Legislature:
Category:
Reset
Active:

każ dwar visa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kif l-individwu li għandu passaport li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li huwa ta' nazzjonalità barranija, mingħajr ma ħareġ minn Malta, skadietlu l-visa u minflok ġie deportat ġab passaport ġdid differenti mill-ewwel passaport u ingħata visa ġdida fuqu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond ir-records tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates il-passaport li qed tirreferi għalih l-Onorevoli Interpelleant jappartjeni lill-persuna li tgawdi d-dritt ta' "persuna eżenti" taħt l-artiklu 4 tal-Att Dwar l-Immigrazzjoni (Kap 217). Id-Dipartiment ħareġ dokument ta' residenza li ġie mwaħħal fil-passaport imsemmi fid-29 ta' Lulju 2009 u li hu validu sal-24 ta' Marzu 2012 waqt li dan il-passaport li nħareġ mill-Awtoritajiet Sirjani fil-25 ta' Marzu 2006 kien għadu validu, kif ukoll il persuna konċernata kienet qed tgħix Malta legalment. Għal aktar informazzjoni dwar l-istatus ta' immigrazzjoni ta' din il-persuna qabel id-data ta' meta twaħħal id-dokument ta' residenza msemmi aktar 'l fuq, l-Onorevoli Interpellant għandha titlob tali informazzjoni lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.

Persuna b'żewġ ID cards

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk in-numri tal-karti tal-identità li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, humiex tal-istess persuna li hija ta' nazzjonalità barranija? Jekk huwa l-każ, kif din il-persuna għandha żewġ karti tal-identità? Jekk huwa l-każ, x'sar biex din il-pesuna tiġi investigata dwar dan ir-reat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nikkonferma lill-Onorevoli Interpellant li n-numri kkwotati seperatament tal-karti tal-identità jirreferu għall-istess persuna barranija, mhux il-każ li din il-persuna għandha jew qatt kellha żewġ karti tal-identita'. Din il-persuna kienet applikat għall-karta tal-identità fis-sena 2002. Din ma nġabretx u għalhekk ma ġietx stampata. L-istess persuna regġhet applikat fis-sena 2006 fejn ġie allokat numru ġdid w nħarġet il-karta tal-identità. L-ewwel numru ġie mblukkat u ma tista’ tinħareġ l-ebda karta tal-identità fuqu.

Rabat — Triq il-Merħliet - permess quddiem il-MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-permess għal tool room, boundary wall u underground reservoir, f'tomna raba', fi Triq il-Merħliet, ir-Rabat, Malta, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ilhom fil-proċess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-applikazzjoni għal "Sanctioning of the construction of rubble boundary walls and an underground reservoir, construction of stores for agricultural implements, and fixing of a timber gate" fi Triq il-Merħliet, ir-Rabat, Malta, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ġiet rifjutata fil-5 ta' Ġunju 2007. L-applikant għamel talba għal rikunsiderazzjoni fid-19 ta' Ġunju 2007. Din it-talba ġiet miċħuda fis-17 ta' Ġunju 2008. Ma sarx appell minn din id-deċiżjoni. Mis-sistema elettronika tal-awtorità jidher illi wara saret applikazzjoni ġdida għal "Sanctioning of the construction of rubble boundary walls and an underground reservoir. Construction of stores for agricultural implements and fixing of a timber gate and deposition of soil" , li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament. Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa fis-27 ta' Ġunju 2008. Wara li ġiet ipproċessata u saret spezzjoni fuq il-post mill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp, l-applikazzjoni ġiet rifjutata fl-4 ta' Awwissu 2010. L-applikant għamel talba għal rikunsiderazzjoni oħra fil-5 ta' Awwissu 2010. Din it-talba għadha qed tiġi pproċessata mid-Diretorrat tal-Ippjanar biex tkun riferuta lil Kummissjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar għal deċiżjoni. Riferenza: PA6884/06 u PA3232/08

Università ta' Malta — Beadles - intake

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex fl-intake għall-beadles għall-Università ta' Malta li bdew jaħdmu f'Mejju 2011, ġew magħżula tmien irġiel u ma ntgħażlitx lanqas mara waħda meta kien hemm nisa applikanti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Total ta’ 147 persuna applikaw għal din il-kariga li minnhom 118 kienu rġiel u 29 kienu nisa. L-Università ta’ Malta tagħti opportunità indaqs lill-applikanti kollha u tiffoka fuq l-adegwatezza tal-applikant għall-kariga mingħajr ebda referenza għall-fatt ta’ jekk l-applikant huwiex raġel jew mara.

