Legislature:
Category:
Reset
Active:

dilettanti tal-karnival li għadhom ma ħadux l-advance money

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex id-dilettanti tal-karnival għadhom ma ħadux l-advance money biex ikunu jistgħu jaħdmu l-karrijiet u b'hekk ikopru ftit mill-ispejjeż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din is-sena minħabba fatturi loġistiċi l-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni fil-Karnival ħarġu aktar tard mis-soltu, bil-konsegwenza li l-aċċettazzjoni tal-parteċipazzjoni ġiet komunikata fil-25 t’Ottubru 2010. il-parteċipanti għandhom sa nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Novembru 2010 sabiex jikkonfermaw bil-miktub l-aċċettazzjoni tal-parteċipazzjoni. Il-proċess tal-ħlas tal-advance money ma jistax jibda qabel id-data msemmija.

Bini ta' ground tal-football

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux vera li area bis-siġar u li hija buffer għall-area residenzjali ta' Ħal Farruġ, fi Triq Ħal Farruġ, Luqa, se tiġi kklerjata biex jinbena ground tal-football? Tista' tgħid jekk ġewx ikkunsidrati areas oħra, fejn jista' isir dan il-ground mingħajr ma ssir ħsara lil din rokna mhix żgħira ta' siġar u li għandhom importanza kbira għal din l-area li hija mdawwra b'industrial estate, b'batching plant, scrap yard, industriji oħra u l-ajruport li bilfors joħloq emissjonijiet u b'konsegwenza inniġġsu l-arja għad-detriment tal-familji li jgħixu f'din iż-żona? Jekk ġew ikkunsidrati areas oħra, tista' tindika liema huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li beda proċess biex art f’Ħal-Farruġ tiġi assenjata għal skop sportiv wara li ġew ikkunsidrati numru ta’ siti oħra. Kull proġett li jsir fis-sit huwa suġġett ta’ approvazjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

Uffiċċju tal-Air Malta fi Frankfurt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq inkwatri li nxtraw fl-Uffiċċju tal-Air Malta fi Frankfurt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi f’Lulju ta’ 2010 l-Air Malta bidlet l-uffiċju rappreżentattiv tagħha ġo Frankfurt u b’din il-bidla il-kumpanija frankat €51,000 fis-sena. Bħala parti mill-kuntratt l-Air Malta ma ħalset xejn għar-rinovazzjoni ta’ l-uffiċju u negozzjat biex il-kera ma tiżdidx għal madwar 5 snin. L-uniku spiża li għamlet il-kumpanija kienet li xtrat 11-il stampa għal spiża totali ta €2449.89 għax il-ħitan kienu kompletament vojta u kellhom bżonn dekorazzjoni.

Air Malta — xiri ta' dry stocks

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Air Malta ma baqgħetx tixtri direttament dry stores bħal per eżempju toilet paper, sapun, kafe, tissues, garbage bags eċċ. għal fuq l-ajruplan? Jekk din kienet miżura biex l-Air Malta tiffranka l-flus, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa li għamlet fl-aħħar sena li l-Air Malta kienet responsabbli direttament hi u kemm kienet in-nefqa għas-sena 2009 meta ma kinitx l-Air Malta direttament li xtrat dawn id-dry stores?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-2007 l-Air Malta għamlet kuntratt ġdid tal-catering b’kunċett differenti milli kellha fi snin ta’ qabel. Il-kuntratt kien jinkludi fih fost affarijiet oħra it-trasport tal-catering mill-kċejjen tas-supplier għal fuq l-ajruplan u lura u prezz fiss għad-dry stores kollha għal kull passiġġier. Fuq il-kuntratt totali l-Air Malta frankat ma €2 miljuni fis-sena fuq dak li kienet tħallas qabel. Dan jinkludi is-servizzi kollha tal-kuntratt il-ġdid komparat ma dak li kien isir qabel.

