Legislature:
Category:
Reset
Active:

energy audit fuq diversi sptarijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux energy audit fuq l-isptarijiet: Karen Grech; Boffa u Craig u fuq il-health centres? Jekk saru, jista' jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux, jista' jgħid meta dawn se jsiru u meta se jitlestew?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Siġġiewi — Area ta Kirċeppu - binjiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13921 tas-6 ta' Settembru 2005 li kienet tgħid hekk: "Jista' l-Vici Prim Ministru jgħid x'titolu legali għandhom ir-residenti fuq l-art li ngħatat lilhom mill-gvern bejn l-1981 - 1982, fl-area ta' Kirċeppu fis-Siġġiewi, u li bnew darhom fuqha? Jista' jinnota li wħud minn dawn ir-residenti f'din l-area għadhom b'konvenju mal-gvern u mhux b'kuntratt mal-gvern wara dawn is-snin kollha? X'qed jagħmel il-gvern biex jirregolarizza din is-sitwazzjoni?" B'referenza għat-tweġiba parlamentari tas-26 ta' Settembru 2005, liema tweġiba tgħid: "Il-parti l-kbira tal-area magħrufa ta' Kerċeppu fis-Siġġiewi minn dejjem kienet proprjetà tal-Gvern u qatt ma kien hemm diffikultà li jsir kuntratt mar-residenti li għandhom ir-residenza tagħhom fuq din il-parti. Ir-residenti li għandhom ir-residenza tagħhom fuq il-partijiet li ġew esproprijati imma għadu ma sarx il-kuntratt mas-sidien tal-art, għadhom b'konvenju. Dawn ir-residenti ikunu jistgħu jiffirmaw il-kuntratt tar-residenza tagħhom malli d-Dipartiment tal-Artijiet, ikollu l-fondi sabiex ikun jista' jħallas il-kumpens dovut lis-sidien tal-art" Għaldaqstant, issa li għaddew aktar minn ħames snin minn din il-premessa, jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt il-Gvern allokax fondi għall-kumpens tal-art in kwistjoni f'din l-area margħufa bħala ta' Kirċeppu fis-Siġġiewi? Jekk iva, meta l-persuni involuti, li huma dawk li bnew darhom fuq din it-tip ta' art, se jiġu msejħa mill-Gvern biex jiffirmaw il-kuntratt li jagħtihom it-titolu għall-art li fuqhom bnew darhom? Jekk le, meta huwa ppjanat li jingħata l-kumpens biex tiġi ratifikata u rimedjata s-sitwazzjoni ta' dawn il-familji?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed jagħti priorità biex l-artijiet kollha madwar Malta li fuqhom hemm mibnija Housing Estates, jiġu mixtrija. Din is-sena fl-Estimi, ġew allokati l-ammont ta’ tliet miljun euro għal dan il-għan, waqt li fis-sena 2010 ġiet akkwistata art fir-Rabat u f’Santa Lucija. Huwa intenzjonat li ammont ta’ fondi jiġu allokati kull sena biex wara numru ta’ snin jiġu akkwistati l-artijiet kollha. Dawn l-artijiet jiġu trasferiti lil Awtorità tad-Djar li min-naħa tagħha tkun tista’ tikkonkludi l-kuntratt mar-residenti li qegħdin fuq konvenju, inklużi dawk ta’ Kirċeppu fis-Siġġiewi. B’hekk it-titolu tar-residenti jkun wieħed legali. L-Onorevoli Interpellanta tapprezza li din il-problema u inkonvenjent għal dawn in-nies ma kienx jeżisti kieku meta l-Gvern fl-1981 u 1982 esproprja l-art lis-sidien oriġinali, ħallas għaliha dakinhar. Issa peress li l-Gvern qatt ma kien ħallas għalija, rridu nħalsu sija l-ammont oriġinali u sija l-imgħax legali minn dakinhar, a skapitu tal-finanzi tal-pajjiż.

