Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — IVF

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif it-teatru li nbena għall-IVF fl-Isptar Mater Dei se jintuża għall-operazzjonijiet differenti u mhux għall-iskop li sar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-teatru tal-IVF ser jintuża għall-IVF, iżda l-isptar ma jeskludix li jekk ikun il-każ u jkun hemm il-ħin adattat, bħal ma jigri f’teatri oħra, it-teatru tal-IVF jintuża għall-interventi oħrajn. Però l-interventi tal-IVF jingħataw dejjem il-preċedenza.

Security Guards tal-Isptar Mater Dei — food allowances

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-security guards li jaħdmu mal-Isptar San Luqa huma ddiskriminati peress li ma jingħatawx food allowance jew jingħataw l-ikel bħal security guards oħra li jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-food allowance mogħti lil security guards oħra li jaħdmu fid-dipartiment, ma joħroġ mill-ebda ftehhim u għalhekk ma hemmx lok għal xi tip ta’ diskriminazzjoni, kif qed jiġi interpretat fil-Mistoqsija Parlamentari. Fil-jiem li ġejjin se tittieħed deċiżjoni biex din l-irregolarita’ tiġi indirizzata.

ingaġġ ta' pharmacy technicians

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37317, jista' l-Ministru jgħid x'irid ifisser bil-frażi: 'mill-aktar fis possibli' meta dawn il-gradwati bħala pharmacy technicians ilhom li għamlu l-interviews sa minn Mejju 2012? Jista' jagħti t-terminu taż-żmien meta dawn se jkunu ingaġġati? Jista' jgħid xi jrid ifisser bil-frazi: 'skont l-esigenzi tas-servizz pubbliku', jiġifieri x'inhuma l-esigenzi tas-servizz pubbliku għas-sena 2012 u 2013? Kemm għandu pharmacy technicians nieqsa mill-compliment normali, fid-diversi istituzzjonijiet fid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ingaġġ fil-grad ta’ Pharmacy Technicians jinsab f’fażi avvanzata u huwa mistenni li fi żmien qasir jiġu kkuntattjati l-persuni magħżula sabiex jikkonfermaw jekk jaċċettawx il-ħatra bħala Pharmacy Technicians. Niċċara wkoll li l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku huma stabbiliti mhux biss mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità iżda jiġu stabbiliti wkoll flimkien mal-Public Administration HR Office u l-Ministeru għall-Finanzi, Ekonomija u l-Investiment.

Promotion tad-Deputy Nursing Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-kriterji għal postings tad-Deputy Nursing Officers li ġew promoted dan ix-xahar, jiġifieri b'liema mod ingħataw il-postings il-ġodda? Jista' jgħid kif ġiet assigurata l-meritokrazija u t-trasparenza f'dawn il-postings? X'sistema hemm ta' appell għal dawk li ngħataw postings li ma jħossuhomx li ġew posted f'wards li huma fil-linja ta' esperjenza u taħriġ li għandhom? Kif qed ikun assigurat li dawn id-Deputy Nursing Officers ma jħossuhomx dimottivati, jekk jiġu posted f'linja ta' xogħol li ma jħossuhomx konfidenti biżejjed fiha? Jista' jgħid jekk dawk li għamlu snin aċting Nursing Officers ingħatawx l-opportunità, issa li ġew promoted uffiċjalment għal dawn il-posts, li jibqgħu fl-istess swali jew dipartimenti? Jista' jassigura li kulħadd ġie ittrattat bl-istess kriterji u ma saretx diskriminazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kien hemm proċess tal-għażla tal-Public Service Commission u r-riżultat ġie ppubblikat. Il-posting tad-Deputy Nursing Officers sar kif deskritt: Ġiet stabbilita l-proċedura dwar kif għandu jsir dan id- deployment, b’konsultazzjoni mal-Malta Union of Midwives and Nurses. In-numru ta’ vakanzi biex jimtlew ġie stabbilit minn qabel ma beda l-proċess. 1. Kull min kien diġa fil-grad ta’ Deputy Nursing Officer (DNO) qabel il-proċess tal-għażla u li kellu ittra ta’ talba ta’ trasferiment kellu jieħu l-ewwel prijorità sakemm dan it-trasferiment kien possibbli. 2. Kull min laħaq DNO u kien diĠa’ jaħdem f’post fejn kien hemm vakanza kellu jingħata l-“ first right of refusal ”. 3. Il-kumplament kellu dritt li jagħżel skont l-ordni tal-mertu skont ir-rizultat tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. . Din il-proċedura ġiet segwita għajr f’erba’ ċirkostanzi għall-raġunijiet speċifiċi.