Uffiċjali fl-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx uffiċjali fit-top management tal-Air Malta li akkumulaw aktar minn 100 ġurnata leave? Jekk iva, kemm hemm minn dawn u kemm għandhom leave akkumulat kull wieħed u fuq kemm snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-‘top-management’ tal-kumpanija għandu l-istess ammont ta’ leave bħal kull impjegat ieħor fil-kumpanija. Hemm ħames uffiċjali fit-top management li l-bilanċ tal-leave tagħhom huwa iżjed minn 100 ġurnata. L-ammont ta’ granet huma :- 109, 297, 264, 137 ,106

Karozzi li jintużaw fuq l-airfield

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Air Malta kkunsidratx li tixtri l-karozzi li jintużaw fuq l-airfield biss, minflok jikri u jħallas eluf ta' ewros fis-sena, meta dawn il-vetturi li jintużaw għal dan l-iskop jistgħu jkunu eżentati mid-dazju u b'hekk ikunu ffrankati l-flus?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.

Ħal Farruġ — MEPA - EIA - ground tal-football

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għamlitx Environmental Impact Assessment fuq l-iżvilupp ta' ground tal-football fi Triq Ħal Farruġ, Luqa u fejn biex dan il-ground jinbena, se jkollha tiġi kklerjata area sħiħa ta' siġar li huma buffer għall-area residenzjali ta' Ħal Farruġ li hija mdawwra minn Industrial Estate, batching plant, scrapyard, industriji oħra u ajruport li żgur li jħalli effett ta' emissjonijiet fl-arja għad-detriment tal-mijiet ta' familji li jgħixu fiż-żona? Jekk sar dan l-Environmental Impact Assessment, jista' jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, meta se jsir u jekk l-iżvilupp hux se jsir qabel ma jkun hemm l-esitu ta' Environmental Impact Assessment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MTA — policy biex tattira turista mir-Russja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu għandhiex policy biex tattira turisti mir-Russja? Jekk iva, x'qed isir? Jekk le, qed tħejji xi policy?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kindergarten Assisstants

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma: a) Kemm kien hemm applikanti li irrispondew għall-aħħar sejħa ta' ingaġġ għall- kindergarten assistant? b) Kemm minnhom kellhom ir-rekwiziti meħtieġa għal post? ċ) Kemm minnhom fil-fatt intagħżlu u f’liema grad ddaħħlu (KGA I u KGA II)? d) Jekk daħlux applikanti bħala supply kindergarten assisstants u jekk iva, għaliex ma ġewx ingaġġati bħala kindergarten assisstants1 jew kindergarten assisstants 2 ġaladarba kienu jilħqu r-rekwiżiti meħtieġa? e) Teżiti xi tip ta' waiting list ta' persuni li jixtiequ jaħdmu bħala kindergarten assisstants1 u kindergarten assisstants2 u jekk iva kemm hi twila din il-lista? f) Jekk hux il-ħsieb tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni illi jibqa joħroġ sejħiet għall-kindergarten assisstants2 anke wara l-2015 meta se jibda jintalab grad akkademiku (ECEC teacher) kif miftiehem fl-aħħar ftehim kollettiv Gvern-MUT? Jekk le, x'se jsir mill-istudenti illi bħalissa qed jistudjaw għad-diploma MCAST-BTEC National Diploma in Children's Care, Learning and Development? g) Hux il-ħsieb illi wara l-2015 il-kindergarten assisstants2 u l-ECEC teachers ikunu kumplimentari ta’ xulxin jew hux il-ħsieb li gradwalment il-post ta kindergarten assisstants2 (u I) eventwalment jispiċċa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li: a) Kien hemm 159 applikanti li rrissipondew għall-aħħar sejħa ta’ ingaġġ għal Kindergarten Assistant . b) Kien hemm 85 li kellhom ir-rekwiżiti meħtieġa għall-post. ċ) Minn dawn għaddew 45 li kollha sa jiġu ingaġġati bħala Kindergarten Assistants II . d) F’Jannar ta’ din is-sena daħlu numru ta’ Supply Kindergarten Assistants . Dawn ġew ingaġġati temporanjament sakemm ġiet pproċessata s-sejħa għall- Kindergarten Assistants II . e) Ma teżisti ebda waiting list ta’ persuni li jixtiequ jaħdmu bħala Kindergarten Assistants I jew Kindergarten Assistants II . Jeżistu biss ir-riżultati tas-sejħiet. f) Kif stipulat fil-ftehim bejn il-Gvern u MUT f’Awwissu 2010, fis-sena 2015 il-vakanzi li jkun hemm fil-livell tal-Kindergarten jibdew jimtlew minn għalliema u ma jibqgħux jigu mpjegati Kindergarten Assistant II. Dan ġie ddikjarat fis-sena 2007 sabiex kull student li huwa nteressat li jaħdem f’dan is-settur ikun jista’ jagħżel korsijiet skond il-livelli meħtieġa għar-reklutaġġ. g) Wara s-sena 2015 kull vakanza li jkun hemm fil-livell ta’ Kindergarten tibda timtela’ mill-għalliema ECEC. Kindergarten Assistants li diġa’ huma fl-impjieg iżommu posthom, imma l-postijiet ta’ dawk li jirtiraw jew jitilqu mill-impjieg jiġu mimlijin minn għalliema ECEC.

