Legislature:
Category:
Reset
Active:

farmers' market — moniteraġġ fuq bdiewa li jixtru mingħand bdiewa bħalhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jimmoniterja l-bdiewa li jixtru mingħand bdiewa bħalhom biex ibiegħu fil-farmers' market bħalma jsir fil-każ tal-Pitkala, biex ma jkunx inkoraġġit cash sale u dan biex ma jkunx hemm evazjoni tat-taxxa? Jekk iva, b'liema mod?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Interpellant tiċċara l-mistoqsija tagħha.

farmers market — bdiewa li jdħaħlu prodotti li jibqgħalhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk il-bdiewa li qed ibiegħu fil-farmers' market jistgħux idaħħlu l-prodotti li jibqgħalhom, jiġifieri li ma jkunux biegħu fil-Pitkalija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

M’hemm xejn xi jżomm lill-bdiewa li jagħmlu dan.

farmers market — benefiċċju lil bdiewa kif imħabbar fil-budget

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li jistgħu jarmaw fil-farmers' market, jiġifieri bdiewa, hux se jingħataw il-benefiċċju li ġie mħabbar fil-budget fir-rigward tal-kontribuzzjoni soċjali u t-taxxa, jiġifieri li jħallsu 3% fuq il-bejgħ, u jekk dawn il-benefiċċji hux qed jgħoddu ukoll għall-finijiet tal-bejgħ tagħhom f'dan is-suq? Jekk iva, il-gvern se joffri l-istess beneficċċju lil dawk li jbiegħu l-ħaxix bħala hawkers?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din il-miżura qiegħda tinħadem u d-dettalji jingħataw aktar tard.

farmers market — regoli fuq il-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jghid jekk dawk li jistgħu jarmaw fil-farmers' market f'Ta' Qali humiex irregolati bl-istess regolamenti u liġijiet, per eżempju tas-sanità u tad-Dipartiment tal-Kummerċ bħalma huma regolati l-hawkers?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kull min qed jippartecipa fil-Farmers’ Market issottometta applikazzjoni mad-dipartiment tal-kummerċ u l-Ministeru assigura li jkun hemm spezzjoniiet regolari mill-awtoritajiet konċernati.

approvazzjoni għal suq ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk biex jitwaqqaf suq ġdid f'xi lokalità iridx l-approvazzjoni tal-Parlament? Jekk iva, b'liema mod? X'permessi jrid ikollhom persuni li jixtiequ jwaqqfu suq ġdid?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi biex jitwaqqaf suq fil-beraħ ġdid f’xi lokalita’ ma jinħtieġx l-approvazzjoni tal-Parlament. Is-swieq stabiliit qegħdin f' AL 1 ta' 2002 kif amendat (raba' skeda). It-twaqqif ta' swieq ġodda huwa regolat permezz tal-att dwar il-liċenzi tal-Kummerċ Kap 441 li f’Artikli 12 u 13 jipprovdi li: Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ kull liġi oħra, l-Ministru, bi ftehim mal-Kunsill Lokali jista;, b’Ordni fil- Gazzetta jistabbilixxi suq fil-beraħ. Għalhekk għall-aħħar parti tal-mistoqsija, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda persuna ma tista minn jeddha twaqqaf xi suq ġdid.

sussidju lil Ryanair għar-rotta ta' Birmingham

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux se jingħata sussidju lil Ryanair għar-rotta ta' Birmingham, wara li l-Air Malta se tieqaf topera din ir-rotta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern mhux qed jissussidja r-rotta ta’ Birmingham. L-Awtorita’ tat-Turiżmu tilħaq ftehim ma operaturi turistiċi inklużi linji ta’ l-ajru bħal Air Malta u Ryan Air, sabiex jippromwovu btajjel f’pajjiżna inkluż ir-rotta ta’ Birmingham.

Vetturi second hand — mileage

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-vetturi second hand importati mill-Ewropa ma jiġux b'ċertifikazzjoni tal-mileage li jkollhom qabel jaslu Malta, bħal fil-każ ta' vetturi li jiġu importati mill-Japan u dan sabiex ma jkunx hemm abbużi ta' tbabis fil-meter tal-mileage minħabba r-registration?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi flimkien ma’ Transport Malta kkonkluda l-qafas regolatorju biex matul l-ewwel xhur tas-sena d-dieħla, Transport Malta tintroduċi l-obbligu li waqt ir-reġistrazzjoni ta’ kull vettura wżata li tkun ġejja mill-Unjoni Ewropea, is-sid tal-vettura jrid jissottometti ċertifikat li jikkonferma l-mileage ta’ dik il-vettura, liema ċertifikat jiġi maħruġ minn aġenzija approvata minn Transport Malta.