Ħ'Attard — bini ta' bank tad-demm ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-pjanijiet imħabbrin min-naħa tal-gvern dwar bini ta' bank tad-demm ġdid ġewwa Ħ'Attard?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pjanijiet tal-Gvern sabiex jinbena bank tad-demm ġdid ġewwa Ħ’ Attard ġew riveduti wara proċess ta’ assessment li sar dwar is-sit propost. Irriżulta li dan ma kienx kbir biżżejjed sabiex ikun hemm binja kbira biżżejjed li tilqa ġewwa fiha mhux biss is-servizzi eżistenti tal-bank tad-demm, iżda wkoll servizzi li huwa maħsuba li sejrin jiġu pprovduti fil-futur, speċjalment għaliex il-binja ma setgħetx tkun għolja daqs kemm mixtieq minħabba impatt estetiku fuq iż-żona tal-madwar u li kien hemm problema tal-MEPA. Raġuni oħra kienet li s-sit propost jinsab il-bogħod mill-Isptar Mater Dei. L-Isptar Mater Dei huwa l-akbar klijent tal-bank tad-demm u jkun jagħmel aktar sens li l-bank tad-demm ikun viċin l-Isptar Mater Dei. Għalhekk il-Gvern ħass li l-bank tad-demm għandu jkun viċin l-isptar Mater Dei, u biswit il- Life Sciences Park li qed jinbena bħalissa. In-natura tax-xogħol li jagħmel il-bank tad-demm hija komplimentari man-natura tax-xogħol li ser jibda jsir fil- Life Sciences Park . Sit għal dan il-għan diġa ġie identifikat u bħalissa għaddej il-proċess li l-art tgħaddi għand il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità.

colorectal screening

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif l-colorectal screening mwiegħed fil-Budget 2012 u b'commitment pubbliku li se jiġi mniedi f'Ottubru 2012 u s'issa għadu ma bediex? Jista' jgħid meta dan fil-fatt se jibda? Kif ma ħarġitx ir-riżultat b'mod uffiċjali tal-interviews li saru għal post ta' colorectal nurse?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Programm Nazzjonali ta’ Screening għall-Kanċer fil-Musrana jew colorectal cancer ser jibda aktar tard dan ix-xahar (28 Novembru), u bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti. Il-proċess ta’ għażla għall-Screening Nurse hu konkluz u gie mgħoddi lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

Studenti tal-Podjatrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-gradwati tal-podjatrija li għamlu interviews f'Ġunju 2012 u ġew ikklassifikati skont lista li ħarġet l-Public Service Commission lejn l-aħħar ta' Ġunju u li issa wara li ħarġu r-riżultati tal-finals għad-degree, l-istess Public Service Commission ħarġet il-lista bl-istess marki iżda l-kandidati qed jidhru fuq żewġ listi, jiġifieri lista A - candidates who, by the beginning of August 2012, have satisfied all the requireiments for being appointed, u lista B - Candidates who despite being eligible may only be appointed at a later stage? Dan ifisser li dawk fuq lista B muhx se jkunu impjegati? Jekk iva, se jitħallew fuq il-waiting list? Jekk iva, għalkemm żmien? Kemm għandu podiatrists nieqsa fis-settur tas-saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ingaġġ ta’ podjatri mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jsir skont kif approvat mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u l-Public Administration HR Office, skont l-esiġenzi tas-servizz. Il-kandidati fuq Lista B jiġu maħtura ladarba tkun eżawrita l-lista ta’ kandidati taħt Lista A, sakemm ikun hemm vakanzi approvati. Ir-riżultat ikun validu sa sena wara li jiġi ppubblikat.