Foundation Course fl-Mcast

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex xi studenti fil-korsijiet tal-Foundation fl-Mcast m'humiex se jingħataw stipendju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Studenti li qed jagħmlu l-Foundation Course fl-MCAST fil-livell 2 huma intitolati għall-istipendju. Studenti li qed jagħmlu korsijiet f’livell 1, jiġifieri fl-istess livell ta’ min qiegħed fil-V klassi tas-sekondarja, mhux meqjusa li daħlu fil-livell Post-Sekondarju u allura mhux intitolati għal stipendju.

Kriterji kif titqassam l-għajnuna mill-Ewropa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom qed jingħata l-aid mill-Ewropa? Għadha abbażi ta' min għandu l-kartuna r-roża jew hemm kriterji oħra? Fil-każ, x'inhuma dawn il-kriterji? Qed ikun hemm monitoring ta' kif qed jitqassmu l-affarijiet? X'tip ta' monitoring qed isir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-prodotti li jinghataw bħala għajnuna mill-Ewropa jitqassmu lill-dawk il-benefiċjarji li huma eliġibbli taħt waħda jew aktar minn dawn il-kriterji: · Penzjoni tal-etá · Għajnuna Soċjali · Għajnuna Soċjali għal Xebba Omm · Għajnuna għal min ma jaħdimx · Carers Assistance/Pension · Severely/mentally handicapped · Għajnuna lill-Għomja · Benefiċċju Speċjali tal-Qgħad · Persuna lil tikkwalifika għall-karta r-roża permezz tat-test tal-mezzi Rigward il-karta r-roża, din tiġi aċċettata biss wara li jkun sar it-test tal-mezzi. Id-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali joħroġ ċertifikat lil dik il-persuna li hija eliġibbli taħt waħda mill-kriterji msemmija, liema ċertifikat jiġi ppreżentat lill-parroċċa/NGO biex tingħata l-prodotti tal-ikel. Il-kappillan tal-parroċċa jista’ juża d-diskrezzjoni tiegħu biex jagħti prodotti lil dik il-persuna li jħoss li għandha bżonn iżda ma jkollhiex iċ-ċertifikat maħruġ mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali. F’dan il-każ jimla u jiffirma formola apposta li tinżamm mar- records u ċ-ċertifikati. Isir monitoring kemm waqt li l-prodotti jkunu qed jinħattu minn fuq it- trailer/ container għal ġo l-imħażen kif ukoll fil-parroċċi/NGOs li jkunu qed jieħdu sehem fl-Iskema. Il- monitoring jinkludi: Verifika tal-kwantità tal-prodotti li jaslu u jinħattu fl-imħażen. Verifika tar- records li jinżammu fil-parroċċi/NGOs: Records taċ-ċertifikati Records ta’ x’jingħata lill-benefiċjarji Firem tal-benefiċjarji Verifika tal-kwantità tal-prodotti li jkun fadal għand il-parroċċi/NGOs permezz ta’spezzjonijet fuq il-post.