Vetturi Second Hand — notice of arrival

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Gvern biex ma jkunx hemm abbużi meta jiġu importati vetturi second hand mill-Ewropa, fis-sens li n-notice of arrival ma tiġix mibdula minn sid għal ieħor u/jew id-data ta' meta waslet Malta b'mod abbużiv? Jista' jgħid jekk qattx kien hemm abbużi bħal dawn li inqabdu? Jekk iva, kemm kien hemm matul dawn l-aħħar tlett snin, sena b'sena? X'passi ittieħdu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Artikolu 6(2) tar-Regolamenti 2009 dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Liċenzjar ta’ Vetturi bil-Mutur jistipula li ‘Persuna li timporta jew iġġib f’Malta vettura bil-mutur użata skont ma jingħad f’dan ir-regolament għandha, fi żmien ħmistax-il jum minn meta l-vettura tkun waslet Malta, tippreżenta applikazzjoni u tipprovdi d-dokumenti kollha rilevanti skont ma jipprovdi s-subregolament (4) ta’ dan ir-regolament, lill-Awtorità għar-reġistrazzjoni ta’ dik il-vettura. Artikolu 3 jistipola li ‘ Meta persuna, li ma tkunx negozjant awtorizzat, tonqos, għal raġunijiet mhux ġustifikati, milli tikkonforma mas-subregolament ta’ qabel dan, hi tista’ teħel multa amministrattiva ta’ €30 għal kull ġurnata li l-vettura tibqa’ ma tiġix reġistrata wara li jgħaddu dawk il-ħmistax-il jum imsemmija fis-subregolament (2) hawn qabel. Sabiex Transport Malta tivverifika jekk għaddewx il-ħmistax-il ġurnata mid-data li l-vettura waslet Malta fl 1 ta’ Ottubru ta’ 2009 introduċiet l-obbligu li kull persuna li mhiex importatur awtorizzat (għaliex dan huwa eżentat skont il-provedimenti msemmija qabel) irid jippreżenta n-Notice of Arrival tal-vettura. Transport Malta ma tobbligax li notice of arrival jkollha is-sid tal-vettura u l-maġġoranza tan- notice of arrivals li jiġu maħruġa mil-kumpaniji tas-shipping ma jkollhomx id-dettajli tas-sid iżda dettalji relatati mal-vettura u għaldaqstant Transport Malta ma tkunx taf li s-sid inbidel. Transport Malta mhijex infurmata li qatt kien hemm xi abbużi peress li n- Notice of Arrivals jigu maħruga min kumpanija tas- shipping.

Vetturi Second Hand

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm membru ta' familja jista' iġib vetturi importat second hand mill-Ewropea fuq ismu f'sena u kemm jista' jbiegħ minnhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li m'hemmx limitu fuq l-ammont ta' vetturi importanti second hand mill-Ewropa li membru ta' familja jista' jġib fuq ismu f'sena. Iżda persuna li mhix liċenzjata bħala dealer ma tistax titrasferixxi iktar minn żewġ vetturi fis-sena minn dawk importati.

Ħal Kirkop — Triq San Benedittu - akkwist ta' art mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se jakkwista l-art f'Ħal Kirkop li ngħatat għal bini mill-gvern fl-1989 f'area ta' Triq San Benedittu? Liema art ġiet imwegħda li tiġi trasferita mill-gvern permezz ta' konvenju biss.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Forzi Armati — unpaid leave

