Legislature:
Category:
Reset
Active:

sponsorships, advert campaigns u VIP seating ma' clubs Ingliżi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jiswew id-diversi sponsorships jew advert campaigns kemm fuq il-websites taħt partners, kif ukoll il-VIP seating mal-clubs Inglizi bħal Fulham u Birmingham?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Air Malta — Cargo

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-11 ta' Novembru 2010, tħalla cargo l-art mill-Air Malta fuq il-flight KM 102 għal Londra? Jista' jkun għaliex l-ajruplan ma kienx kbir biżejjed? Jekk huwa hekk, jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ajruplan li kellu jagħmel it-titjira KM 102 ma nbidilx mal-ajruplan li kellu jagħmel it-titjira KM 420 għal Brussels li seta' jieħu l-cargo kollu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Cargo kien ristrett fuq il-KM102 tal-11 ta’ Novembru 2010 ghal Londra minhabba l-limitazzjonijiet ta’ l-ajruplan A319. L-A320 li kien ippjanat ghal KM420 ma setax jinbidel biex jopera l- KM102 minħabba li n-numru ta’ passiġġieri bbukkjati għat-titjira tar-ritorn kien aktar mill-kapacita’ ta’ l-arjuplan. Ġiet ikkonsidrarta l-proposta ta’ A32R (180Y) b’konfigurazzjoni kollu ‘ economy ’, pero’ din kien ikollha mplikazzjonijiet serji fuq il-passiġġieri Club bir-riżultat ta’ ammont sostanzjali ta’ refużjoni ( refunds ) dovuti għax dan l-ajruplan mhux attrezzat għall-bżonnijiet ta’ passiġġieri Club . Barraminhekk, fil-11 ta’ Novembru 2010, żewġ ajruplani A320 ma kinux disponibbli fil-flotta minħabba li kienu skedati għal manutenzjoni.

Ħal Kirkop — Triq San Benedittu - akkwist ta' art mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se jakkwista l-art f'Ħal Kirkop li ngħatat għal bini mill-gvern fl-1989 f'area ta' Triq San Benedittu? Liema art ġiet imwegħda li tiġi trasferita mill-gvern permezz ta' konvenju biss.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħal fil-każ imsemmi f’Ħal Kirkop, hemm diversi artijiet li fuqhom hemm mibnija Housing Estates u li għadhom ma nxtrawx mill-Gvern. Uħud minn dawn il-każijiet imorru lura sas-sena 1976. Kif għamel fis-sena 2010, id-Dipartiment se jibqa’ jagħti priorita’ lix-xiri ta’ dawn l-artijiet u fil-fatt għas-sena 2011 ġiet ivvutata s-somma ta’ €3,000,000 għal dan il-għan. Huwa previst li f’numru ta’ snin ikunu akkwistati l-artijiet kollha li għadhom pendenti.

Ħatra tal-Bord tal-koperattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Bord tal-Koperattivi se jiġi maħtur? Jista' jgħid jekk hux minnu li hemm sitt koperattivi jistennew biex jiġu approvati u magħrufa peress li m'hemmx Bord maħtur?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi notifika fil-gazetta tal-gvern numru 18,679 li ġiet ippublikata fit-30 ta’ Novembru 2010 kienet qiegħda tappunta l-Bord tal-Koperattivi sa 22 ta’ Jannar 2011. Ngħarraf ukoll li fil-preżent hemm tliet applikazzjonijiet li qegħdin fi stadju avvanzat ta’ approvazzjoni filwaqt li applikazzjoni minnhom qiegħda tiġi evalwata mill-ġdid.

Żagħżugħa b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex iż-żagħżugħa b'diżabilità, li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, u li tattendi l-Iskola Dun Manuel Attard fil-Wardija u li għalkemm għalqet 22 sena, ma intbagħtitx fir-Resource Centre kif suppost intbagħtet meta għalqet 19-il sena? Tista' l-Ministru tgħid meta din iż-żagħżugħa se tkompli bil-programm tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Tul is-sena 2010 saret riforma f’dawk li kienu jissejħu Skejjel Speċjali. Il-Programm taċ-Ċentru ta’ Riżorsa Edukattiva, Dun Manwel Attard, huwa mqassam fuq 6 snin, minn 16 sa 22 sena. Għalhekk, iż-żagħżugħa li d-dettalji tagħha ingħataw separatament u li tattendi f’dan iċ-Ċentru fadlilha sal-aħħar ta’ din is-sena skolastika biex tispiċċa dan il-programm.