MTA — riċeviment

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għal liema okkażjoni l-Erbgħa 22 ta' Ġunju 2011 sar riċeviment fl-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu? Min kien mistieden? Kemm sewa dan ir-riċeviment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Erbgħa 22 ta’ Ġunju, 2011 ma sar l-ebda riċeviment fl-Auberge d’Italie.

Ħal Qormi — Wied - tenders għax-xogħol tal-flood relief

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tender/s għax-xogħol fil-wied ta' Ħal Qormi għal flood relief ħarġux? Jekk ħarġu ġew allokati? Jekk ġew allokati, meta se jinbeda x-xogħol u meta se jispiċċa? Jekk ma ħarġux, meta se joħroġu? X'inhu ż-żmien ippjanat biex dan ix-xogħol tant meħtieġ jinbeda u jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26800 li ngħatatila fis-Seduta tal-bieraħ fejn spegajt li immedjatament se jsir xogħol remedjali biex jitnaqqs ir-riskju ta’ għargħar, il-proġett tal-Flood Relief għandu jagħti soluzzjonijiet aktar effikaċi u fit-tul. It- tenders għax-xogħol fil-wied ta' Ħal Qormi għal flood relief inħareġ fis-26 ta’ April u ż-żmien biex jintefgħu l-offerti jagħlaq fit-28 ta’ Ġunju.2011 segwit immedjatament bl-evalwazzjoni tal-offerti. Kif stipulat fl-istess sejħa, il-kuntratt jispeċifika li x-xogħol għandu jitlesta’ fi żmien 18-il xahar mill-għotja.

Dipartiment tal-Animal Welfate — xiri ta' pet food

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtara pet food mid-Dipartiment tal-Animal Welfare mis-sena 2008 sal-lum, xahar b'xahar? Minn fejn inxtara dan il-pet food? X'sistema ntużat biex jinxtara l-pet food, jiġifieri jekk hux b'tender, direct order jew xi sistema oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorvoli Interpellant li l-bżonn li annimali miġbura jkunu mitmugħa inħolqot mal-introduzzjoni tas-servizz tal-ambulanza li beda f’ Ġunju 2009. Sa Diċembru tal-istess sena dan is-servizz kien f’idejn Noah’s Ark u kienu jieħdu ħsieb huma tal-ikel Mill-ewwel ta’ Jannar 2010, dan is-servizz ta’ ambulanza għadda f’idejn id-direttotat għall-Ħarsien tal-Annimali. Għaldaqstant ix-xiri tal-ikel beda fl-2010 u mhux qabel. Għall-ewwel xhur il-bżonn ta’ xiri ta’ ikel ma kienx daqshekk kbir u għaldaqstant dan sar b’mod kompetittiv permess ta’ ġbir ta’ quotations . Fil-frattemp inħarġet tender li jagħlaq nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba

Marsa — garaxx tal-gvern - ħlas tal-overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħaddiema tal-garaxx tal-gvern fil-Marsa, ma jitħallsux għall-overtime fil-ħin? Għaliex dawn il-ħaddiema għadhom ma tħallsux tal-overtime ta' Marzu u April 2011? Jista' jgħid meta dawn se jitħallsu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-overtime kollu li sar f’Marzu diġà ġie mħallas, kif ukoll ma l-aħħar ħlas diġa tħallset parti tal-overtime li sar f’April

impjegati fis-settur pubbliku — progression

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet il-progression, f'liema skali u gradi waslu llum dawk li fl-1975 kienu ġew impjegati fis-settur pubbliku bħala clerk grade 1? Kemm hemm minnhom fil-kategoriji kollha fl-iskali diversi fis-settur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor.Interpellant.