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-sultadi fil-Forzi Armati ta' Malta humiex intitolati għall-unpaid leave u fil-każ li huma intitolati, taħt liema ċirkostanzi huma eleġibbli għall-istess? Minħabba l-fatt illi kull suldat fil-Forzi Armati ta' Malta għandu trade u ta' dan l-istess trade jitħallsu tat-trade tagħhom, għaliex hemm diversi suldati li m'humiex qegħdin jitħallsu tat-trade li jaħdmu biha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Regolamenti dwar in-Nomini u l-Kondizzjonijiet tas-Servizzi tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta ma jipprovdux għall- unpaid leave. Madankollu l-membri kollha tal-Forza huma ntitolati għall- Special Family Leave li jinkludi; Maternity Leave Adoption Leave, Parental Leave u Leave to Foster children bħal ma huma ntitolati l-impjegati kollha fis-servizz publiku. Barra min hekk il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta huma wkoll intitolati għall- Compassionate Leave kif stipulat fl-istess Kondizzjonijiet tas-Servizz. Fir-rigward tat- trade allowance dawk il-membri kwalifikati huma ntitolati li jħallsu għal trade qualification waħda bit- trades l-oħra li jista jkollhom ikunu meqjusa bħala reserve trade. L-ammont ta’ nies li f’kull reġiment huma ntitolati li jirżievu dan il-ħlas huwa regolat bit- trade establishment li jiġu aġġornat minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi tas-sevizz.

Air Malta — Cargo

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-11 ta' Novembru 2010, tħalla cargo l-art mill-Air Malta fuq il-flight KM 102 għal Londra? Jista' jkun għaliex l-ajruplan ma kienx kbir biżejjed? Jekk huwa hekk, jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ajruplan li kellu jagħmel it-titjira KM 102 ma nbidilx mal-ajruplan li kellu jagħmel it-titjira KM 420 għal Brussels li seta' jieħu l-cargo kollu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

MCAST — għalliem tal-Pure Maths nieqes

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex studenti tal-MCAST li qed jagħmlu kors fil-Pure Maths bi tħejjija għall-eżamijiet tal-'A' Level għadhom bla għalliem tas-suġġett? Tista' tgħid meta dawn l-istudenti se jkollhom dan l-għalliem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-intervisti għal għalliema fil-Matematika saru nhar il-Ġimgha, 12 ta’ Novembru 2010, u l-kandidat li ġie l-ewwel fl-ordni tal-mertu diġà ġie kkuntattjat. Il-kandidat magħżul għandu jibda f’qasir żmien.

By pass tal-Imrieħel — safe guards għoljin f'nofs il-bankina

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed isiru safe guards f'nofs il-bankina fi Triq is-Sebħ jew kif inhi magħrufa bħala l-by pass tal-Imrieħel? Jista' jispjega jekk min hu responsabbli għal dan ix-xogħol ħax rikonsiderazzjoni tas-sitwazzjoni perikoluża li hemm f'din it-triq biex persuna taqsam minn naħa għall-oħra kompliet tiggrava għaliex issa jrid jaqbeż għoli ta' madwar żewġ piedi u nofs jew tlieta biex jitla fuq il-bankina? Jekk dan ittieħed in konsiderazzjoni, jista' l-Ministru jgħid x'raġunijiet hemm biex dan il-ħadid qed ikun istallat fuq il-bankina u mhux taħt il-bankina? Jista' jgħid jekk itteħditx inkonsiderazzjoni li b'dan il-ħadid, din il-bankina tilfet l-aċċessibilità kemm għal min normalment jimxi bħala eżerċizzju tul Triq is-Sebħ kif ukoll persuni b'diżabilità u dawk li jistgħu jużaw pushchairs eċċ.? Jekk dan ittieħed in konsiderazzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol kif qed isir hux isir skont il-guidelines nazzjonali għall-aċċessibilità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-hard shoulder tal-konkos li hemm fuq iż-żewġ naħat ta’ Triq is-Sebħ qatt ma kienu maħsuba għall-użu pedonali. Il-wisa’ ta’ din il-hard shoulder tvarja bejn 0.6m u 0.95m u għalhekk m’hemmx il-wisa’ neċessarju għall-użu pedonali. Mixi jew ġiri f’din it-triq mhux rakkmandat minħabba il-periklu relatat ma’ traffiku f’din il-bypass. Fl-istess bypass, m’hemmx żoni minn fejn wieħed jaqsam u għaldaqstant din il-prattika m’hix rakkomandata minħabba li hi ta’ periklu kbir kemm għall-persuna kif ukoll għas-sewwieqa. Dawn il- crash barriers qed jiġu nstallati fuq il-bankina bħala prekawzjoni għaliex kien hemm każi fejn persuni li kienu qed jimxu fuq din il- hard shoulder waqgħu u korrew minħabba li m’hemmx wisa’ biżżejjed.

