Legislature:
Category:
Reset
Active:

Air Malta — Cabin crew

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18157 u 17614 u jgħid: a) kif filwaqt li fl-Air Malta qed jingħad li l-ingaġġ ta' 18-il persuna li kienu jaħdmu fuq bażi temporanja bħala Cabin Crew u issa ġew ingaġġati b'kuntratt indefinit, kien żball amministrattiv, kif il-UHM permezz ta' press release bid-data tat-18 ta' Mejju 2010 bit-titolu 'Ftehim bejn l-UHM u l-Air Malta dwar Ħaddiema fis-Sezzjoni tal-Cabin Crew', qed jiġi mistqarr pubblikament li: 'F'dawn iċ-ċirkostanzi t-Taqsima għamlet diversi rappreżentazzjonijiet mal- management tal-Air Malta kif ukoll talbet lid-Direttur fid-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, it-tabib li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, biex jintervjeni dwar din is-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema'; b) min qed jgħid il-verità, dak li qed jintqal mill-management tal-Air Malta jew dak li ppubblikat il-UHM; ċ) kif l-Air Malta ddiskutiet il-każ tal-Cabin Crew mal-UHM u mhux mal-Union of Cabin Crew li hija l-union leġittima li tirrappreżenta lil din is-sezzjoni ta' ħaddiema fl-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17614.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — recruitment ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir recruitment ġdid, minn barra, jiġifieri mhux impjegati tal-gvern, għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent qed isir proċess ta' evalwazzjoni biex ikun assigurat li r-riżorsi umani u materjali tad-dipartiment ikunu jistgħu jintużaw bl-aħjar mod possibbli sabiex jiġu stabbiliti l-ħtieġijiet eventwali, fosthom ir-reklutaġġ.

Baħrija — Triq il-Qastan - art esproprjata

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15007 dwar art li ttieħdet mill-gvern fi Triq il-Qastan, il-Baħrija fil-postijiet indikati separatament u li ġiet mogħtija t-tarmak madwar sentejn ilu biex tinfetaħ it-triq u li parti minnha għadha ma ġietx esproprjata, jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se jagħmel din l-esproprjazzjoni u jagħti kumpens lis-sidien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-art fi Triq il-Qastan, Baħrija li ġiet mogħtija t-tarmac biex tinfetaħ it-triq, ma ġietx esproprijata mill-Gvern għaliex kif ġie spjegat fir-risposta li ngħatat fis-seduta nru 364 ta’ 13 ta’ Marzu 2006, għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 17726, id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ma jesproprijax proprjetà li tiġi f’dik il-parti tat-triq li qiegħda quddiem art li tkun ġiet żviluppata.

Kumpaniji li jagħtu servizz ta' carers

Question

Jista' l-Prim Ministru tgħid jekk tafx li hemm kumpaniji li jagħtu servizz ta' carers, anke lill-Gvern, li qed iħaddmu carers b'56 siegħa fil-ġimgħa u ma jingħatawx la overtime għas-sigħat fuq l-40 siegħa u anqas xi forma oħra ta' kumpens? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali hux konxju ta' dan? Jekk huwa konxju għaliex qiegħed jittollera din l-esplojtazzjoni ta' ħaddiema? Jekk mhux konxju, jekk għamilx inspections biex jassigura li ma jkunx hemm din l-esplojtazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.

Ħal Qormi — Toroq mill-Ħandaq għal Fortizza

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Transport Malta se tagħmel it-triq mill-Ħandaq għal Fortizza fil-konfini ta' Ħal Qormi u toroq li jagħtu għall-għelieqi fl-akwata u dan peress li jinsabu fi stat mill-aktar diżastruż?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

environmental impact assessments — noise pollution u emissions

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18558 u 17219 u jgħid jekk sarx environmental impact assessment, inkluż għal noise pollution u emissions, fuq il-madwar tal-hangar eżistenti u dak li qed jinbena għall-manutenzjoni tal-ajruplani, viċin Ħal Safi, Ħal Kirkop u anke l-Kulleġġ ta' San Benedittu? Jekk sar jista' jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, xi kriterji intużaw biex ikun assigurat li l-familji, studenti u immigranti li jgħixu fil-madwar, ma tkunx effettwata negattivament is-saħħa mentali u fiżika tagħhom, il-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-valur tal-proprjetà tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