Liċenzji għal spiżeriji

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37164 hijiex korretta għaliex skont il-website tal-Awtorità tal-Mediċini (li minn Frar, issa ġiet updated f'salt għall-19 t'Ottubru), jirriżulta li hemm biss sitt liċenzji għal spiżeriji ġodda li qed jiġu pproċessati? Jista' jikkonferma jekk hemm applikazzjonijiet pendenti għal spiżeriji tan-nies fil-Fgura, l-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u ż-Żurrieq? Skont l-aħħar statistika tal-popolazzjoni pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-1 ta' Ġunju 2012, u skont l-Avviż Legali 279/2007, f'dawn il-lokalitajiet jistgħu jiġu proċessati aktar liċenzji?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

deputy nursing officer — ingaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kemm applikaw infermiera għal post ta' deputy nursing officer fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità; b) kemm għaddew minn dawn l-infermiera applikanti; u c) kemm se jiġu ingaġġati minnhom f'dan il-post? Jista' jagħti d-dettalji bl-ismijiet ta' dawk li għaddew, skont il-klassifika li ngħataw, kif ukoll l-kwalifiki (lista ta' kwalifiki li ppreżentaw ma' l-applikazzjoni u/jew waqt l-interview), l-esperjenza sħiħa li għandhom bħala infermiera fid-dipartiment, u wkoll abilitajiet oħra li ppreżentaw fis-CV tagħhom, applikant, applikant?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li applikaw 348 persuni għall-post ta’ Deputy Nursing Officer fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, li minnhom għaddew 286. L-ingaġġ tal-applikanti li għaddew isir skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku. Dettalji ta’ min għadda kif ukoll il-klassifika tagħhom ġew publikati meta tpoġġa r-riżultat fuq in- noticeboards tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku kif ukoll fuq dik tal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità u tal-isptarijiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru. Informazzjoni rigward dokumenti preżentati mill-applikanti hija kunfidenzjali u kwalunkwe talba li ssir f’dan ir-rigward għandha ssir lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

ingaġġ ta' pharmacy technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet il-proċedura sabiex jiġi ppubblikat ir-riżultat tal-interviews li sar f'Ġunju 2012 għal pharmacy technicians wara sejħa mid-dipartiment aktar kmieni din is-sena? Kemm hemm postijiet vakanti fid-Dipartiment tas-Saħħa għal pharmacy technicians? Għaliex għadhom ma ġewx ingaġġati dawn il-pharmacy technicians? Meta se jiġu ingaġġati dawn il-pharmacy technicians?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pubblikazzjoni tar-riżultat għall-grad ta’ Pharmacy Technician u l-ingaġġ fl-istess grad għandhom isiru mill-iktar fis possibli. Il-vakanzi f’dan il-grad jimtlew skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku.

Dipartiment tas-Saħħa — applikazzjonijiet għal diversi karigi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35944 u jgħid kemm ħarġu sejħiet għall-applikazzjonijiet għal mili ta' diversi karigi mad-Dipartiment tas-Saħħa fis-snin 2009, 2010, 2011 u fis-sena kurrenti - 2012? Fuq liema bażi jiġi deċiż jekk kariga partikolari għandiex toħroġ mis-Servizz Pubbliku jew inkela mill-Foundation for Medical Services? Kemm inħarġu sejħiet mill-Foundation for Medical Servces jew b'sejħa diretta (mhux mill-PSC), kemm ġew ingaġġati nies b'dan il-metodu u jekk kienx hemm impjegati li wara li ġew ingaġġati b'dan il-metodu (mhux mill-PSC), ġew irregolarizzati mall-PSC?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fis-snin 2009 sa 2012 inħarġu total ta’ 428 sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta’ diversi karigi mal-Ministeru għas-Sahha, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’: 134 fl-2009, 102 fl-2010, 72 fl-2011 u 120 fl-2012 sa llum il-ġurnata. Id-deċiżjoni dwar jekk kariga partikolari tinteliex permezz ta’ sejħa li toħroġ mis-Servizz Pubbliku jew mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, ssir abbażi tal-ħtiġijiet neċessarji. Matul is-snin 2009 sa 2012, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (F.M.S.)ħarġet 40 sejħa għall applikazzjoni u preżentament hemm seba’ persuni li ġew ingaġġati b’mod dirett. Ma kien hemm l-ebda persuni ingaġġati mal-F.M.S. li ġew irregolarizzati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Leg 11 PQ #37319 Sitting 515 2012-10-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru tal-Intern

