Legislature:
Category:
Reset
Active:

Infermiera u qwiebel irreġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn infermiera u qwiebel irreġistrati f'Malta għal kull 10,000 persuna matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’dawn l-aħħar ħames snin, in-numru ta’ infermiera u qwiebel irreġistrati għal kull 10,000 persuna huwa kif muri fit-tabella hawn taħt: Sena Infermiera Qwiebel 2006 135.65 8.53 2007 138.97 8.94 2008 142.91 8.87 2009 144.51 6.71 2010 (maħduma fuq il-popolazzjoni ta’ 2009) 155.21 6.92

Laqgħa ma' Frosch

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ġie diskuss waqt il-laqgħa li kellu ma' Frosch fil-Ġermanja ftit taż-żmien ilu u x'suċċess ħareġ minnha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iż-żjara tieghi fi Munich, il-Ġermanja f’Awwissu 2008 saret wara stedina li kelli minn Frosch Touristik (Ġermanja) fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-operazzjoni tagħhom f’Malta. L-għan ewlieni ta’ din iż-żjara kienet il-preżenza tiegħi f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet speċjali għal din il-kumpanija li ilha tagħmel negozju ma’ Malta għal tant snin b’suċċess fejn indirizzajt ukoll lil dawk mistiedna. L-ispejjeż kollha ta’ dan il-vjaġġ tħallsu mill-kumpanija kkonċernata. Tul din iż-żjara ħadt l-opportunità sabiex waqt li kont fi Munich, iltqajt u ddiskutejt ma’ l-għola uffiċjali tal-Kumpanija BMW li għandhom l-operazzjoni tagħhom f’Malta ukoll, filwaqt li ltqajt ukoll ma’ numru ta’ investituri oħrajn li kienu preżenti għad-diversi attivitajiet li kienu organizzati minn Frosch Touristik.

San Pawl il-Baħar — funatana

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar minnha l-funtana li ftit tas-snin ilu kienet ġiet stallata fil-baħar f'San Pawl il-Baħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għall-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant jista’ jingħad li l-funtana tinsab maħżuna f’maħżen tad-Direttorat għall-Manutenzjoni u Servizzi. Jien infurmat illi l-funtana għadha f’kundizzjoni li tista’ terġa’ tintuża u li fil-futur qarib ser jinbeda proġett biex terġa’ tintrama f’sit li għad irid jiġi identifikat.

Ħal Farruġ — MEPA - EIA - ground tal-football

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20991 u jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għamlitx Environmental Impact Assessment fuq l-iżvilupp ta' ground tal-football fi Triq Ħal Farruġ, Luqa u fejn biex dan il-ground jinbena, se jkollha tiġi kklerjata area sħiħa ta' siġar li huma buffer għall-area residenzjali ta' Ħal Farruġ li hija mdawwra minn Industrial Estate, batching plant, scrapyard, industriji oħra u ajruport li żgur li jħalli effett ta' emissjonijiet fl-arja għad-detriment tal-mijiet ta' familji li jgħixu fiż-żona? Jekk sar dan l-Environmental Impact Assessment, jista' jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, meta se jsir u jekk l-iżvilupp hux se jsir qabel ma jkun hemm l-esitu ta' Environmental Impact Assessment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Aworità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ma jidhirx li għadha ġiet sottomessa applikazzjoni għal żvilupp ta’ football ground fuq is-sit in kwistjoni. Għalhekk il-proċess tal-applikazzjoni għadu ma nbediex u d-Direttorat tal-Ippjanar mhux f’pożizzjoni li jitlob l-istudji neċessarji (bħal EIA, TIS, eċċ.) għal dan l-iżvilupp hekk kif titlob il-liġi.

environmental impact assessments — noise pollution u emissions

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19539, 18558 u 17219 u jgħid jekk sarx environmental impact assessment, inkluż għal noise pollution u emissions, fuq il-madwar tal-hangar eżistenti u dak li qed jinbena għall-manutenzjoni tal-ajruplani, viċin Ħal Safi, Ħal Kirkop u anke l-Kulleġġ ta' San Benedittu? Jekk sar jista' jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, xi kriterji intużaw biex ikun assigurat li l-familji, studenti u immigranti li jgħixu fil-madwar, ma tkunx effettwata negattivament is-saħħa mentali u fiżika tagħhom, il-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-valur tal-proprjetà tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-Awtorità kkunsidrat il-każ fil-merti tiegħu, u stabbiliet li ma kienx hemm bzonn li jiġi sottomess studju dwar l-impatt ambjentali għal dan l-iżvilupp.

MTA — promozzjonijiet tal-impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid xi promozzjonijiet ingħataw lill-impjegati tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta mis-sena 2008 sal-lum, skont id-dati ta' meta ngħataw, il-karigi, l-impjegati partikolari u r-raġuni għalxiex ingħataw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-promozzjonijiet fl-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta jingħataw meta tiġi identifikata l-lok ta’ post vojt fl-istruttura u tinħareġ sejħa nterna lill-impjegati kollha eliġibbli biex jesprimu l-interess fil-pożizzjoni. Il-persuna tiġi magħżula wara li jsir proċess ta’ interviews.