Gżira — Triq il-Gżira - problema tal-għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel il-gvern biex l-għargħar li qed iseħħ fi Triq il-Gżira, Gżira u li qed jaffettwa bil-kbir lil għadd ta' residenzi ta' familji, bi ħsarat kbar fl-għamara u danni oħra anke fil-bini, jiġi rimedjat fl-iqsar żmien possibli?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-problema tal-għargħar fiż-żona msemmija se tkun imtaffijja permezz tal-Proġett għal-kontra l-għargħar li se jiswa madwar 57 miljun euro. Dan il-proġett se jaqbad l-ilma tax-xita minn diversi inħawi 'l fuq minn l-imsemmijja triq speċjalment dawk tar-Regional Road u Wied Għollieqa u permezz ta’ ġibjun kbir u mini taħt l-art ser iwassal dan l-ilma fil-baħar lejn iż-żona ta’ Ta’ Xbiex. Ix-xogħol fuq l-iskavar tal-ġibjun li se jsir f’tarf Wied Għollieqa u ppjanat li jinbeda kmieni s-sena d-dieħla.

għasafar li jinqabdu waqt raids fuq in-nassaba

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-għasfar li jinqabdu mill-Pulizija ta' Administrative Law Enforcement meta jagħmlu raids fuq in-nassaba?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi meta l-Pulizija taqbad xi persuna li tkun qed tonsob u li jkollha fil-pussess tagħha għasafar protetti bil-liġi, dawn l-għasafar jiġu sekwestrati, tingħata rċevuta u jittieħdu proċeduri kontra dik il-persuna skont il-liġi. Infurmat ukoll illi dawk l-għasafar li jkunu sekwestrati, jiġu eżaminati minn uffiċjal tal-MEPA sabiex ikun ikkonfermat li dawk huma speċi protetti u wara jiġu meħlusa ġo riserva naturali.

Karozzi li jintużaw fuq l-airfield

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Air Malta kkunsidratx li tixtri l-karozzi li jintużaw fuq l-airfield biss, minflok jikri u jħallas eluf ta' ewros fis-sena, meta dawn il-vetturi li jintużaw għal dan l-iskop jistgħu jkunu eżentati mid-dazju u b'hekk ikunu ffrankati l-flus?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa, l-Air Malta qed toqgħod ħafna lura milli tinvesti minħabba in-nuqqas ta’ kapital li għandha. Għaldaqstant, mhix qed tikkunsidra li tixtri l-karozzi li jintużaw fuq l-airfield, minflok li tikri.

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — tibdil fl-istrutturi ta' bini

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed tissanzjona u tinforza tibdil fl-istrutturi ta' bini, anke faċċati tad-djar, ta' dak il-bini u strutturi li nbnew qabel ma twaqqfet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u dan ta' detriment kemm finanzjarju u anke strutturali għal dawn is-sidien? Jista' jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hijiex tagħraf dawn id-diffikultajiet u hijiex tikkonsidra approaches oħra biex dawn is-sidien ma jbatux bla ħtiega?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed tagħmel dan għaliex l-Att Dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvillup, Kap 356, jipprovdi (fl-artikolu 51 (2)) li żvilupp li jkun seħħ qabel is-sena 1992 xorta waħda għandu josserva l-permessi li jkunu nħarġu fuq dak l-iżvilupp. Il-Kap 356 fl-Artikolu 55B kif ukoll l-Att il-ġdid li jirregola l-Ambjent u l-Ippjanar ta’ l-Iżvillup (Att X tas-sena 2010) fl-Artikolu 91 jipprovdu mekkaniżmu kif Avviżi biex Tieqaf u ta’ Twettieq rigward ċertu illegalitajiet li jkunu seħħew f’ċertu perjodu ma jkunux jistgħu jiġu esegwiti mill-Awtorità.

Ħal Qormi — Toroq mill-Ħandaq għal Fortizza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19451 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta Transport Malta se tagħmel it-triq mill-Ħandaq għall-Fortizza fil-konfini ta' Ħal Qormi u toroq li jagħtu għall-għeliqi fl-akwata u dan peress li jinsabu fi stat mill-aktar diżastruż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li din it-triq taqa taħt ir-responsabiltà tal-kunsill lokali u għaldaqstant nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lil-Ministru kkonċernat.