Legislature:
Category:
Reset
Active:

energy audit fuq diversi sptarijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23379 u jgħid jekk sarux energy audit fuq l-isptarijiet: Karen Grech; Boffa u Craig u fuq il-health centres? Jekk saru, jista' jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux, jista' jgħid meta dawn se jsiru u meta se jitlestew?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Bajja ta' Għar Lapsi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23084, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal id-Dipartiment fl-eżami li kellu jagħmel biex jiżdied l-aċċess fil-bajja msemmija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 25479.

Ħal Luqa — Triq ir-Rixtellu - manutenzjoni ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq ir-Rixtellu, Ħal Luqa għaliex din tinsab mimlija ħofor u għaldaqstant hija ta' periklu kemm għall-pedestrians kif ukoll għal vetturi li jgħaddu minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 7120 u Nru. 13576.

Spezzjonijiet fuq kundizzjonijiet u pagi ta' Care workers

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux qed isiru spezzjonijiet u indaġni dwar il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema li jaħdmu bħala care workers mal-kuntratturi u jagħtu s-servizz tagħhom lill-istituzzjonijiet tal-istat? Jekk saru dawn l-ispezzjonijiet, kemm saru minnhom u x'irriżulta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2011, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg diġà wettaq 17 il-spezzjoni dwar kundizzjonijiet tal-ħaddiema li jaħdmu bħala care workers mal-kuntratturi li jagħtu s-servizzi tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-istat. Minn dawn l-ispezzjonijiet irriżultaw ħames irregolitajiet relatati ma’ kundizzjonijiet tal-impjieg lid-dipartiment għadu qiegħed jinvestiga.

Prodott Gross Domestiku — spiża totali għas-settur tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali għas-settur tas-saħħa bħala persentaġġ tal-Prodott Gross Domestiku matul l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sponsorships jew advert campaigns — VIP Seating mal-clubs Ingliżi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jiswew id-diversi sponsorships jew advert campaigns kemm fuq il-websites taħt partners, kif ukoll il-VIP Seating mal-clubs Ingliżi bħala Fulham u Birmingham?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22454.

Dipartiment tas-Saħħa — eżerċizzji ta' Production Cost

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23846 u jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa jagħmilx eżerċizzji tal-production costs bħal per eżempju per patient skont is-servizz/kura diversi li jingħataw tas-saħħa? Jekk isiru dawn l-eżerċizzji, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-workings ta' dawn l-eżerċizzji?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Cleansing Directorate — latrini pubbliċi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25024, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Cleansing Directorate hux qed jitfa' offerti għall-kuntratti ta' latrini li jiġu devoluti lill-kunsilli lokali? Jekk iva, liema huma dawn il-latrini li d-Direttorat ħa f'idejh b'kuntratt? Jekk le, għaliex? Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-persuni b'diżabilità li jaħdmu f'dawn il-latrini, meta jiġu redeployed f'latrini pubbliċi oħra iżda li ma jkunux jistgħu jmorru minn lokal għall-ieħor, bħal per eżempju persuna b'vista batuta u li ma tistax tittraġitta fit-tul u/jew tirkeb numru ta' karozzi tal-linja biex tasal fuq il-post tax-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Cleansing Directorate mhux qed jitfa' offerti għal kuntratti għaż-żamma u manutenzjoni ta’ latrini pubbliċi primarjament minhabba l-fatt li l-parti l-kbira tal-ħaddiema li jaħdmu f’din is-sezzjoni qed jirtiraw bl-età. Meta jintilef xi kuntratt tal-latrini pubbliċi, u għalhekk ikun hemm il-bżonn li jsir re-deployment, tkun evalwata b’reqqa meħtieġa l-kundizzjoni tal-ħaddiema kollha, u tittiehed inkonsiderazzjoni l-kundizzjoni medika, xi dizabilità li jista' jkollhom, kif ukoll l-lokalita tar-residenza fejn joqogħdu, sabiex kemm jista jkun jiġu assenjati fl-eqreb lokalità ħalli jkunu jistgħu jwettqu d-doveri taghhom bl-inqas inkonvenjent possibbli. Dan isir fil-parametri u neċessitajiet li jkollu dak il-mument id--Direttorat.

