Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet kategorija, kategorija matul is-snin minn meta nfetaħ l-Isptar Mater Dei 'l hawn u kemm intużaw teatri biex saru l-operazzjonijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
*Vide PL 8118 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 392 nhar l-Erbgħa 12 ta’ Ottubru 2011
Jista' l-Ministru jgħid liema huwa l-eqreb grad fid-Dipartiment tas-Saħħa għax-xogħol li jagħmlu l-care workers ikkuntrattati mill-kumpanija jew kumpaniji li jagħtu dan is-servizz lill-Gvern, bħal per eżempju, nursing aid? Kemm titħallas persuna li qed tagħmel xogħol simili ta' care worker iżda impjegata direttament mal-Gvern u kemm titħallas persuna li taħdem bħala care worker mal-kuntrattur li l-Gvern ikkuntratta biex jagħtih dan is-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kienet titħallas persuna impjegata mad-Dipartiment tas-Saħħa bħala security guard u kemm titħallas persuna li hi impjegata mal-kumpanija jew kumpaniji li l-Gvern ikkuntratta biex jagħtu l-istess servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu bil-ħsara r-reverse osmosis li hemm fil-wards Lourdes, Loreto u Fatima, fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista' jgħid kemm tiswa din il-ħsara, jekk hix se tissewwa u meta? Jista' jgħid kemm qed jiswew id-dispensers tal-ilma li qed jinxtraw u jagħti n-nefqa ta' minn meta bdew jinxtraw xahar b'xahar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li r-reverse osmosis tas-swali msemmija f’din il-Mistoqsija Parlamentari huma operabbli u qatt ma kellhom ħsarat fit-tul li jikkompromettu xi servizzi eżistenti.
Fir-Residenza ta’ San Vinċenz il-water dispensers bdew jitqassmu fit-12 ta' Marzu 2011 b'nefqa ta' madwar €700.00 fix-xahar bejn 33 sala u kull dipartiment li għandu kuntatt dirett mar-residenti. F'kull sala jitqassmu żewġ flixken fil-ġimgħa. Konvint li l-Onor. Interpellant japprezza li l-introduzzjoni ta’ water dispensers fi 33 sala f’San Vinċenz De Paul huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. L-għan ta' dawn id-dispensers huwa li ninkoraġġixxu lir-residenti jixorbu izjed. Kull kap ta' sala u dipartiment ġie nfurmat sabiex dawn jitqiegħedu f'postijiet aċċessibbli għar-residenti biex b’hekk dejjem inħeġġu l-indipendenza.
Jista' l-Ministru jgħid:
a) x'inhuma l-kriterji li fuqhom jingħataw il-mediċini b'xejn, kemm il-kriterji użati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kif ukoll dawk imħaddma mid-Dipartiment tas-Saħħa; u
b) meta sar tibdil fil-formularju tal-mediċini li jixtri l-gvern u x'tibdil sar matul dawn l-aħħar ħames snin b'mod speċifiku għal kull mediċina? X'tip ta' audit trail qed juża l-gvern għall-mediċini, jiġifieri l-ammonti u l-frekwenza fl-użu tal-mediċini, pazjent pazjent?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti tal-Bord Amministrattiv u/jew ta' tmexxija tal-Isptar Mater Dei, minn meta nfetaħ l-isptar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tispeċifika x’tixtieq eżatt mill-minuti mitluba minħabba li mhux possibbli jiġu ppubblikati kollha. Dan għaliex jista jinvolvi informazzjoni sensittiva li tikser il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data.
