ħadu sħabhom li għamlu l-kors qabilhom u li suppost dan iċ-ċertifikat intwera meta sar l-interview biex ġew impjegati mad-Dipartiment tas-Saħħa, fl-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-ewwel grupp ta’ paramedic aides kienu ħadu ċ-ċertifikat tas-City and Guilds wara applikazzjoni lill-Institute of Decontamination Science fl-Ingilterra. Id-Direttur tal-Edukazzjoni ta’ dak iz-zmien inbidel u wara reggħet saret komunikazzjoni bejn il-persuna responsabbli mid-Dipartiment tas-Central Sterile Service u l-persuna kkonċernata fl-Ingilterra. L-informazzjoni miksuba kienet li jrid isir kors u eżami ieħor, kif stipulat fl-NVQ tal-istess Istitut. Mill-ġdid kienu saru diversi talbiet lid-direttur tal-Institute of Decontamination Science iżda risposta baqgħet ma waslitx, u għalhekk iċ-ċertifikat tas-City and Guilds ma setax ikun tassattiv biex dawn il-ħaddiema jiġu mpjegati.
Dipartiment tas-Central Sterile Service — nies li spiċċaw l-impjieg tagħhom
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm spiċċaw impjegati minn kemm ilu li fetaħ l-Isptar Mater Dei, mid-Dipartiment tas-Central Sterile Service? Jista' jgħid għaliex dawn l-impjegati spiċċaw mill-impjieg?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li mid-Dipartiment tas-Central Sterile Service gew rijallokati ħames ħaddiema minn mindu fetaħ l-isptar Mater Dei, fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa, u dan għall-ħtiġijiet tas-servizz kif ukol biex jintlaqgħu talbiet li saru mill-ħaddiema nfushom biex jiġu trasferiti għal raġunijiet personalli.
Residenti ta' Ħal Farruġ — talbiet għal trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Transport Malta għadha ma laqgħetx id-diversi talbiet li saru biex ir-residenti ta' Ħal Farruġ, Ħal Luqa, jkunu mogħtija servizz ta' trasport pubbliku u dan bil-għan li tittaffa t-tbatija ta' tant u tant familji li jgħixu f'din il-komunità u li wħud minnhom ilhom jgħixu hemm aktar minn 25 sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.