San Vincenz de Paule — kura xierqa lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex fis-Sala JB4 fit-tieni sular f'San Vincenz de Paule hemm anzjani li jitħallew fis-sodda u li b'konsegwenza qed jimtlew bil-bed sores? Jista' jara x'inhuma r-raġunijiet għaliex dawn l-anzjani ma jitniżżlux mis-sodda bl-iskuża li ma jkunux iridu, meta xi wħud minnhom lanqas jikkommunikaw? Għaliex anzjani li jkollhom bżonn tibdil anke tal-ħrieqi xi ħin qabel ma jkun se jinbidel ix-shift ma jitnaddfux u jitħallew maħmuġin sakemm jidħol ix-shift li jkun imiss?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li r-residenti kollha fis-Sala JP4 jitniiżżlu mis-sodda kuljum. L-uniċi eċċezzjonijiet huma żewġ anzjani: waħda li ma tiflaħx lanqas toqgħod bil-qegħda waqt li l-qraba tal-anzjana l-oħra ma jixtiequx li titniżżel fuq l-armchair peress li m’għandhiex bilanċ li jippermettilha li toqgħod bil-qegħda sew. Il-ħrieqi tal-anzjani jinbidlu madwar sitt darbiet kuljum jew skont il-ħtieġa.

Air Malta — impjegati temporanji

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod ġew magħżula u ngaġġati 18-il ħaddiem li kienu impjegati temporanji bħala cabin crew mal-Air Malta fuq bażi ta' kuntratt indefinit? Xi kriterji ntużaw? Sar xi eżami u/jew intervista? Kemm kienu ilhom ingaġġati mal-Air Malta fuq bażi temporanja dawk magħżula jiġifieri minn liema sena? Kemm fil-fatt l-Air Malta għandha ħaddiema impjegati fuq bażi temporanja bħala cabin crew b'kollox u li ma ġewx ingaġġati fuq l-istess bażi ta' kuntratt indefinit? Dawk li ma ġewx magħżula, kemm ilhom jaħdmu mal-kumpanija fuq bażi temporanja, jiġifieri minn liema sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi għal numru ta’ snin, il-Kumpanija għamlet użu minn għadd ta’ impjegati temporaniji part-time biex issaħħaħ in-numru ta’ cabin crew fix-xhur fejn jiżdied l-operat. Infatti il-kumpanija għandha grupp ta’ impjegati temporaniji part-time illi tagħmel użu minnhom biss meta jkun hemm bżonn. Dawn l-impjegati huma mħallsa fuq bażi pro-rata skont il-bżonn. Fi ftit xhur, dan il-grupp se jiġi rrinforzat u se jinkludi madwar 200 persuna. Fix-xitwa, il-kumpanija kellha bżonn numru ta’ impjegati part-time temporanji u għalhekk żammet 18-il part-timer . B’nuqqas amministrattiv kuntratti ma ġewx mġedda għal perjodu ieħor definitiv fil-perjodu ta’ 12-il ġurnata hekk kif stipulat mill-liġi. Għalhekk minħabba in-natura tal-liġi, il-kuntratt definit ta’ dawn l-impjegati kellu jiġi mibdul f’wieħed indefinit dejjem fuq bażi part-time . L-ebda wieħed minn dawn it-tmintax-il cabin crew ma ilu jaħdem għall-perjodu kontinwu definit ta’ impjieg ta’ 4 snin hekk kif stabbilit mil-liġi. Is-sena meta l-impjegati bdew jagħtu s-servizz tagħhom ad hoc lill-Air Malta ivarja skont l-impjegati varji. Apparti dawn it-18 –il cabin crew part-time , il-kumpanija bħalissa għandha 41 cabin crew ieħor impjegati fuq kuntratt definit. Il- part-time cabin crew kollha ma jagħmlux parti mill-grupp ta’ impjegati permananti full-time iżda huma jipprovdu s-servizzi tagħhom fuq bażi ad hoc .