Jista' l-Ministru jagħti cost benefit analysis fuq l-ispiża kapitali għall-Isptar Mater Dei sena b'sena minn meta nfetaħ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-somma kapitali minfuqa ghall-isptar Mater Dei (MDH) mis-sena 2008 l’hawn hija kif ġej:
€
2008 1,522,652.00
2009 1,794,560.00
2010 1,548,626.00
2011 (sa l-aħħar ta’ Awwissu) 1,115,592.00
Apparti dawn l-ammonti varji għall-MDH kien hemm ukoll spejjeż kapitali biex jibda l-proġett tal-isptar il-ġdid tal-Onkoloġija. L-ammonti minfuqa sa issa huma:
€
2010 838,690.00
2011 344,091.00
Ta’ min jgħid li għal kull spiża kapitali materjali isir analiżi ta’ benefiċċju li jkun se jittieħed minn dan l-investiment.
Uffiċjali nkarigati mid-djar residenzjali għall-anzjani
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti f'kull dar residenzjali għall-anzjani? Kemm minn dawn l-anzjani huma eligibbli biex jivvotaw? Min huma l-uffiċjali inkarigati f'kull home? X'kienu u x'inhuma l-kriterji li l-uffiċjali inkarigati ġew magħżula biex imexxu dawn id-djar residenzjali u għal kull home?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid minn liema lokalitajiet, bliet u rħula r-rotta diretta għall-Isptar Mater Dei se tibda terġa' topera?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-servizzi għall-isptar Mater Dei qegħdin jiġu riveduti u dan qed isir bħala parti mit-tibdiliet li għaddejjin bħalissa sa Novembru li ġej, hekk kif ġie mħabbar f'dawn l-aħħar gimgħat.
B'referenza għad-digrieti li ngħataw fil-Qorti tal-Familja u d-dettalji li qed jidhru separatament, jista' l-Ministru jindaga kif mill-Qorti tal-Familja joħroġ digriet ta' kura u kustodja konġunta, imbagħad jingħata aċċess limitat u miżeru lill-missier fil-ħin stipulat tiegħu tax-xogħol? Jista' l-Ministru jindaga kif minkejja r-rikorsi li saru biex jispjegaw is-sitwazzjoni tal-ħin a dispożizzjoni tal-missier minħabba n-natura tax-xogħol tiegħu u li huwa abbażi ta' day in, day out xorta waħda jingħata aċċess proprju fil-ġranet li huwa jkun xogħol u li b'mod kontinwu qed ikollu jieħu l-vacation leave, li ġieli jkun rifjutat u għaldaqstant ma jkunx jista' jiltaqa' ma' ibnu, u dan apparti l-fatt li hemm limitazzjoni ta' kemm jista' jieħu vacation leave?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hix ġustizzja li missier li jingħata l-kura u l-kustodja konġunta fejn ikunu ġew isseparati l-ulied, dak il-wild li ma jkunx jabita mal-missier ma jitħalla qatt ikollu sleep over fil-weekend għand missieru, sabiex igawdi lil oħtu ukoll?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi dan il-każ li qed tagħmel referenza għalih l-Onorevoli Membru jinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Familja u li din il-Qorti pprovdiet fuq ir-rikorsi li sarulha wara li tkun semgħet liż-żewġ partijiet u għalhekk mhuwiex opportun jew korrett li nikkummenta dwar din il-materja.