Kunċert tal-MTV

Question

Jista' l-Prim Ministrun jgħid jekk il-kunċert tal-MTV hux se jerġa' jittella' din is-sena? Jekk se jittella' kemm se jiġi jiswa? Kemm swew il-kunċerti li ttellgħu fis-snin li għaddew, wieħed wieħed, skont is-sena? Jista' jgħid x'riżultat inkiseb għan-nefqa li saret? Kif ġie kkalkulat ir-riżultat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li għaddejjin in-negozjati mal-MTV biex jerġa’ jittella dan il-kunċert is-sena li ġejja. L-iskop ta’ dan l-avveniment hu li juri lil Malta bħala gżira interessanti u li toffri prodott eċitanti għaż-żgħażagħ. Dan il-għan jidher li qed jintlaħaq, kif tixhed iż-żieda fit-turisti ta’ eta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena. Skont l-istatistika maħruġa, bejn Jannar u Novembru 2010 din il-kategorija kibret b’rata ta’ 35% li tirriżulta f’żieda ta’ 68,000 turist iżjed meta mqabbla ma’ kategoriji oħra ta’ eta’ għall-istess perjodu s-sena l-oħra. Din kienet l-akbar żieda kemm f’termini ta’ persentaġġ kif ukoll fl-ammont totali. Il-valur tal-kuntratt ma jistax jiġi ppublikat minħabba li din hija meqjusa bħala informazzjoni kummerċjalment sensittiva. *Il-kuntratt ikopri kemm l-ispejjeż tal-produzzjoni kif ukoll reklamar fuq l-istazzjonijiet Ewropew tal-MTV.

Qasam tas-saħħa — viżjoni 2015

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Viżjoni 2015 dwar il-qasam tas-saħħa f'Malta u f'Għawdex?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li wara li l-kumpanija Angelou Economics wettqet marketing assessement ta’ pajjiżna, li kien ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2010, u wara proċess ta’ konsultazzjoni estensiv, inkluż mal-pubbliku ġenerali, bħalissa l-gvern jinsab fil-proċess li jibni fuq dawn il-proposti u jiddefinixxi l-Viżjoni għall-2015, b’sensiela ta’ objettivi u proposti konkreti. Din mistennija ssir pubblika aktar tard din is-sena.

Awtorità tad-Djar — priority list

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se tkun indirizzata l-problema soċjali akuta, tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għall-finijiet tal-Awtorità tad-Djar ilha fuq il-priority list għal għadd ta' xhur?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni applikat għall-akkomodazzjoni alternattiva nhar l-20 ta’ Novembru, 2009. Minħabba l-kundizzjoni ta’ mard li għandha, l-applikanta għandha bżonn appartament bi tlett ikmamar tas-sodda isfel. Hija tixtieq li tiġi allokata post ġewwa l-lokalita ta’ Bormla biex tkun viċin il-familjari tagħha. Fil-preżent l-Awtorità tad-Djar m’għandiex apartamenti ġewwa Bormla adattati għall-bżonnijiet ta’ din l-applikanta.

ex-impjegati tal-Maltapost — skala ta' salarju

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ex-impjegati tal-Maltapost li reġgħu lura fis-servizz pubbliku ma ġewx integrati fl-istess skala ta' salarju meta kienu jagħmlu l-istess xogħol? Għaliex hemm min spiċċa fi skala 14 u oħrajn spiċċaw fi skala ogħla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ex impjegati tal-Maltapost li reġgħu lura fis-Servizz Pubbliku ġew assimilati/assorbiti skont il-Classification Stream u l-grad sustantiv li kellhom fis-Servizz Pubbliku, qabel ma marru ma’ Posta Ltd/Maltapost, skont il-Ftehim tad-9 ta’ Mejju 2002 u dak tas-6 ta’ Diċembru 2007 bejn il-Gvern u l-Unions, waqt li żammew, fuq bażi personali, l-iskala ta’ salarju li tirrifletti s-salarju li kellhom il-Maltapost.