Settur pubbliku — skali ta' impjegati - elezzjoni ġenerali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid safejn huwa ttollerat jogħla fil-gradi u jew skali impjegat tas-settur pubbliku biex ikun jista' jikkontesta elezzjoni ġenerali? Jista' jagħti d-differenzi kollha li hemm bejn dawk fis-settur pubbliku u dawk l-impjegati li jaħdmu ma' aġenziji, awtoritajiet, istituzzjonijiet li huma mħallsa minn fondi pubbliċi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-parteċipazzjoni tal-impjegati pubbliċi fil-politika hija regolata b’Direttiva numru 5 intitolata “Parteċipazzjoni fil-Politika u Kommunikazzjoni mal-Media,” maħruġa mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, bis-saħħa tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika. Din id-Direttiva hija applikabbli għal impjegati pubbliċi li jaħdmu kemm fis-Servizz Pubbliku kif ukoll fis-Settur Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din id-direttiva. Din id-Direttiva ssostitwiet ir-regolamenti ta’ qabel bl-iskop li tiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-politika ta’ uffiċjali pubbliċi. Ir-regola ġenerali li tiddetermina jekk uffiċjal pubbliku jkunx jista’ jieħu sehem f’attivitajiet politiċi jew le hija bbażata fuq in-natura tax-xogħol ta’ dak l-uffiċjal pubbliku, iktar milli fuq l-skala tal- pożizzjoni li jkun jokkupa. Madankollu, ġeneralment l-uffiċjali pubbliċi li jokkupaw pożizzjoni ta’ Skala 5 jew ogħla ma jistgħux jieħdu sehem f’attivitajiet politiċi, inkluż li jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali, peress li dawn il-pożizzjonijiet huma meqjusa bħala pożizzjonijiet maniġerjali. Però, kif jirriżulta mill-istess dokument, hemm numru ta’ uffiċjali pubbliċi li l-pożizzjoni tagħhom hija ta’ Skala 5 jew ogħla u li huma eżenti minn din ir-restrizzjoni minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom. Hemm ukoll numru ta’ uffiċjali pubbliċi li jokkupaw pożizzjoni anqas minn Skala 5 iżda li ma jistgħux jieħdu sehem f’attivitajiet politiċi. Dawn huma elenkati fid-dokument. B’din is-sistema għalhekk żdiedet ukoll it-trasparenza peress li qabel ma jsir il-proċess tal-għażla, kull pożizzjoni li tinħoloq issa qed tiġi kklassifikata jekk hix “politically free” jew “politically restricted”. Għar-rigward is-Settur Pubbliku, ninsab infurmat li l-entitajiet pubbliċi qegħdin fil-proċess li jagħmlu l-klassifikazzjoni tagħhom ta’ dawk il-pożizzjonijiet li min jokkuphom ma jkunx jista’ jieħu sehem f’attivitajiet politiċi. Huwa mistenni li din il-klassifikazzjoni tkun kompluta sa l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena.

Assistenti Diretturi, Direttur u Direttur Ġenerali — benefiċċji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-benefiċċji, apparti s-salarju li jgawdu l-Assistenti Diretturi, id-Direttur, id-Direttur Ġenerali u s-Segretarji Permanenti, impjegati fis-settur pubbliku, bħas-servizz ta' telefonija, internet, petrol allowance, użu ta' karozza, safar (jekk isiefrux club jew le?) u affarijiet oħra, skont il-kategoriji msemmija hawn fuq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

PET Scanner — konsulent magħżul

Question

Jista' l-Ministru jinforma jekk il-Konsulent għall-PET Scanner ġiex magħżul u maħtur? Jekk iva, min hu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ispeċjalisti li fuq il-PET scanner huma nuclear medicine physicians. Bħalissa hemm konsulent wieħed (nuclear medicine physician) impjegat mad-Dipartiment tal-Medical Imaging iżda mistenni li f’Lulju ta’ din is-sena jibda jaħdem it-tieni konsulent fil-mediċina nuklejari mas-servizzi tas-saħħa. Dawn jieħdu ħsieb dak kollu li hu xogħol f’din l-ispeċjalita’ jiġifieri xogħol fuq il-gamma cameras, fuq il-PET/CT scanner u fuq il-proċeduri ta’ sentinel node surgery u jikkolaboraw ukoll mad-dipartiment tal-onkologija fit-terapija bl-użu ta’ sorsi mhux siġillati ta’ radjuattivita’. Huwa mistenni li is-speċjalisti tar-radjoloġija jaħdmu id f’id ma’ l-ispeċjalisti tal-mediċina nuklejari fis-servizz tal- PET/CT scanner.