Tista' l-Ministru tispjega għaliex għal ħabta tal-ħin tal-ikel, Marsalforn ikun miżgħud bil-wardens jagħtu ċ-ċitazzjonijiet lil dawk li jkunu qed jieklu fir-restaurants ta' hemmhekk? Ma jidhrilhiex l-Ministru li dan l-aġir qiegħed jipperikola n-negozju ta' tant restaurants fl-area? Fejn taħseb li għandhom jipparkjaw il-vetturi l-viżitaturi numerużi li jkunu Marsalform matul dan iż-żmien u dan għaliex il-parkeġġ li hemm mhux biżżejjed għal volum tan-nies? Ma taħsibx għalhekk l-Ministru li għandu jiġi ppjanat proġett ta' parking li jkun ambjentalment aċċettabbli biex ma jkunx hemm il-periklu ta' telf ta' negozju?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz tal-wardens f'Marsalforn ma jaqax taħt ir-responsabilità ta' dan il-Ministeru u għalhekk nitlobha tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li l-proġett tal-Masterplan għal Marsalforn jieħu ħsieb jipprovdi żieda ta' spazju għall-parkeġġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet għal care workers, nursing aides u health assistants mal-Gvern matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata lill-kuntratturi privati għall-ingaġġ ta' care workers, nursing aides u health assistants biex jipprovdu servizzi lill-Gvern matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti relevanti għall-ingaġġ ta' dawn il-care workers, nursing aides u health assistants permezz tal-kuntratturi għal kull in take li kien hemm?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati għall-Kont għas-Saħħa mis-sena 2004 miż-żieda fis-sisa fuq is-sigaretti li kienet ġiet introdotta fil-Budget ta' dik is-sena u li kif ġie mwiegħed dakinhar, id-dħul kollu minn din it-taxxa se jkun allokat għall-kont għas-saħħa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa fuq is-settur tas-saħħa żdied b’€291.7 miljun mill-2004 ‘l hawn. Id-dħul mis-sisa fuq is-sigaretti żdiedet minn €57 miljun għal €69 miljun fl-istess perjodu. Id-dettalju qegħdin fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tajjeb nispeċifika li mhux possibbli li fiżikament turi l-allokazzjoni riferuta mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabru sena b'sena mis-sena 2004 'l hawn miż-żieda fir-rata tal-VAT, jiġifieri minn 15% għal 18% li kien ġie mwiegħed fil-budget ta' din l-istess sena li d-dħul minn din iż-żieda hu stmat li għandu jammonta għal Lm 21 miljun u se jkun allokat kollu għall-kont tas-saħħa? Jista' jikkonferma li l-ammont minn din iż-żieda ġew allokati sena wara l-oħra għall-kont tas-saħħa? Jekk iva, kemm ġie allokat b'riżultat ta' din iż-żieda sena b'sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bejn l-2004 u l-2010, id-dħul mill-VAT żdied minn Lm123.9 miljun jew €288.63 miljun għal €482.5 miljun fl-2010, b’żieda ta’ €193.9 miljun.
Mill-banda l-oħra, mill-2004 sa l-2010 kien hemm żieda ta’ €123.8 miljun fin-nefqa fuq is-saħħa, u żieda ta’ €5.8 miljun fin-nefqa kapitali eskluż l-investiment ta’ €64.7 miljun biex inbena l-isptar Mater Dei. B’hekk iż-żieda totali fin-nefqa fis-settur tas-saħħa kienet ta’ €194.4 miljun.
B’hekk, għalkemm tajjeb nispeċifika li mhux possibbli li fiżikament turi l-allokazzjoni riferuta mill-Onorevoli Interpellant, wieħed jinnota illi l-ispiża fuq is-Settur tas-Saħħa żdiedet konsistentament kif għamel id-dħul mill-VAT.
Jista' l-Ministru jgħid il-kontijiet sussidjarji għall-attivitajiet speċifiċi li ġew imwegħda li se jitwaqqfu fil-Budget għas-sena 2004 jiġifieri dawk:
a) Kont għat-Turiżmu u Kultura;
b) Kont għat-Toroq u Manutenzjoni;
ċ) Kont għas-Saħħa; u
d) Kont għall-Ambjent u t-Tisbiħ,
liema kontijiet imsemmija hawn fuq kienu mwiegħda bħala l-kontijiet sussidjarji tal-bidu?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 253.