Dipartiment tas-Saħħa — eżerċizzji ta' Production Cost

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa jagħmilx eżerċizzji tal-production costs bħal per eżempju per patient skont is-servizz/kura diversi li jingħataw tas-saħħa? Jekk isiru dawn l-eżerċizzji, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-workings ta' dawn l-eżerċizzji?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ex-impjegati tal-Air Malta — użu tal-karozza tal-kumpanija

Question

Jista' Ministru jgħid min minn dawk l-impjegati tal-Air Malta li spiċċaw mill-impjieg tagħhom, jew permezz ta' early retirement scheme jew xi skema oħra, jew irtiraw mod ieħor, għadhom jużaw il-karozzi jew mikrija mill-kumpanija jew tal-kumpanija? Kemm qed jiswew dawn il-vetturi lill-kumpanija fix-xahar? Kemm ilhom jintużaw b'dan il-mod?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ebda impjegat tal-Air Malta li spiċċa mill impjieġ permezz ta’ early retirement scheme, xi skema ohra, jew irtirar b’mod ieħor, qed juża xi karozza mikrija mill-kumpaija jew tal-kumpanija.

nies ta' età kbira li jirreġistraw — mitluba jsibu xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'għajnuna qed jingħataw dawk il-persuni li huma qrib l-età tal-irtirar u li qed jirreġistraw u li jinqatgħu mil-lista tar-reġistrar għal raġuni jew oħra u li biex jerġgħu jingħataw l-għajnuna soċjali jiġu mitluba biex tal-anqas jaħdmu sitt xhur? Taf il-Ministru li dawn il-persuni ta' età kbira qed isibuha diffiċli biex isibu x-xogħol u qed jitħallew mingħajr għajnuna finanzjarja x-xhur u b'konsegwenza huma u l-familji tagħhom mhux qed ikollhom biex jgħixu u jikkuraw ruħhom? X'se jagħmel il-gvern dwar dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuna tinqata’ mil-lista tar-reġistrar għax jew tkun inqabdet taħdem waqt li qed tirreġistra, jew irrifjutat opportunita’ ta’ taħriġ jew impieg mingħajr raġuni xierqa. Hemm proċess fejn il-persuna kkonċernata tkun tista’ titlob lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ jirrevedi din id-deċizjoni u għandha kull dritt tressaq il-provi xierqa fil-każ tagħha. Apparti dan, l-istess persuna tista’ tressaq il-każ tagħha quddiem l-Awtorita’ Nazzjonali dwar ix-Xogħol. Tajjeb jingħad ukoll iżda li persuna tkun trid tipprova li ħadmet għal sitt xhur konsekuttivi fil-każ biss li inqabdet taħdem waqt li kienet qed tirreġistra u tirċievi l-Għajnuna Soċjali għaliha u għal familja . Bħala deterrent għal dan l-abbuz, persuna li tinqabad taħdem waqt li qed tirreġistra ma tkunx tista’ terġa' tirreġistra sakemm ma tkunx ħadmet għal sitt xhur konsekkutivi. Fil-każijiet l-oħra l-persuna titpoġġa fuq it-Tieni Parti tar-Reġistru u wara sitt xhur awtomatikament terġa’ titpoġġa fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru u terġa’ takkwista d-dritt għal Għajnuna Soċjali għaliha u għal familja. F’kull każ imsemmi hawn fuq, filwaqt li l-persuna tinqata’ mir-reġistrar u ma tkunx intitolata għall-għajnuna soċjali, il-familja tagħha tkun tista’ titlob lil Bord ta’ l-Għajnuna Soċjali biex f’dan il-każ partikolari din il-familja tingħata l-għajnuna finanzjarja. Dan il-bord hu maħtur minni u huwa ffurmat mid-Direttur Ġeneral tas-Sigurtà Soċjali bħala Chairperson u rapprezentanti tal-Unjons kif ukoll fih rapprezentant taz-żewġ naħat tal-Kamra. Dan il-Bord wara li jkun evalwa t-talba jiddeċiedi jekk għandiex tingħata għajnuna jew le. Għalhekk hemm struttura sħiħa li tipprovdi l-qafas f’każijiet kif imsemmija minnha.

Ħal Farruġ — Triq Ħal Farruġ - stallazzjoni ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta fi Triq Ħal Farruġ se jigi stallat id-dawl u dan minħabba l-periklu li jeżisti f'din it-triq minħabba l-ammont kontinwu ta' vetturi u inġenji kbar li jgħaddu kontinwament minn din it-triq li hija ukoll mingħajr ebda ilqugħ għal dawk li bilfors ikollhom jgħaddu minnha bil-mixi u dan għaliex minkejja d-diversi talbiet li saru lanqas trasport pubbliku m'għandhom il-familji li jgħixu fl-area ta' Ħal Farruġ? Jista' l-Ministru jgħid x'sar mid-diversi talbiet li saru permezz ta' mistoqsijiet parlamentari matul dawn l-aħħar għaxar snin, li saru minni stess u mit-talba li għamel il-kunsill lokali permezz ta' ittra mibgħuta liċ-Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta bid-data tat-12 ta' Mejju 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Enemalta mhux qed tagħmel xogħol ta’ street lighting ġdid għax dawn huma r-responsabbilta tal-Kunsilli Lokali iżda t-talbiet li jagħmlu l-Kunsilli Lokali iridu jkunu approvati minn Enemalta. It-talba għal street lighting ġdid mill-Kunsill Lokali ġiet investigata u nstab illi hija ġustifikata. Il-Kunsill Lokali għandu jiġi nfurmat b’din id-deċiżjoni.