Air Malta — Cabin crew

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17614 u jgħid: a) kif filwaqt li fl-Air Malta qed jingħad li l-ingaġġ ta' 18-il persuna li kienu jaħdmu fuq bażi temporanja bħala Cabin Crew u issa ġew ingaġġati b'kuntratt indefinit, kien żball amministrattiv, kif il-UHM permezz ta' press release bid-data tat-18 ta' Mejju 2010 bit-titolu 'Ftehim bejn l-UHM u l-Air Malta dwar Ħaddiema fis-Sezzjoni tal-Cabin Crew', qed jiġi mistqarr pubblikament li: 'F'dawn iċ-ċirkostanzi t-Taqsima għamlet diversi rappreżentazzjonijiet mal- management tal-Air Malta kif ukoll talbet lid-Direttur fid-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, it-tabib li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, biex jintervjeni dwar din is-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema'; b) min qed jgħid il-verità, dak li qed jintqal mill-management tal-Air Malta jew dak li ppubblikat il-UHM; ċ) kif l-Air Malta ddiskutiet il-każ tal-Cabin Crew mal-UHM u mhux mal-Union of Cabin Crew li hija l-union leġittima li tirrappreżenta lil din is-sezzjoni ta' ħaddiema fl-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17614.

Kindergarten Assistents 2 — impjiegi ġodda

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġu msejħa dawk l-applikanti li ġew interviewed f'Marzu 2010 għall-post ta' kindergarten assistent 2? Tista' tgħid kemm se jiġu impjegati minn dawk li ġew interviewed u meta se jidħlu fl-impjieg?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wieħed irid jistenna sakemm jintemm l-eżercizzju tal- Classification li jsir matul ix-xhur tas-Sajf. Malli jitlesta dan l-eżercizzju wieħed ikun jaf kemm hemm bżonn jiġu impjegati. Dawn li jissejħu jiġu impjegati fil-bidu tas-sena skolastika 2010/2011.

Air Malta — cabin crew

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kif filwaqt li fl-Air Malta qed jingħad li l-ingaġġ ta' 18-il persuna li kienu jaħdmu fuq bażi temporanja bħala Cabin Crew u issa ġew ingaġġati b'kuntratt indefinit, kien żball amministrattiv, kif il-UHM permezz ta' press release bid-data tat-18 ta' Mejju 2010 bit-titolu 'Ftehim bejn l-UHM u l-Air Malta dwar Ħaddiema fis-Sezzjoni tal-Cabin Crew', qed jiġi mistqarr pubblikament li: 'F'dawn iċ-ċirkostanzi t-Taqsima għamlet diversi rappreżentazzjonijiet mal- management tal-Air Malta kif ukoll talbet lid-Direttur fid-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, it-tabib li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, biex jintervjeni dwar din is-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema'; b) min qed jgħid il-verità, dak li qed jintqal mill-management tal-Air Malta jew dak li ppubblikat il-UHM; ċ) kif l-Air Malta ddiskutiet il-każ tal-Cabin Crew mal-UHM u mhux mal-Union of Cabin Crew li hija l-union leġittima li tirrappreżenta lil din is-sezzjoni ta' ħaddiema fl-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi b’referenza għal press release bid-data tat-18 ta' Mejju 2010 bit-titolu 'Ftehim bejn l-UHM u l-Air Malta dwar Ħaddiema fis-Sezzjoni tal-Cabin Crew' il- fatti korretti tas-sitwazzjoni huma kif ġej: Fix-xitwa, il-kumpanija kellha bzonn numru ta’ impjegati part-time temporanji u għalhekk żammet 18-il part-timer. B’nuqqas amministrattiv l-kuntratti ma ġewx mġedda għal perjodu ieħor definitiv fil-perjodu ta’ 12-il ġurnata hekk kif stiupulat mill-liġi. Għalhekk minħabba in-natura tal-liġi, il-kuntratt definit ta’ dawn l-impjegati kellu jiġi mibdul f’wieħed indefinit dejjem fuq bażi part-time. Il-kumpanija bdiet proċess dixxiplinaru fil-konfront tal-persuna responsabli minn dan in-nuqqas. Ma kien hemm l-ebda qbil mal-UHM fuq din il-kwistjoni. Il-kumpanija kienet obligata tosserva l-liġi f’dan ir-rigward. Il-kumpanija kienet diġa għamlet kuntatt mad-Direttur fid-Dipertiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali. . Il-Union rikonoxutta mill-kumpanija biex tirraprezenata li Cabin Crew hija l-UCC. Il-kumpanija trid titkellem ukoll ma kwalunkwe persuna jew Union li tiġi għand il-kumpanija biex tirraprezenta lil xi impjegati fuq livell individwali. Il-UHM għamlet talba lil-kumpanija biex issir laqgħa dwar xi impjegati fuq livell individwali. L-eżitu ta’ din il-lagħqa kienet li Il-kumpanija ikkonfermatt il-fatti tas-sitwazzjoni lill-UHM.