Siġġiewi — manutenzjoni ta' trejqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'qieghed iżomm lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi milli jieħu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex isir ix-xogħol fuq it-trejqa fl-area magħrufa bħala Ta' Parak fil-limiti tas-Siġġiewi, liema trejqa, saritilha ħsarat estensivi waqt il-maltemp ta' dan l-aħħar u li ġiet imsewwija permezz ta' patching u li l-vettura li ntużat ghal dan il-patching minħabba d-djuq f'din it-trejqa, għamlet ħsarat kbar fil-ħajt li jżomm it-trejqa, tant li dan l-istess ħajt waqa' f'għalqa u bil-konsegwenza li nħoloq periklu ġdid għal kull min juża din it-trejqa u speċjalment għar-residenti li hemm fl-area u li jkollhom jużaw din l-unika aċċess kontinwament? Jista' jassigura li x-xogħol meħtieg isir b'urġenza u dan sabiex jiġi evitat aktar periklu li tkompli ċċedi t-triq kemm minħabba l-ammont ta' vetturi li jgħaddu minnha kuljum kif ukoll b'konsegwenza tal-ilmijiet tax-xita li jinżlu fiha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li ddiskuta l-ħsarat imsemmija waqt seduta li saret it-Tnejn 22 ta’ Ottubru 2012, u li għaliha kienu preżenti wkoll uħud mir-residenti taż-żona magħrufa bħala Ta’ Parak fil-limiti tas-Siġġiewi. Il-Kunsill Lokali ddeċieda li jinkariga lill-perit tiegħu sabiex fl-iqsar żmien possibbli jistabbilixxi kif seħħew il-ħsarat fit-triq u fil-ħajt li jżommha, kif għandha tissewwa l-ħsara waqt li jħejji stima tax-xogħolijiet meħtieġa. Il-Kunsill Lokali nforma b’dan lir-residenti preżenti għas-seduta u għarrafhom ukoll li ser ikun qiegħed jikkomunika direttament magħhom biex iżommhom infurmati dwar l-iżviluppi rigward il-ħsara fiż-żona.

AFM — Request għal laqgħa mal-Brigadier rigward promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx requests pendenti minn membri tal-Forzi Armati ta' Malta biex jiltaqgħu mal-Brigadier dwar il-proċess tal-promozzjonijiet fl-Armata? Jekk hemm requests pendenti, għaliex dawn il-membri għadhom ma ngħatawx l-opportunità li jiltaqgħu mal-Brigadier minkejja li l-proċess tal-promozzjonijiet jinsab fl-aħħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li skont proċeduri stabbiliti tal-armata fir-rigward tas-smiegħ tal-ilmenti, kull membru tal-Forzi Armati jkun jeħtieġlu jidher quddiem l-Officer Commanding u l-Commanding Officer tiegħu rispettivament qabel ma jkun jista jressaq tali ilment quddiem il-Kmandant. Fir-rigward tal-promozzjonijiet li ġew ippublikati fit-13 t’April 2012 u b’seħħ mill-1 t’Ottubru 2011 ninsab infurmat li l-proċess għadu għaddej hekk kif kull min għamel ilment diġa deher quddiem l-Officer Commanding u l-Commanding Officer tiegħu. Minn dawn, 60 individwi xtaqu li jressqu ilment quddiem il-Kmandant u sa issa 42 ġew intervistati. Is-smiegħ tal-ilmenti li fadal huwa skedad għal-ġimgħat li ġejjin. Nixtieq niċċara li dan il-proċess huwa assoċjat mal-promotion exercise 2010-2011 u mhux relatat mal-eżerċizzju li għaddej bħalissa li jkopri is-snin 2011-2012.

Staff Enrolled Nurse Conversion Course Certificate

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iStaff Enrolled Nurse Conversion Course Certificate li huwa segwit mill-Università ta' Malta, hux rikonoxxut fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea? F'liema pajjiżi anke mhux fl-Unjoni Ewropea dan iċ-ċertifikat huwa rikonoxxut?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Enrolled Nurse to Staff Nurse Conversion course mhuwiex course organizzat mill-Universita’ ta’ Malta imma huwa course li ilu jorganizzah id-Dipartiment tas-Saħħa għal dawn l-aħħar 10 snin u li dan għandu jintemm fl-2014. Il-course li huwa miftuħ għall-Enrolled Nurses (Infermieri reġistrati fit-tieni parti tar-Reġistru) huwa mqassam fuq sena u nofs u huwa aċċettat mill-Kunsill dwar l-Infermiera u Qwiebel u allura jintitola ‘l min jgħaddi mill-eżami finali u l-komponenti kollha tal-course għal Reġistrazzjoni tal-Ewwel Livell (SRN). Għalhekk dan iċ-ċertifikat huwa rikonoxxut mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u per konsegwenza anke minn dawk il-pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea li jirronoxxu r-Reġistrazzjoni Ewropea u/jew Maltija ta’ Infermier tal-Ewwel Livell.