Ħal Qormi — Triq Pawlu Farrugia - ħsarat tal-għargħar fuq ħwienet tax-xogħol, mħażen u djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern iddiskutiex il-possibilità li jagħti kumpens lil dawk li ġarrbu ħsarat estensivi, fil-ħwienet tax-xogħol, mħażen u djar tagħhom fi Triq Pawlu Farrugia Ħal Qormi konsegwenza ta' għargħar li seħħ fil-25 ta' Ottubru 2010 u li seħħ minħabba nuqqasijiet amministrattivi fil-bini tal-pont li hemm fi Triq Correa, kif ukoll minħabba żbalji oħra ta' nuqqas ta' ippjanar tekniku? Jekk il-Gvern iddiskuta, x'kien l-eżitu ta' din id-diskussjoni? Jekk le, għaliex il-Gvern ma interessahx minn dak li ġara lin-nies b'mod inġust?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq Pawlu Farrugia - kawża tal-għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni biex jiġi stabbilit x'ikkawża l-għargħar fi Triq Pawlu Farrugia, f'Ħal Qormi, fil-25 ta' Ottubru 2010 u li sussegwentement għamel ħsarat kbar fi ħwienet tax-xogħol, imħażen, kif ukoll djar? Jekk saret, x'kien ir-riżultat? Kien hemm rapport uffiċjali fid-dipartiment? Jekk hemm rapport, jista' l-Ministru jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma saritx investigazzjoni, għaliex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li wara l-għargħar tal-25 ta’ Ottubru 2010 kawżat minn maltempata ta’ intensità qawwija, kienet saret laqgħa mad-Direttur inkarigat mill-iStorm Water Unit u li għaliha kien hemm preżenti ukoll l-Onorevoli Membru. F’din il-laqgħa kien ikkonstatat li l-kawża priċipali kien l-imblokk ta’ żbokk għal ġol-wied minn karozza li kienet ġiet imkaxkra mill-ilmijiet. F’din il-laqgħa kienu saru proposti biex jitwaħħlu bollards ‘il barra mill-fetħa ta’ fejn jiżbroffa l-ilma għal ġewwa l-wied biex jekk ikun hemm xi karrozza jew materjal ieħor li jinġarr mal-ilma f’xi maltempata oħra dan jinqabad ma’ dawn il- bollards u ma jinblukkax l-iżbokk għall-wied. Id-dipartiment kellu wkoll jara jekk jistgħux isiru toqob fil-ħajt baxx biex ma jinġemax ilma ma’ dan il-ħajt. Dan ix-xogħol huwa mistenni li jinbeda fi żmien qasir peress li dan hu xogħol adattat li jsir fix-xhur tas-sajf. Il-Gvern bħalissa qiegħed ukoll fil-proċess li jaġġudika tender bħala parti minn National Flood Relief Project għal-xogħlijiet biex tiġi mtaffija l-problema tal-għargħar f’dawn l-inħawi

waiting list għall-operazzjoni tal-kattarretti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24804 u jgħid kemm hemm persuni fuq il-waiting list jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-kattarretti bħalissa? Kemm ilu/ilha tistenna l-ewwel persuna li ġiet reġistrata fuq din il-waiting list? X'passi konkreti ħa l-Ministeru tas-Saħħa biex inaqqas din il-waiting list? Jista' jinforma lil din il-Kamra jekk il-Gvern għamilx xi tentattivi biex jidħol fi ftehim ma' sptarijiet u/jew kliniċi privati bil-għan li jnaqqas din il-waiting list u jekk kien hemm, fil-fatt it-tali tentattivi, għaliex għadu ma sar l-ebda ftehim? Jekk sar ftehim, x'tip ta' ftehim kien u tista' titqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħal issa fuq il-waiting list jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-kattarretti hemm 4,752. Mill-informazzjoni li għandna, wara l-proċess taċ-ċentralizzazzjoni tad-data, jidher li l-aktar żmien li ilu jistenna pazjent huwa ta’ madwar tlett snin u nofs. Matul dawn l-aħħar xhur, bħal ma kien il-każ fil-bqija tal-ispeċjalizzazzjonijiet l-oħra, żdiedu wkoll l-operazzjonijiet fl-oftalmoloġija, tant li filwaqt li f’Lulju tal-2008 in-numru ta’ persuni fuq il-waiting list kien ta’ 5,544, bħal issa n-numru qiegħed 4,752, jiġifieri nuqqas ta’ 792 persuna minn fuq din il-lista. Nikkonferma li l-Gvern għamel tentattiv biex jidħol fi ftehim mal-privat sabiex ikunu jistgħu isiru l-operazzjonijiet tal-kattarretti. Sa issa għadu ma ġiex konkluż ebda ftehim.