assigurazzjoni li l-care workers jingħataw kumpens għall-għoli tal-ħajja

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali jistax jassigura li l-care workers impjegati mal-kuntratturi, humiex jingħataw kumpens għall-għoli tal-ħajja kif ġiet imħabbra fil-budgets matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

kundizzjonijiet tal-care workers li jaħdmu mal-kuntratturi — rapport

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport wasal għand id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali matul dawn l-aħħar ħames snin dwar il-kundizzjonijiet tal-care workers li jaħdmu mal-kuntratturi? X'azzjoni ħa dan id-dipartiment? X'rimedju ngħata lill-ħaddiema involuti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ — kwestjoni dwar kors tas-social worker

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' arrangament għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ mad-dipartiment tal-anzjani li jorganizza l-kors ta' social assistants u li fl-aħħar tal-kors jintbagħtu jaħdmu 187 siegħa ta' xogħol b'xejn fir-Residenza San Vinċenz de Paule u jitħallew jibqgħu jirreġistraw? Tista' l-Ministru tispjega kif meta fis-settur privat, xi ħadd jimpjega bi prova, l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ taqta' minn fuq il-kotba tar-reġistrar il-persuna jew persuni li jaħdmu bi prova? Għaliex din id-differenza?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma għandha l-ebda tip ta' arrangament dirett mad-dipartiment tal-anzjani li jorganizza l-kors ta' social assistants u li fl-aħħar tal-kors jintbagħtu jaħdmu 187 siegħa ta' xogħol b'xejn fir-Residenza San Vinċenz de Paule u jitħallew jibqgħu jirreġistraw Kull min jaħdem bi qliegħ (anke jekk huwa xogħol ta' ftit siegħat) hekk kif stabbilit bl-Avviż Legali numru 110/1993 m'għandux jibqa jirreġistra għax-xogħol u għandu jieqaf mir-reġistrar minnufih. Dawk li qed jattendu taħriġ fuq bażi temporanja - u mhux xogħol bi qliegħ, jistgħu jibqgħu jirreġistraw għax- xogħol, iżda mitlubin li jinfurmaw lill-korporazzjoni qabel jibdew il-kors ta' taħriġ.

kwestjoni dwar kors ta' social assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-dipartiment qiegħed jabbuża minn dawk il-persuni li jagħmlu l-kors ta' social assistants mad-Dipartiment tal-Anzjani u bħala assessment fl-aħħar tal-kors, qed ikunu mitluba jagħmlu 187 siegħa ta' xogħol fir-Residenza San Vincenz de Paule mingħajr ebda kumpens? Ma jidhirlux il-Ministru li dan huwa abbuż sfaċċat? Ma jidhirlux ukoll il-Ministru li din il-prassi qed tagħti eżempju ħażin lis-settur privat biex iħaddem bi prova mingħajr ħlas għax-xogħol li jkun sar, kif diversi drabi qed jiġri? Ma jidhirlux il-Ministru li din hija prassi li qed tikkonfliġġi ma' regolamenti li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità jorganizza korsijiet għal carers (u mhux social assistants). Minbarra l-parti tat-teorija, dan il-kors għandu wkoll il-parti prattika fejn kull student jiġi assenjat żewġ mentors u jqatta’ 187 siegħa mqassma bejn dawn iż-żewġ mentors. Dan it-taħriġ prattiku jikkumplimenta t-teorija li jkunu tgħallmu fejn jiġu murija u mħarrġa hands on kif isir ix-xogħol ta’ carer f’ambjent ta’ sala. L-istudenti dejjem ikunu taħt superviżjoni tal-mentor u ma jiġux meqjusa bħala parti mill-istaff complement tas-sala. It-taħriġ prattiku huwa prassi ta’ kull kors li għandu x’jaqsam mal-kura tas-saħħa fejn hu meħtieġ li jsir kemm il-prattika u t-teorija, bħall fil-każ tal-korsijiet ta’ nurses u fiżjoterapisti.