Dipartiment tal-VAT — taxxa mhux mħallsa - nies il-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18200 u jgħid jekk il-Gvern jaqbillux jaċċetta li dawk li għandhom x'jagħtu lid-Dipartiment tal-VAT u li jiġu ssentenzjati mill-Qorti biex iħallsu dak li hu dovut u l-multi straordinarji, jingħataw l-opportunità mill-Qorti li jħallsu fuq bażi ta' pagamenti milli jiġu mitfugħa l-ħabs? Kemm qed jiswa lill-gvern kull gurnata li persuna li kellha tagħti lid-Dipartiment tal-VAT u ġiet issentenzjata l-ħabs? X'tiswa lil Gvern jekk persuna li għandha tagħti, tingħata l-opportunità li tħallas b'sistema ta' pagamenti, abbażi ta' persentaġġ? Qiegħed jieħu in konsiderazzjoni il-gvern li persuni li għandhom jagħtu lid-Dipartiment tal-VAT u ġew issentenzjati l-ħabs mingħajr ma ngħataw l-opportunità li jħallsu b'sistema ta' pagament, meta jiġu mitfugħa l-ħabs biex jiskontaw is-sentenza, dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jaħdmu b'konsegwenza li l-gvern ikollu joħroġ benefiċċju soċjali lill-familja tagħhom? Kemm fil-fatt qed jiswew lill-gvern il-familji ta' persuni li bħalissa qegħdin il-ħabs jiskontaw sentenzi bħal dawn, f'termini ta' benefiċċji soċjali, l-ammonti skont il-benefiċċji mogħtija?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18200.

Ħlas pending tal-income tax

Question

Jista' l-Ministru għall-Finanzi jagħti breakdown skont dawn il-kategorji ta' dawk l-entitajiet u/jew individwi li għadhom pending fil-ħlas tal-income tax u li qed jingħad li l-pendenzi kollha jammontaw għal madwar €400 miljun: i) kumpaniji li jimpjegaw anqas minn 50 persuna; ii) kumpaniji li jimpjegaw anqas minn 100 persuna; iii) kumpaniji li jimpjegaw aktar minn 100 persuna; iv) professjonisti skont il-professjoni, per eżempju mediċi, avukati, accountants eċċ; v) mhux professjonijiet bħal self-employed eċċ.?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni bil-mod eżatt kif qed jintalab f’(iv) u (v) fil-mistoqsija, minhabba li l-mod kif tinżamm l-informazzjoni fis-sistema elettronika tad-dipartiment ma tagħmilx id-distinzjonijiet li ssemmew.