Enemalta — każijiet ta' sexual harrasement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' sexual harrasement seħħ u ġie pprovat fil-Korporazzjoni Enemalta matul is-snin 2009 u 2010? Jista' jgħid x'passi dixxiplinarji ttieħdu kontra dawk li ġie pprovat li wettqu dan l-att kriminali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul is-snin 2009 u 2010, fl-Enemalta kien rrapurtat każ wieħed ta’ allegat fastidju sesswali. Il-każ kien riferut lill-pulizija li min-naħa tagħha investigat il-każ. Il-pulizjia qatt ma akkużat lill-persuna kkonċernata b’att kriminali. Il-maniġment tal-Korporazzjoni ukoll ressaq il-każ quddiem il-bord tad-dixxiplina li kkonkluda li l-persuna kkonċernata ma kinitx aġġixiet b’mod eżemplari waqt il-qadi tad-dmirijietha u li kienet ukoll tat fastidju sesswali b’intimita` fiżika li pero` ma kenitx serja. Din il-persuna tneħħiet mill-grad ta’ Chief Security Officer u tilfet ukoll ammont sostanzjali ta’ paga billi waqt li kienu għaddejin il-proċeduri, kienet sospiża għall-tlett xhur b’nofs paga.

Restoration Section — Danger Money

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux jitħallas regolarment d-danger money lill-impjegati tar-Restoration Section fi ħdan id-Dipartiment? Jista' jgħid b'kemm-il xahar dan il-ħlas huwa b'lura u kemm hija s-somma totali li għandha titħallas lil dawn l-impjegati? Kemm hemm impjegati involuti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi, skond proċedura stabbilita fit-Taqsima tar-Restawr , il-ħlasijiet tad-danger money isiru fuq bażi regolari ta’ darba kull tliet xhur. Is-somma totali tammonta għal € 3,107 dovuta lil 23 impjegat.

Ristrutturar fl-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jitħallsu Ernst & Young għax-xogħol fuq l-istrutturar u r-rescue plan tal-Air Malta? Kif qed jitħallsu bħala kuntratt sħiħ, jiġifieri sakemm jitlesta x-xogħol jew fuq bażi ta' perjodu, per eżempju, xahar? X'inhuwa l-kuntratt li ngħataw i.e. x'jinkorpora f'termini ta' xogħol, x'terms of reference ngħataw, eċċ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

CEO u Commercial Director tal-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel ix-xogħol ta' CEO u ta' Commercial Director tal-Air Malta bħalissa? Kemm qed jitħallas, f'termini ta' paga, allowances u perks oħra? X'kuntratt għandu? X'terms of reference għandu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — canteen magħluq

Question

Billi l-Ministru għal Għawdex ma kenitx f'pożizzjoni li twieġeb għall-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 20339, jista' l-Ministru jgħid meta se jerġa' jiftaħ il-canteen tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Kemm ilu li sar l-kuntratt il-ġdid tal-kiri ta' dan il-canteen? Jekk il-kera bdiet, qiegħda titħallas minn min ħa l-kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Kuntratt il-ġdid tal-kiri tal-canteen beda jgħodd mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt, jiġifieri mill-31 ta’ Mejju 2010. Il-kera tħallset regolarment sal-aħħar ta’ Novembru 2010 u għadu kif ħareġ il-kont biex jitħallas il-perjodu tas-6 xhur li jmiss. Mill-informazzjoni li għandu d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, il-kerrej qiegħed jirranġa dan il-fond sabiex ikun jista’ jinfetaħ.
Leg 11 PQ #22175 Sitting 295 2010-12-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Spiżerija tal-Għażla Tiegħek — mediċini out of stock

Question

Tista' l-Ministru jgħid kemm ilu out of stock il-Vastarel mill-Ispiżerija tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex u mill-ispiżeriji li qed jipparteċipaw fl-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek f'Għawdex? Billi f'Malta min ma jsibx il-mediċina fl-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħu jew fiċ-Ċentri tas-Saħħa jkun jista' jmur jiġbor l-mediċina mill-Isptar Mater Dei, f'Għawdex minn fejn jista' jiġbor il-mediċina min ma jsibix fl-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħu? Tikkonsidra l-Ministru li għandu jingħata xi forma ta' kumpens lil min mhux isib il-mediċini fl-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pilloli Vastarel kienu ilhom neqsin mill-Ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex minn Lulju 2010. L-ispiżerija tal-Isptar ta' Għawdex ingħatat 2400 pillola Vastarel mill-Government Pharmaceutical Services fil-25 ta' Novembru 2010, għall-pazjenti rikoverati fis-swali. Il-Vastarel (Trimetazidine 20mg tablets) bħalissa qiegħed in stock u ġie mqassam fl-ispiżeriji kollha li qed jipparteċipaw fl-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek kemm f'Malta u kif ukoll f'Għawdex.