Ħal Qormi — Qormi FC - art

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar art li hija f'idejn il-Qormi FC u li dwarha hemm allegazzjoni li tista' tkun proprjetà ta' persuni privati? Jista' jagħti spjega tas-sitwazzjoni? Jista' jgħid jekk huwa l-każ, kif inhuwa allegat, x'passi qed jittieħdu mill-gvern biex l-art ma titteħedtx lill-Qormi FC u b'hekk ma jitlifx faċilità importanti għall-promozzjoni tal-football permezz tal-5-a-side ground li hemm fi Triq Valletta, partikolarament biex ma jintilfux l-isforzi kbar u sagrifiċċji li tant voluntiera qed jagħmlu fi ħdan il-Qormi FC biex irawwmu imħabba lejn dan l-isport f'Ħal Qormi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skont id-dettalji li għandu d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, parti mill- 5-a-side ground li hemm fi Triq Valletta, Qormi, nbena fuq art li hija proprjetà tal-Gvern u fuq parti oħra li tinsab fuq proprjetà privata. Din l-informazzjoni kienet ingħatat lill-Perit imqabbad mill-Klabb tal-Football ta’ Qormi FC fis-7 ta’ Lulju 2010. Qormi FC talbu li jkollhom titlu fuq dan il-ground u fis-17 ta’ Settembru 2010, ġew infurmati li l-parti privata trid tiġi l-ewwel akkwistata mill-Gvern u għalhekk għandha issir talba mid-Dipartiment ikkonċernat sabiex iseħħ dan l-akkwist. Sallum jidher li din it-talba għadha ma saritx lid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern.

ECDL Core Certificate Modules

Question

Tista’ l-Ministru tgħid l-ECDL Core Certficate Modules (1 to 7) jista' jiġi ppreżentat bħala wieħed mis-suġġetti għad-dħul fis-Sixth Form ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wara studju konġunt li sar f’Diċembru 2010 bejn l-Universita’ ta’ Malta u l-Malta Information Technology Agency (MITA) ġie konkluż illi l-ECDL Core Certificate Modules (1 – 7) mhuwiex komparabbli ma SEC level. Is-suġġett ta’ l-ECDL Core Certificate (Modules 1 to 7) huwa aċċettat għad-dħul fil-korsijiet kollha tal-MCAST bħala suġġett fil-Livell Ordinarju.

Servizz Ċivili — post ta’ Director General, Director u Assistant Director

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-mili ta’ vakanzi fil-post ta’ Director General, Director u Assistant Director fis-Servizz Ċivili minn Jannar 2009 sal-lum? Jista’ jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull post ta’ Director General, Director u Assistant Director fid-dipartment li għalihom saru sejħiet għall-applikazzjoni u meta mtlew dawn il-pożizzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli ‘A’ u ‘B’ li juru l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ħal Qormi — Triq Amleto Spiteri - konġestjoni ta' traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex twaqqfu l-pjanijiet li Triq Amleto Spiteri f'Ħal Qormi li oriġinarjament kellha tinfed mal-area magħrufa bħala tal-Erba Qaddisin biex tiffaċilità anke d-dħul u l-ħruġ tat-traffiku mill-qalba ta' Ħal Qormi, llum dawn il-pjanijiet inbidlu u sussegwetement qed ikun hemm konġestjoni sħiħa ta' traffiku f'toroq sekondarji bħal, per eżempju Triq Ġorġ u Triq l-Għoxrin ta' Jannar, partikolarment fir-rush hours tax-xogħol? Għaldaqstant jista' l-Ministru juża' l-esperti tat-traffiku biex jerġa' jsir l-istudju meħtieġ biex Triq Amleto Spiteri tinfetaħ u jiġi faċilitat it-traffiku kif ukoll l-emissjonijiet fl-arja li qed joħolqu riskju serju għas-saħħa tar-residenti Qriema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li miniex infurmat li kienu jeżistu pjanijiet li qed tirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant. Nirreferi wkoll għar-risposta mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari Nr. 25022. Madankollu, nikkonferma li fil-ġranet li ġejjin, uffiċjali tal-Awtorità għat-Trasport f”Malta se jagħmlu spezzjoni fuq il-post sabiex jiġi studjat l-andament tat-traffiku fiż-żona msemmija, u sussegwentament jigi kkonsultat il-kunsill lokali sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji f’dan ir-rigward.