wegħdiet fuq il-kontijiet sussidjarji għall-attivitajiet speċifiċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-wegħda li kienet saret fil-Budget 2004 meta intqal "Fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ġie propost li dawn il-kontijiet (jiġifieri kontijiet sussidjarji għall-attivitajiet speċifiċi) għandhom ikunu mħarsa minn kumitat magħmul, fost l-oħrajn mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru responsabbli għall-attività partikolari, minn uffiċjali tal-Ministeru tal-Finanzj, minn persuna li tirrapreżenta lil dawk involuti fl-attività u minn rappreżentat tal-kunsill. Dawn se jkollhom il-fakultà li jagħmlu skrutinju fuq il-mod kif id-dħil u l-ħruġ ikun qed jiġi amministrat kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu meta l-ħruġ ikun se jaqbeż id-dħul allokat"? Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-membri ta' dan il-kumitat sena b'sena, bl-ismijiet u lil min kienu qed jirrappreżentaw?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-infieq fl-oqsma msemmija, jiġifieri dawk tat-turiżmu u kultura, toroq u manutenzjoni, saħħa, ambjent u tisbieħ, fis-snin 2005 u 2010. L-infieq, kemm bħala investiment kif ukoll bħala spejjeż rikurrenti, kompla jiżdied skont il-bżonn f’dawn is-setturi ta’ importanza soċjali u ekonomika għall-pajjiż. Minnflok sar permezz ta’ kontijiet sussidjarji, l-infieq seħħ kollu permezz ta’ allokazzjonijiet annwali fl-Estimi Finanzjarji direttament mill-Fond Konsolidat tal-Gvern u ġie ffinanżjat mid-dħul ġenerali fl-istess Estimi Finanzjarji.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minn dak li ġie mwiegħed fil-Budget għas-sena 2004, jiġifieri meta ntqal "biex insaħħu t-trasparenza u l-kontroll fuq il-finanzi pubbliċi minn din is-sena se nibdew inħaddmu sistema fejn fil-fond konsolidat se jkollna kontijiet sussidjarji għall-attivitajiet speċifiċi. Dawn il-kontijiet se jkunu mitmugħa minn dħul ta' taxxi li se jkunu dedikati għall-attività partikolari, waqt li se ninsistu li l-ispiża fuq dik l-attività ma taqbiżx id-dħul hekk iddedikat"? Jista' jgħid kemm-il kont sussisdjarju twaqqaf u għal liema attività speċifika?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 253.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-kamra tul il-kosta limiti tan-Naxxar, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, qed tintuża meta ċ-ċwievet tagħha qegħdin fil-pussess tat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern u meta uffiċjal ta' din it-taqsima kien informa li din kellha toħroġ bl-offerti?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-kamra qed tiġi kkunsidrata biex tiġi trasferita permezz ta’ sejħa għall-offerti wara li tinkiseb l-approvazzjoni tat-Tender Committee fi ħdan id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern. Is-sejħa għall-offerti ser tinħareġ fl-istess żmien meta l-Ordni ta’ Żgumbrament tiġi esegwita, sabiex jiġi żgurat li din il-kamra tkun battala fil-ħin li jsir it-trasferiment lil min jirbaħ l-offerta.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-pilloli Zokor tal-cholesterol se jkunu fl-ispiżerija tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek u l-ispiżeriji tal-gvern u dan għaliex ilhom ġimgħat ma jkunu in stock u sussegwentement dawk li m'għandhomx mezzi finanzjarji qed jibqgħu bla kura?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-aħħar ammont ta’ Simvastatin 20mg [Zocor] li rċieva d-Dipartiment tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) kien fit-8 ta’ Awissu 2011. Sallum, dan l-ammont ġie imqassam kollu skont il-kwota fil-114-il spiżerija li qed jipparteċipaw fl-iskema tal-POYC f’Malta u Għawdex.
Ħal Qormi — Kulleġġ San Injazju fil-Ħandaq - football ground
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex meta jkun qed jintlagħab il-football fil-ground tal-Kulleġġ San Injazju fil-Ħandaq, Ħal Qormi, min ikun jixtieq jimxi fit-track ma jitħalliex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-Isport u il-Kulleġġ San Injazju ma jirriżultalu li min ried juża t-track għall-mixi jew għall-
jogging
ma tħalliex jagħmel dan waqt il-logħob tal-futbol jew ta’ xi sport ieħor.