Dipartiment tal-Artijiet — Ħal Qormi - Art tal-gvern li qed tintuża bħala miżbla

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-art li hija proprjetà tal-gvern, li għal finijiet ta' referenza tad-Dipartiment għandha fileNru. 326/2006 u li tinsab fi Triq is-Sienja, Ħal Qormi, qed tinżamm fi stat ta' abbandun u b'konsegwenza qed tispiċċa bħal mizbla fejn qed jintrema kull xorta ta' skart? Jista' jgħid x'se jagħmel il-gvern b'din l-art u kif se jirrimedja immedjatament biex il-ħmieġ u l-ħaxix ħażin li hemm jitnaddaf?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-art li qed tagħmel referenza għaliha hija mikrija biex tintuża bħala ġnien. Il-kerrej ta’ din l-art diġa’ ġie mwissi sabiex iżomm dan is-sit nadif u f’kundizzjoni tajba skont kif stipulat fil-kundizzjonijiet tal-kirja. Kemm il-darba il-kerrej ma jżommx ma’ dawn l-obbligi, id-Dipartiment ikun lest li jieħu passi legali jew li jittermina din il-kirja.

Talba għal Social Housing

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-familja b'ġenitur wieħed, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, minkejja li ilha seba' snin li applikat għal social housing, u minkejja ukoll li għandha problemi ta' saħħa mentali u mediċi, qatt ma ngħatat opportunità ta' housing xieraq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita’ tad-Djar talbet lill-applikanta biex tikkunsidra lokalitajiet oħra peress li fil-lokalità preferuta tagħha mhemmx postijiet vakanti.

Persuni li għaddew mill-eżamijiet għal skrivana mal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għaddew minn dawk li applikaw għal skrivani mal-Gvern? Kemm se jimpjega? Meta se jimpjegawhom? Kemm idum eliġibbli r-riżultat ta' dan l-eżami biex l-individwi konċernati jiġu msejħa biex jimlew il-postijiet vakanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari diġà ngħatat permezz tat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 19111, 19351, 21311, 21831 u W184.

Skrivani mal-Cottonera Sports Complex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm se jiġu impjegati skrivani mal-Cottonera Sports Complex u mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Kemm applikaw? Kemm għaddew mill-interview? Meta se jiġu impjegati? X'kienu l-kriterji tal-għażla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma kienx hemm sejħa għall-ingaġġ ta’ skrivani mal-Cottonera Sports Complex iżda jekk l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għal sejħa għall-ingaġġ mal-Kunsill Malti għall-Isport (KMS), din kienet għal ingaġġ ta’ post wieħed klerikali. B’kollox kien hemm 148-il kandidat li ntbagħtu mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ għal dan il-post. Il-kriterji tal-għażla kienu dipendenti fuq il-kwalifiċi, b’minimu ta’ 6 O’Levels filwaqt li ingħatat konsiderazzjoni lilll-esperjenzi u ħiliet oħra tal-applikanti. Il-proċess tal-għażla għadu mhux konkluż.

Postijiet ta' skrivana mal-Cottonera Sports Complex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw għal post ta' skrivani mal-Cottonera Sports Complex? Kemm ġew interviewed? Kemm għaddew mill-interview? Kemm hemm postijiet vakanti? Ġew mimlija dawn il-postijiet? X'kienu l-kriterji tal-għażla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23051.

Bajja ta' Għar Lapsi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern biex jassigura li l-Bajja ta' Għar Lapsi tkun aċċessibli għall-għawwiema u dan peress li din il-bajja li hija ffrekwentata ħafna fis-sajf m'għandhiex faċilitajiet ta' aċċessibilita' kif jixraq? Jekk għandu pjanijiet, x'inhuma dawn? Meta se jibda x-xoghol? Meta huwa ppjanat li jitlesta? Jekk m'għandux pjanijiet ma jidhirlux l-Ministru li qed iċċaħħad lill-għawwiema Maltin kif ukoll l-għadd ta' turisti li jmorru f'din il-bajja minn ħin ta' rilassament u eżerċizzju li huwa ta' benefiċċju għal kull min jixtieq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-dipartiment bħalissa qed jeżamina kif jista' jiżdied l-aċċess fl-imsemmija bajja.