Siġġiewi — trejqa li għandha bżonn manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Transport Malta għadha ma ħaditx azzjoni dwar il-periklu li hemm fit-trejqa fl-area magħrufa bħala ta' Parak fil-limiti tas-Siġġiewi, liema trejqa saritilha ħsarat kbar bil-maltemp ta' dan l-aħħar, iżda aktar u aktar minħabba vettura li waqqgħet il-ħajt li jżomm din l-istess trejqa u li minkejja li residenti ġibdu l-attenzjoni tal-kunsill lokali, l-istess uffiċjali tal-kunsill lokali tas-Siġġiewi, infurmaw lil dawn ir-residenti li hija Transport Malta, fir-responsabilità li tieħu l-azzjoni għat-tiswijiet urġenti li jinħtieġu jsiru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Orthotic and Prostethic Unit — investigazzjoni minn espert

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ta' inkjesta li sar mill-espert barrani li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ġie mqabbad mill-istess Ministeru , is-sena li għaddiet, sabiex jinvestiga l-operat tal-Orthotic and Prostethic Unit? Jista' jgħid x'ġie implimentat mill-konkluzjonijiet ta' dan ir-rapport ta' inkjesta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-Espert barrani li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien ikkummissjonat biex jagħmel review u mhux inkjesta, tal-Prosthetic u l-Orthotic Unit. Diversi rakkomandazzjonijiet kienu implimentati: · Taħrig u impjieg ta’ Prosthetic/Orthotic Technicians. Dawn ġew imħarrġa kemm barra minn Malta u minn barranin li jiġu hawn. · Żewg Podiatrists bdew xogħol fl-OPU - issa jaħdmu ħames t’jiem fil-ġimgħa, u ieħor darba jew darbtejn. · Bdiet tinżamm dokumentazzjoni fuq il-pazjenti kollha - kemm bil-miktub kif ukoll f'forma elettronika. · Impjieg ta’ Chief Prosthetist/Orthotist li għandu rwol kemm kliniku kif ukoll amministrattiv. · Involviment ta’ tim multidixxiplinarju li jinvolvi Podiatrists, physiotherapists u Occupational Therapists u taħriġ għal dawn in-nies. · Jingħata servizz lill-pazjenti f'Mater Dei u istituzzjonijiet oħra skond il-bżonn. · Stħarrig fuq is-sodisfazzjon tal-pazjenti. · Reviżjoni tal-kuntratti mal-kumpaniji barranin li jagħtu servizz fl-Orthotics u Prosthetics Unit. · Kuntatt regolari ma’ grupp tal-appoġġ tal-pazjenti. Jekk l-Onor. Interpellant qed tirreferi għal rapport ta’ xi inkjesta partikolari, nitloba tidentfika dan ir-rapport.

Dipartiment tas-Saħħa — capacity building exercise

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pożizzjoni ad hoc ġew introdotti mid-Dipartiment tas-Saħħa u li ma kenux ikkontemplati u ppjanati mill-aħħar capacity building exercise li għamel l-istess dipartiment? Liema huma dawn il-pożizzjonijiet? X'inhuma t-terms of references ta' dawn il-pożizzjonijiet? Xi gradi u pagi qed jingħataw dawk magħżula għal dawn il-pożizzjonijiet? X'fringe benefits hemm marbuta ma' dawn il-pożizzjonijiet? Tista tingħata l-informazzjoni għal kull pożizzjoni? Għaliex l-aħħar capacity building exercise ma ħasibx għal dawn il-pożizzjonijiet li ħarġu ftit xhur wara li dan l-eżerċizzju ġie finalizzat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-esiġenzi tas-Servizz huma fluwidi u jinbidlu minn żmien għal żmien, u għaldaqstant huwa inevitabbli li f’Ministeru bħalma hu l-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jkunu mitlub approvazzjoni għal vakanzi b’mod ad hoc. Il-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn il-postijiet u pożizzjonijiet ikunu skont il-Ftehim Kollettiv rilevanti jew kif ikun maqbul mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għall-Finanzi, l-Anzjani u Kura fil-Komunità. Invarjabilment, dawn il-kundizzjonijiet jidhru b’mod trasparenti meta tinħareġ sejħa għall-mili ta’ vakanzi fil-post jew pożizzjoni rilevanti.