Mediċini out of stock

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 20340 u ċioe jgħid jekk jikkonsidrax li wasal iż-żmien li tinbidel il-policy biex il-gvern ma jibqax jabbuża minn min hu l-iktar vulnerabbli u kulmin hu intitolat għal xi mediċina li tkun out of stock din għandha jew tinxtralu mill-gvern jew inkella jingħata l-flus li jkun nefaq?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Xiri ta' karozzi eco-friendly

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'se tkun il-proċedura li biha se titmexxa l-iskema mħabbra fil-budget dwar xiri ta' karozzi eco-friendly u l-għoti ta' €2000? Meta se tibda titħaddem din l-iskema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din l-isema bdiet titħaddem mill-15 ta’ Novembru li għadda. L-iskema s’issa kienet ta’ suċċess, tant li fl-ewwel gimgħatejn kien hemm 455 persuna li bbenefikaw minnha. Dettalji dwar il-proċedura li biha titmexxa l-iskema jinstabu fil-Gazzetta tal-Gvern maħruġa fit-12 ta’ Novembru numru 18,670, jew fuq is-sit elettroniku elenkat hawn taħt: http://finance.gov.mt/image.aspx?site=MFIN&ref=Grants Car Scheme

Impjegati ġodda mal-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies mal-Air Malta sena b'sena mis-sena 2005 sas-sena 2010 u f'liema karigi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Airmalta fi-Frar 2010 diġà tat din l-informazzjoni permezz ta’ PQ 14538. Il-figuri preżentati dak iż-żmien kienu sa Diċembru, 2009. It-total ta’ impjegati ġewwa Airmalta sal-31 ta’ Diċembru 2009 huwa ta’ 1,377. L-Informazzjoni meħtieġa s’Ottubru 2010 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Accounts tal-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awdituri interni kif ukoll esterni li jiċċekkjaw l-accounts tal-Air Malta kull sena għamlux rapporti dwar il-qagħda finanzjarja tal-Air Malta mis-sena 2000 'l hawn? Jekk iva, għal liema snin u x'kienu r-rakkmandazzjonijiet? X'sar minn dawn ir-rakkmandazzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant illi l-awdituri interni u esterni tal-Airmalta jirrappurtaw liċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi, kif isir f’kull kumpanija oħra. Dawn ir-rapporti huma indirizzati direttament lill-Bord, u huma ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Telf li sar fl-operations tal-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien it-telf li sar fl-operations tal-Air Malta fil-perjodu li l-kumpanija kienet qed taħdem b-RJs jew Avros, bħal per eżempju telf fil-ġarr ta' merkanzija (cargo), dewmien fit-tluq tat-titjiriet minħabba bdil ta' magni, tħollija ta' bagalji tal-passiġġieiri l-art minħabba n-nuqqas ta' spazju eċċ.?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ajruplani RJs kienu operati 15-il sena ilu, u peress li l-mistoqsija mressqa mill-Onor. Interpellant hija ipotetika, tali informazzjoni ma tezistix u ma tistax tinghata.

Air Malta — diportazzjoni ta' immigranti illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'alternattiva hemm għall-gvern fil-każijiet ta' diportazzjoni ta' immigranti illegali lejn pajjiżhom, jekk ma teħodhomx l-Air Malta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi każijiet ta’ ritorn ta’ immigranti illegali lejn pajjiżhom mhux neċessarjament isir permezz ta’ titjiriet ta’ l-Air Malta. Infurmat ukoll illi jkun hemm każijiet li dan isir tramite linji tal-ajru oħrajn li joperaw għal dawk il-pajjiżi fejn ma jkunx hemm titjiriet tal-Air Malta.

Kummissarju tat-Taxxi Interni — ittra mhux imwieġba

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ittra bid-data tas-7 ta' Ottubru 2010 mibgħuta lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni għan-nom tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, għadha ma ġietx imwieġba u dan wara li ġiet injorata wkoll l-ewwel ittra bid-data tat-2 ta' Dicembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ittra msemmija, mibgħuta għan-nom tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament issa ġiet imwieġba. Ma setgħetx tiġi mwieġba qabel minħabba li kien qed isir xi checking fil-kuntest tal-iskema li għaddejja bħalissa dwar Tnaqqis fil-Multi u l-Imgħaxijiet.