MCAST — diploma tal-AAT - għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jagħmel id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u t-tmexxija tal-MCAST fir-rigward ta' studenti li qegħdin fl-aħħar sena tal-AAT Diploma fl-Accounts u li ilhom madwar tliet ġimgħat mingħajr għalliema tal-external audit, meta dawn l-istudenti waslu fl-aħħar tal-kors u ħafna minnhom jistgħu jkunu effettwati fit-teżi? X'arranġamenti proviżorji se jsiru biex jiġi assigurat li dawn l-istudenti jkomplu bl-istudji tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-lekċerer qiegħda fuq ċertifikat mediku għal raġuni valida. Qed isiru arranġamenti biex jiġu mogħtija l-lekċers mitlufa, għaldaqstant l-istudenti mhux se jkunu żvantaġġati fl-istudji tagħhom għall-eżamijiet ta’ l-aħħar tas-sena.

Siġġiewi — Day centre għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir d-Day Centre għall-Anzjani fis-Siġġiewi li kien imwiegħed li se jsir għadd ta' snin ilu, u fejn se jsir?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità qiegħed fil-proċess li flimkien mall-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jiftaħ Day Centre għall-Anzjani ta’ din il-lokalità. Id-day centre se jifforma parti mill-bini tal-Kunsill Lokali fil-Pjazza San Nikola, Siġġiewi.

MTA — party tal-milied

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min ħallas għal-party tal-Milied li sar fil-bini tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? Jekk ħallset l-awtorità, min kien mistieden?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma sar l-ebda party tal-milied iżda f’ Diċembru saru drinks ad unur erba’ impjegati tal-awtorità li laħqu l-età tal-irtirar. L-impjegati kollha tal-awtorità kienu mistiedna jattendu.

MIA — kera tal-bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Air Malta hux qed tħallas l-istess rata ta' kera lill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta bħalma qed iħallsu kumpaniji oħra u/jew jekk hemmx xi kumpaniji li mhux qed iħallsu kera tal-uffiċini lill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Malta International Airport plc hija kumpanija privata u l-informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma tistax tingħata.

Restoration Unit — danger money

Question

B'referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 22384, jista' l-Ministru jgħid għaliex id-danger money fir-Restoration Unit qed jitħallas kull tliet xhur u mhux qabel u għaliex meta jsir il-ħlas ma jingħatax rendikont ta' liema xhur ikunu tħallsu l-ħaddiema? Jista' l-Ministru jgħid ukoll b'liema rata dawn il-ħaddiema qed jitħallsu għad-danger money?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta illi d-danger money fir-Restoration Unit jitħallas darba kull tliet xhur minħabba raġunijiet amministrattivi. Is-sistema tal-payroll tal-gvern ma tippermettix illi tidher din l-informazzjoni fuq il-payslip tal-paga.Il-ħlas tad-danger money pagabbli għal kull siegħa xogħol, jinħadem fuq il-minimu tal-iskala pagabbli lill-impjegat konċernat, sa massimu ta’ tliet siegħat. Għal xogħol li jsir minn għoli li jeċċedi 6.5 metri iżda ma jaqbiżx is-16.5 metri, l-ammont pagabbli jkun 25% tar-rata għal kull siegħa. Għal xogħol li jsir f’għoli li jaqbeż is-16.5 metri, ir-rata tiżdied għal 50% tar-rata għal kull siegħa.

Riżultati ta' eżamijiet għal beadles fl-Università

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se joħorġu r-riżultati tal-eżamijiet li saru għal beadles fl-Università, f'Awwissu 2010? Tista' tgħid kemm hemm bżonn persuni għal dan il-post? Tista' tikkonferma jekk sarux l-interviews biex jimtlew dawn il-postijiet? Jekk saru, min ġie msejjaħ? Jekk ma sarux, meta se jsiru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-intervisti għall-Beadles fl-Università saru f’Jannar 2011 u r-riżultat għadda lill-Kunsill f’laqgħa li kien hemm fis-27 ta’ Jannar 2011 Ħdax-il kandidat ġew imqegħda f’ordni ta’ mertu u jiġu msejħa meta jkun hemm vakanzi għal post ta’ Beadles fl-Università. Il-lista tibqa’ valida għal sena mid-data tal-kunsill sas-27 ta’Jannar 2011.