Dipartiment tal-VAT — taxxa mhux mħallsa - nies il-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jaqbillux jaċċetta li dawk li għandhom x'jagħtu lid-Dipartiment tal-VAT u li jiġu sentenzjati mill-Qorti biex iħallsu dak li hu dovut u l-multi straordinarji, jingħataw l-opportunità mill-Qorti li jħallsu fuq bażi ta' pagamenti milli jiġu mitfugħa l-ħabs? Kemm qed jiswa lill-gvern kull gurnata li persuna li kellha tagħti lid-Dipartiment tal-VAT u ġiet sentenzjata l-ħabs? X'tiswa lil Gvern jekk persuna li għandha tagħti, tingħata l-opportunità li tħallas b'sistema ta' pagamenti, abbażi ta' persentaġġ? Qiegħed jieħu in konsiderazzjoni l-gvern li persuni li għandhom jagħtu lid-Dipartiment tal-VAT u ġew sentenzjati l-ħabs mingħajr ma ngħataw l-opportunità li jħallsu b'sistema ta' pagament, meta jiġu mitfugħa l-ħabs biex jiskontaw is-sentenza, dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jaħdmu u b'konsegwenza li l-gvern ikollu joħroġ benefiċċju soċjali lill-familji tagħhom? Kemm fil-fatt qed jiswew lill-gvern il-familji ta' persuni li bħalissa qegħdin il-ħabs jiskontaw sentenzi bħal dawn, f'termini ta' benefiċċji soċjali, l-ammonti skont il-benefiċċji mogħtija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi b’riferenza għall-ewwel parti tad-domanda parlamentari, il-Kodici Kriminali (artikolu 14(2)) jipprovdi li hija l-Qorti li fid-diskrezzjoni tagħha tista tordna li l-multa inflitta titħallas b’rati rateali liema żmien m’għandux ikun aktar minn tliet snin, b’dan li jekk ma jsirx ħlas ta’ xi waħda mir-rati, l-ammont sħiħ li jkun fadal għandu jkun dovut u jitħallas minnufih u jekk dan ma jsirx il-bilanċ dovut jiġi mibdul fi priġunerija skont il-liġi. L-ispiża ta’ kull priġunier li qiegħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hija ta’ madwar €50 kuljum. Ta’ min iżid jgħid li meta każ jitressaq fil-Qorti, id-Dipartiment tal-VAT ikun ilu snin jiġri wara l-persuna sabiex tirregolarizza ruħha u din tkun injorat lid-Dipartiment. Mhux biss, imma jkun hemm numru ta’ denunzji li ma jkunux intbagħtu, kif ukoll ammonti sostanzjali li ma jkunux tħallsu. Il-Qorti innifisha tikkunsidra kull każ u l-merti tiegħu u dejjem tagħti żmien definit sabiex il-ħlas isir, skont kif tippermetti l-liġi,. F’dawn il-każi d-Dipartiment ma jistax jikser deċiżjoni tal-Qorti u jagħmel arranġamenti differenti milli tordna l-Qorti stess. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m’għandux l-informazzjoni meħtieġa biex ikun f’qagħda li jikkalkula kemm jiġu jiswew il-benefiċċji u/jew assistenza li jistgħu jkunu intitolati għalihom dawk il-familji li l-kapijiet tagħhom jkunu weħlu l-ħabs għaliex għandhom jħallsu d-Dipartiment tal-VAT it-taxxi penali dovuti.

Hawkers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il hawker mit-22 li hemm awtorizzati ġeddu l-liċenzja skont l-Avviz Legali 52 tal-2010 sa' Ġunju 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Avviż Legali bin-numru 52 tal-2010 jagħmel referenza għall-Att dwar l-Enemalta Kap 272. L-interpellant hija ġentilment mitluba tiċċara ftit id-domanda tagħha peress illi d-Dipartiment tal-Kummerċ ma joħroġ l-ebda forma ta' liċenzja lill-Enemalta jew lil xi nies li jistgħu jaħdmu magħha.

Kwota tal-baqar tal-ħalib

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kwota tal-baqar tal-ħalib hix se tispiċċa? Jekk iva, meta huwa maħsub li tispiċċa? Fiċ-ċirkostanzi x'se jiġri minn dawk ir-raħħala li jaqilgħu l-għixien tagħhom minn dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-kwota tal-ħalib li fl-Unjoni Ewropeja hi magħrufa bħala ‘Kwantità ta’ Referenza’ ser tispiċċa fl-2015. Dan ifisser li kull pajjiż membru mhux ser ikun ikontrollat aktar b’limitu ta’ produzzjoni. Madankollu, il-produzzjoni tal-ħalib lokali hija wkoll ikkonttrollata mill-MDP. Kull raħħal għandu kuntratt individwali mal-MDP u skond dan il-kuntratt jipproduċi ħalib. Ghalkemm l-ammont li kull raħħal għandu ikkuntrattat mal-MDP ma jistgħax jeċċedi il-kwantita ta referenza tal-UE, ma hemm xejn li jżomm dan il-kuntratt milli jibqa fis-seħħ wara l-2015. Ghalhekk huwa mistenni li l-kwoti lokali li jeżistu bejn l-MDP u r-raħħala jibqgħu fis-seħħ.