persuni b'visa f'Malta li jeħlu sentenzi mill-qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk third country nationals li jkunu b'visa f'Malta u jeħlu sentenzi sospiżi mill-Qrati ta' Malta, jibqgħux f'Malta jew inkella jiġux deportati?

Response (BORG, TONIO)

Nissuġerixxi li l-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Care Works — full-time bħala relievers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm care workers impjegati mal-kuntrattur, iżda li jagħtu servizz fl-isptarijiet tal-gvern u residenzi tal-anzjani tal-gvern fuq bażi full-time bħala relievers eċċ.? Jista' jgħid min huma l-kuntratturi li qed jipprovdu dan is-servizz lill-Gvern? Kemm qed jitħallsu l-kuntratturi għal dan is-servizz? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa jew tal-Finanzi jew xi dipartiment ieħor tal-gvern, bħad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali, skrutinizzax il-kuntratti li għandhom dawn il-ħaddiema, għal dawk li huma pagi u kundizzjonijiet? Jekk iva, xi stabbilixxa? Jekk le, hux se jagħmel dan?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-preżent hemm l-ekwivalenti ta’ 433 careworkers impjegati fulltime mal-kuntratturi li qed jagħtu servizz fl-isptarijiet tal-Gvern u residenzi tal-anzjani tal-Gvern. Il-kuntratturi li qed jipprovdu dan is-servizz lill-Gvern huma l-Health Care Services Ltd., Support Services Ltd. u NOVITAS. Il-kuntratturi qed jitħallsu bejn €5.62 sa massimu ta’ €5.76 kull siegħa għal xogħol fost il-ġimgħa u bejn €8.60 sa massimu ta’ €9.32 fil-Ħdud u Festi Pubbliċi. Hija r-responsabilta’ tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali sabiex jiskrutinizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, u ninsab infurmat li dan il-proċess diġa inbeda.

Ċimiterju ta' Maria Addolorata — serq minn oqbra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm oqbra li ġew misruqa fiċ-Ċimiterju ta' Maria Addolorata f'Raħal Ġdid? X'se jsir min-naħa tad-Dipartiment tas-Saħħa biex ikun hemm sigurtà u ma jerġgħux jiġru dawn l-affarijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2011 għand il-Taqsima Amministrazzjoni tad-Dfin li tinstab fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata waslu 69 rapport dwar serq u vandaliżmu fuq oqbra fl-istess Ċimiterju. Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali li taħtu taqa’ t-Taqsima Amministrazzjoni Tad-Dfin, b’kollaborazzjoni mal-Korp tal-Pulizija, qiegħed jagħmel sforzi sabiex atti kriminali bħal dawk li qed jitwettqu, ta’ serq u ta’ ħsarat fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata ma jseħħux aktar u sabiex dawk responsabbli ta’ dawn l-atti vandali jinqabdu u jiġu mġiegħla jwieġbu għal għemilhom quddiem il-ġustizzja. Id-Direttorat għaddej bi proċeduri oħrajn sabiex jiġi mwaħħal tagħmir bħal cameras ta’ sigurta kif ukoll jiġu mplimentati miżuri oħra ta’ solverjanza bħal li jiżdied il-kontroll tal-aċċess fl-istess Cimiterju.