Ħal Qormi — Health Centre - pilloli Atanadol 25mg

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-health centre ta' Ħal Qormi għal kważi xahar ma kienx hemm il-pilloli Atanadol 25mg, pilloli tal-pressjoni? Jista' jassigura li se jkun hemm minn dawn il-pilloli, speċjalment biex l-anzjani ma jkollhomx għalfejn joqgħodu jmorru minn health centre għall-oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pilloli Atenolol 25mg ilhom neqsin mill-ispiżeriji taċ-Ċentri tas-Saħħa għal madwar erba’ ġimgħat. Dan kien riżultat ta’ każ ta’ appell li kien hemm quddiem id-Dipartiment tal-Kuntratti. Din il-kwisitjoni issa ġiet riżolta. Konsenja ta’ din il-mediċina waslet Malta fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet.

persuni li għaddew mill-eżamijiet ta' skrivana mal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jiġu impjegati dawk li għamlu l-eżami u l-interview għal skrivani mal-Gvern f Frar 2010? Kemm se jiġu impjegati minn dawk li għaddew mill-eżami u l-interview? Jekk ma jiġux impjegati issa, kemm idum validu dan l-eżami u l-interview?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari diġà ngħatat permezz tat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 19111, 19351, 21311, 21831 u W184.

MTA — nies ġodda impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda mal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta mis-sena 2008 sal-lum? Kif ġew impjegati, jiġifieri x'tip ta' kuntratt, x'salarji, x'allowances u xi fringe benefits għandhom? X'xogħol qed jagħmlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant

MTA — taqsima tal-events

Question

Jista' l-Prim Ministru jelenka x'events għamlet l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta matul is-sena li għaddiet f'Malta? Għandha taqsima responsabbli għal dawn l-events? Kemm hemm impjegati tal-awtorità f'din it-taqsima? X'inhuma l-karigi tagħhom? Liema impjegati kienu responsabbli minn events partikolari bħal elenku tal-events u l-uffiċjali inkarigati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-events huma parti importanti mill-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Huma jistgħu jservu kemm bħala fattur biex turist jagħżel li jżur pajjiżna kif ukoll bħal mezz biex ittejjeb l-esperjenza ta’ turisti li jkunu Malta fiż-żmien meta titla l-attivita’. Ir-rwol ta’ l-MTA fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ivarja minn sapport finanzjarju għall-organizzazzjoni aktar diretta. L-MTA, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, tgħin ’l fuq minn 50 attivita’ li jsiru f’lokalitajiet mifruxin ma Malta u Għawdex fiż-żmien off peak. L-Awtorita’ toffri għajnuna finanzjarja lil diversi attivitajiet oħra fosthom l-opri li jittellgħu Għawdex, il- Vintage Car Gran Prix, il- Military Tattoo, ir- Rolex Middle Sea Race u l- Malta Marathon. L-MTA torganizza hi stess numru ta’ attivitajiet fosthom l- MTV, il- Malta Fireworks Festival, l- In Guardia f’Sant Iermu, u l- George Cross Re-Enactment. L-Awtorita’ għandha Manager Events li hu inkarigat minn uħud minn dawn l-attivitajiet. Il- Unit tal- International Media Relations u sezzjonijiet oħra fl-MTA huma wkoll involuti f’xogħol relatat ma’ attivitajiet.

MTA — palm reader

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huwa obbligat li jippanċja għax-xogħol permezz tal-palm reader fl-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-gradi kollha taħt il-ftehim kollettiv kif wkoll il-gradi ta’ Manager huma obbligati li jippanċjaw għax-xogħol permezz tal-palm reader fl-Awtorita tat-Turiżmu ta’ Malta.