Sptar Mater Dei — dipartimenti - konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24799 u jgħid kemm hemm konsulenti f'kull wieħed minn dawn id-dipartimenti fl-Isptar Mater Dei: a) mediċina; b) kirurġija; ċ) pedjatrija; d) obstetrija; e) ġinekoloġija; u f) psikjatrija? Kemm huwa n-numru average ta' pazjenti li kull wieħed minn dawn il-konsulenti jara fid-Dipartiment tal-Outpatients kull ġimgħa u kemm-il sodda għandu konsenjata lilu kull konsulent?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-medja ta’ attendenzi fid-Dipartimenti tal-Outpatients matul l-ewwel tnax-il ġimgħa tal-2011 għal kull konsulent fid-dipartimenti msemmija hija kif jidher fit-tabella hawn taħt: Dipartiment Numru ta’ Konsulenti Medja ta’ Attendenzi fil-ġimgħa għal kull konsulent Mediċina 27 46 Kirurġija 23* 59 Pedjatrija 9* 82 Obstetrija u Ġinekoloġija 12* 25 Psikjatrija 10 25 Il-Ħdud u l-festi ġew esklużi mit-total ta’ din l-istatistika. Ta’ min jinnota li l-istess persuna tista’ tattendi għal iktar minn klinika waħda fl-istess ġurnata, jew tattendi l-istess klinika għal iktar minn darba f’dan it-tul ta’ żmien. *Fost dawn il-konsulenti, hemm minn jaħdem fi kliniċi li huma barra mill-Isptar Mater Dei, u għalhekk l- attendenzi fil-kliniċi tagħhom ma ġewx inklużi fil-Medja ta Attendenzi. L-istatistika tad-dipartiment tal-Obstetrija u Ġinekoloġija ma tinkludix il-viżti għal ultrasounds u bone density scans . Fl- Isptar Mater Dei m’hemmx sodod assenjati lil xi konsulenti partikolari iżda juntużaw skont il-ħtieġa

Mediċini out of stock

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 22688 u 22176 u ċioe: Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 20340 u jgħid jekk jikkonsidrax li wasal iż-żmien li tinbidel il-policy biex il-gvern ma jibqax jabbuża minn min hu l-iktar vulnerabbli u kulmin hu intitolat għal xi mediċina li tkun out of stock din għandha jew tinxtralu mill-gvern jew inkella jingħata l-flus li jkun nefaq, peress li għadda xahar u l-informazzjoni għadha ma ngħatatx?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma jabbużax minn min hu l-iktar vulnerabbli anzi kien, għadu, u se jibqa' jagħti servizz tas-saħħa b’xejn. Nikkonferma li mhijiex policy tal-gvern li jirrifondi l-ispejjeż ta’ mediċini mixtrija privatament minn pazjenti. Il-gvern dejjem jibqa' kommess li jieħu l-passi meħtieġa biex meta jinqalgħu dawn is-sitwazzjonijiet ta’ out of stock , jinstabu soluzzjonijiet mill-iktar fis-possibli. Tant hu hekk li l-Gvern fi ħsiebu jibda jixtri l-mediċini b’sistemi ta’ xiri ġodda u moderni, dejjem skont il-provedimenti tal-Liġijiet ta’ Malta, u l-ewwel pass kien li jaħtar chief executive officer sabiex imexxi dan il-proċess.

Ħal Farruġ — MEPA - EIA - ground tal-football

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20991 u jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għamlitx environmental impact assessment fuq l-iżvilupp ta' ground tal-football fi Triq Ħal Farruġ, Luqa u fejn biex dan il-ground jinbena, se jkollha tiġi kklerjata area sħiħa ta' siġar li huma buffer għall-area residenzjali ta' Ħal Farruġ li hija mdawra minn Industrial Estate, batching plant, scrapyard, industriji oħra u ajruport li żgur li jħalli effett ta' emissjonijiet fl-arja għad-detriment tal-mijiet ta' familji li jgħixu fiż-żona? Jekk sar dan l-environmental impact assessment, jista' jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, meta se jsir u jekk l-iżvilupp hux se jsir qabel ma jkun hemm l-eżitu ta' environmental impact assessment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22725.

Sptar Mater Dei — energy audit

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23378 u jgħid jekk l-energy audit fuq l-Isptar Mater Dei tlestiex? Jekk tlesta, jista' jqiegħed kopja tieghu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma tlestiex, meta se jitlesta dan?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Energy Audit fl-Isptar Mater Dei għadu ma sarx. Id-Dipartiment tal-Inġinerija tal-Isptar Mater Dei lesta rapport dwar x’jirrikjedi biex isir Energy Audit tal-isptar, f’dak li huwa riżorsi umani, apparat u esperti, kif ukoll x’inhuma l-benefiċċji. Ir-rapport bir-rakkomandazzjonijiet ġie diskuss internament bejn il- management tal-isptar u ġie deċiż li għandhom jinxtraw l-istrumenti meħtieġa biex l- Energy Audit tal-isptar issir mid-Dipartiment tal-Inġinerija tal-Isptar Mater Dei. Bħal issa qed jiġu preparati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex jinxtara l-apparat meħtieġ. Billi l-isptar huwa kbir ħafna, huwa stmat li Energy Audit komprensiv jieħu madwar sena biex jitlesta.