WSC — Sezzjoni Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda u jitlesta x-xogħol biex tkun indirizzata l-problema, li ilha s-snin u li hija magħrufa sew mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Sezzjoni Drenaġġ, jiġifieri tad-drain bħala flood relief li hemm fil-bidu ta' Sqaq l-Għadira u kantuniera ma' Triq l-Għargħar 1979 u li tisbokka fil-wied fi Triq il-Wied, Ħal Qormi, liema problema mhux biss hija ta' inkonvenjent għar-residenti tal-madwar, minħabba li meta tkun mikxufa toħloq irwejjaħ u insetti, iżda issa wara x-xita li niżlet fil-bidu ta' din il-ġimgħa, ippreżentat periklu ġdid kemm għan-nies kif ukoll għal proprjetà tagħhom, u dan ukoll b'konsegwenza tal-miżura li kienet ittieħdet ftit taż-żmien ilu, mingħajr ma ġiet analizzata s-sitwazzjoni kollha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol biex tiġi indirizzata din il-problema huwa parti mix-xogħlijiet tal-Master Plan tad-drenaġġ.

Ħal Qormi — Triq Valletta - sistema ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda u jitlesta x-xogħol tal-upgrade fis-sistema ta' drenaġġ fi Triq Valletta - Ħal Qormi, li ilha s-snin u li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma [Sezzjoni Drenaġġ] jafu tajjeb dwarha, timtela' bi żbroffi ta' drenaġġ perjodikament, liema żbroff jimla Triq Valletta, fl-area taċ-Ċimiterju u l-ground tal-Football ta' Qormi FC, bil-konsegwenza ta' periklu ta' mard, aktar u aktar meta tfal u żgħażagħ jgħaddu regolarment minn hemm biex imorru l-ground għat-training?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dan ix-xogħol ta’ upgrade fis-sistema tad-drenaġġ huwa parti mix-xogħol tal-Master Plan ta’ drenaġġ.

Ħal Qormi — għajnuna lin-negozji fi Triq Pawlu Farrugia

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jikkontempla li jgħin lil dawk il-familji u negozji, fosthom dawk fi Triq Pawlu Farrugia - Ħal Qormi, li tilfu eluf ta' euros fi ħsarat minħabba l-maltemp li ħakem fuq pajjiżna nhar it-Tnejn, 25 ta' Ottubru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mhix il-prassi li l-Gvern ikopri riskji li normalment ikunu koperti minn asskurazzjoni (insurance). F’dan il-każ il-Gvern ma rċieva l-ebda talba.

Ħal Qormi — Triq Correa u Triq Pawlu Farrugia - ftuħ għall-wied

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Widien, hux jevalwa x'jista' jsir fi Triq Pawlu Farrugia u Triq Correa f'Ħal Qormi, biex l-ilma tax-xita jkun jista' jkollu aktar ftuħ għal wied biex meta jseħħu maltempati bħal dik tal-25 ta' Ottubru 2010, il-volum ta' l-ilma ma jogħliex u jagħmel ħerba, ħsarat u jqiegħed f'riskju ħajjet in-nies? Jekk iva, x'se jsir u meta se jinbeda u jitlesta x-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-problema biex ikun hemm drenaġġ aħjar għall-ilma tax-xita mit-toroq imsemmijja hi relatata ma' l-livell ta' ilma li jgħaddi mill-wied. Din il-problema se tkun mtaffijja permezz tal-proġett li ser isir fejn parti mill-ilma li ġej minn Wied Incita għal fuq Ħal-Qormi se jkun devjat għall-mini li ser isiru ġewwa Ħ' Attard u B'Kara. Barra minn hekk se jsir titjieb fil-kanal tal-ilma li hemm il-Marsa biex l-ilma jkun jista' jisbokka b'mod aħjar u b'hekk il-livell ta' l-ilma fi triq il-Wied jitbaxxa konsiderevolment u b'hekk inkunu nistgħu nirranġaw is-sitwazzjoni li hemm fit-toroq li semmgħiet l-Onor. Membru. Dan il-proġett hu mistenni li jinbeda għall-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. Il-parti li tikkonċerna l-kanal ta' Ħal-Qormi-Marsa hu mistenni li tkun kompluta sa l-aħħar tal-2012 waqt li il-proġett kollu mistenni jitlesta sa l-aħħar tal-2013.