Għammieri — munzelli ta' demel

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir rigward il-munzelli tad-demel li hemm fl-Għammieri, li ilhom għal dawn l-aħħar ħmistax irejħu u li qed joħloq inkonvenjent lir-residenti fl-area ta' Wied iċ-Ċawsli f'Ħal Qormi, għaliex lanqas jistgħu jiftħu t-twieqi għall-arja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-munzell ta’ demel li hemm fl-Ghammieri huwa fil-proċess li jiġi imferrex u inkorporat fil-ħamrija tal-għelieqi.

kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Arms Ltd qed toħroġ il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma għal sitt xhur? Jista' jgħid jekk dawn il-kontijiet humiex jintbagħtu lill- households u n-negozji kollha f'Malta jew inkella lil xi wħud? Jista' Ministru jgħid jekk hux konxju li għal ħafna familji huwa aħjar li l-kontijiet ikunu ta' xahrejn u mhux ta' sitt xhur u dan għaliex it-tbatija finanzjarja hija akbar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħala regola ġenerali, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma joħorgu kull xahrejn, pero’ minħabba fit-tranżizzjoni għas-sistema l-ġdida, hemm ammont ta’ kontijiet b’lura. Bħalissa qiegħed isir ix-xogħol meħtieġ biex is-sitwazzjoni tiġi regolarizzata, u kif dan jiġi finalizzat l-kontijiet jerġgħu jibdew jinħarġu kull xahrejn.

Residenti ta' Ħal Farruġ — talbiet għal trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18071 u jgħid għaliex Transport Malta għadha ma laqgħetx id-diversi talbiet li saru biex ir-residenti ta' Ħal Farruġ, Ħal Luqa, jkunu mogħtija servizz ta' trasport pubbliku u dan bil-għan li tittaffa t-tbatija ta' tant u tant familji li jgħixu f'din il-komunità u li wħud minnhom ilhom jgħixu hemm aktar minn 25 sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-talba qiegħda tiġi kkunsidrata fir-riforma tat-trasport pubbliku.

MTA — long term marketing plan

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta għandhiex medium u long term marketing plan ippjanata? Jekk għandha dan il-marketing plan, jista' jidentifika l-punti ewlenin tal-pjanijiet u fuq liema swieq qed issir jew se ssir l-enfasi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tesegwixxi l-marketing tagħha abbażi ta’ marketing plan annwali. Il-Pjan huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ proċess li jinkorpora perjodu ta’ tliet snin: is-sena kurrenti u s-sentejn ta’ wara u kontinwament jiġi aġġornat sabiex dejjem ikopri tliet snin. Ovvjament il-Pjan huwa sensittiv għat-tibdil kontinwu li tgħaddi minnu l-industrija tat-turiżmu internazzjonali li saret dinamika ħafna u għalhemm qatt ma jħares aktar il-bogħod minn sentejn mis-sena kurrenti. L-għan prinċipali tal- Marketing Plan huwa li jimmira għat-tkabbir fl-industrija turistika li jindirizza t-tliet pilastri ewlenin ta’ staġjonalità, diversifikazzjoni (ġejografika u motivazzjonali) u valur. Jindika fejn għandhom isiru l-akbar sforzi sabiex l-industrija tikber abbażi ta’ dawn il-kriterji u huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ gap analysis li permezz tiegħu jiġu identifikati dawk is-sorsi ta’ turiżmu addizzjonali li għandhom l-akbar potenzjal għal Malta. Il-Pjan jiddistingwi bejn swieq prinċipali ( core markets ), li jinkludu r-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u Spanja; swieq sekondarji li huma magħmula mill-Belġju, l-Olanda, l-Awstrija, l-Isvizzera, l-Isvezja, n-Norveġja, d-Danimarka, l-Federazzjoni tar-Russja, u l-pajjiżi ta’ l-Ewropa ta’ Lvant; u swieq emerġenti li fosthom hemm Ċipru, l-UAE u l-Istati tal-Gulf, iċ-Ċina, l-Ġappun, l-Indja, l-Afrika t’Isfel, l-Awstralja u l-Istati Uniti u jorbot fuq l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-istrateġija ta’ aċċessibilità li jħaddnu l-Gvern u l-Awtorità sabiex jitkattar in-numru ta’ rotot diretti bl-arju bejn dawn is-swieq u Malta.