Ħal Qormi — Flood relief

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern, fir-rigward tal-proġetti għal flood relief li qed jissemmew li se jsiru, għal widien u toroq mibnija f'Ħal Qormi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-proġett għal kontra l-għargħar jikkontempla li jitnaqqas il-volum tal-ilma li jaqa' fuq Ħal-Qormi billi jiddevja parti minnu għal fuq is-sistema ta' mini li se tinbena bejn Ħ’Attard -B'Kara u Ta' Xbiex. Barra minn hekk se jsir titjib fil-kanal li hemm fit-Triq il-Wied billi jinbiddlu il-pontijiet biex l-ilma jgħaddi aħjar, isir culvert kbir taħt l-art kif jispiċċa Wied is-Sewda, issir fetħa oħra ħdejn l- Skew Arch Bridge ta' ħdejn ir-roundabout tal-Lowenbrau, issir devjazzjoni ġdida fejn il-pont l-antik li hemm ħdejn il-golf course, u jsiru bridges ġodda taħt it-Triq Aldo Moro biex l-ilma jgħaddi aħjar għall-baħar.

latrini pubbliċi — offerta lil xi kuntrattur - impjegati tas-servizz pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15439 u jgħid x'qed isir mill-impjegati tas-servizz pubbliku u li ħafna minnhom huma persuni b'diżabilità li jieħdu ħsieb il-latrini meta dawn l-istess latrini pubbliċi jingħataw b'offerta lil xi kuntrattur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-ħaddiema imsemmija se jiġu rilokati f’latrini pubbliċi oħrajn li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali.

Mcast — Foundation Course - stipendju

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-istudenti li qed jattendu l-Foundation Course fl-MCAST mhux jingħataw stipendju? Ma jidhrilhiex li dawn l-istudenti jeħtieġu wkoll għajnuna biex ma jkunux dipendenti kompletament fuq il-familji tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema tal-istipendji ma nbidlitx min kif kienet is-sena li għaddiet. Studenti li jattendu l-Foundation Course fl-MCAST jingħataw l-istipendju jekk mhux qed jirrepetu s-sena. Min din is-sena l-MCAST beda joffri kors ġdid f’livell 1, jiġifieri fl-istess livell ta’ min qiegħed fil-V klassi tas-Sekondarja. Studenti f’dan il-livell mhux meqjusa li daħlu fil-livell Post Sekondarju u allura s’issa mhux intitolati għall-istipendju.

żgħażagħ dijabetiċi — għajnuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex żgħażagħ li ma jaħdmux u li huma dijabetiċi ma jingħatawx għajnuna u jitħallew dipendenti kompletament fuq il-familji tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor interpellanta li l-benefiċċji mhux kontributorji taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jinħadmu u jitħallsu lill-kap tal-familja ( household ) wara li jsir it-test tal-meżżi (kapital u dħul) li jkollha dik il-familja ( household ). Allura jekk wieħed jissodisfa dan it-test tal-meżżi il-kap tal-familja jkun jista' jitlob għan-nom tal-persuna dijabetika l-Għajnuna Medika (fi flus).