Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola ta' San Ġwann — xiri ta' uniformi minn supplier wieħed

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ġenituri li għandhom lil uliedhom li qegħdin fil-year 1 fl-iskola ta' San Ġwann, ġew mitluba biex fi żmien jumejn jassiguraw li l-uniformi ta' uliedhom tkun kollha mixtrija mis-supplier indikat mill-istess skola, u dan meta s-supplier qed ibiegħ il-qliezet b'€18 u ħaddieħor qed ibiegħhom ferm inqas? Għaliex il-ġenituri m'għandhomx il-libertà li jagħżlu minn fejn jixtru, sakemm qed jixtru l-istess kulur u stil ta' uniformi għat-tfal tagħhom? X'inhi r-raġuni li l-iskola qed tinsisti li l-ġenituri bilfors iridu jixtru mingħand supplier wieħed, meta jistgħu jiffrankaw il-flus mingħand ħaddieħor? Tista' tassigura li l-ġenituri jitħallew fil-libertà li jixtru minn fejn jixtiequ ħalli kulħadd ikun fil-libertà skont il-mezzi finanzjarji tiegħu, sakemm l-uniformi tkun skont il-kulur u l-istil mitlub?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dan qed isir biex bħal kull uniformi jinżamm l-istess kulur, stil u kwalità ta’ dak li ngħata b’sejħa pubblika u ġie approvat mid-Direttorat. Il-ġenituri jistgħu jixtru l-uniformi mingħand suppliers differenti sakemm ikunu skont l-uniformi stabbilita ta’ dak il-kulleġġ.

Sejħa għall-postijiet ta' supply kindergarten assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw persuni għall-postijiet ta' supply kindergarten assistants sad-data tal-għeluq f'Ottubru? Kemm intagħżlu? X'kienu l-kriterji tal-għażla? X'kienu r-raġunijiet għal dawk li ma ntgħażlux ? Għaliex kien hemm applikanti li kienu ilhom il-ġimgħat li applikaw u lanqas ġew informati b'xejn, jiġifieri la ġew imsejħa għall-interview u lanqas ġew infurmati jekk intgħażlux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm total ta’ 630 applikanti. Minn dawk intervistati s’issa għaddew 112. Fost is-630 applikant kien hemm ukoll min ma laħaqx il-kriterji tal-għażla, irtira l-applikazzjoni, ma attendiex għall-intervista jew ma għaddiex mill-intervista. Ir-raġuni li hemm applikanti li għadhom ma ssejħux għall-intervista hija din li ġejja kif stabilita fis-sejħa għall-applikazzjonijiet: “10.1 Applikazzjonijiet jibqgħu jiġu milqugħa sa nofsinhar (Central European Time) ta’ nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2011. L-applikanti eliġibbli jiġu intervistati minn Bord ta’ Għażla, jekk u meta jkun hemm ħtieġa biex jiġi stabbilit kemm huma adattati għall-impjieg. Madankollu, minħabba l-esigenżi tad-Direttorati Edukattivi, il-Bord ta’ Għażla, jikkunsidra l-ewwel applikazzjonijiet li ġew milqugħa sal-aħħar ta’ nofsinhar (Central European Time) ta’ nhar il-Erbgħa, 29 ta’ Diċembru 2010. Il-Kandidati li jgħaddu jitpoġġew fuq lista ta’ ordni ta’ mertu li tibqa’ valida sal-aħħar tas-sena kalendarja, il-31 ta’ Diċembru 2011.” Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kriterji tal-għażla.

Depożitu għall-apparat ta' Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm depożiti li ngħataw minn pazjenti għall-apparat li ħadu mill-Isptar Mater Dei u li wara li rritornaw l-apparat għadhom ma ngħatawx lura d-depożitu li huma ħallsu? Għaliex dan id-depożitu mhux qed jingħata malli jirritornaw l-apparat? Jaf li hemm min ilu jistenna l-flus aktar minn tliet xhur? X'se jagħmel biex jagħti lura flus in-nies?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa għaddej eżerċizzju fl-Isptar Mater Dei sabiex il-backlog li jeżisti fuq dawn ir-refunds jinqata’ fi żmien ftit ġimgħat. Bħalissa l-backlog huwa ta’ madwar 500 każ u jammonta għal madwar ħmistax-il elf, u ħames mitt Ewro (€15,500). Ta’ min wieħed jgħid li l-ipproċessar tal- claim għar- refund isir mill-Isptar Mater Dei. Il-pagament propju imbagħad isir mit-Teżor. Dan il-proċess ta’ ħlas mit-Teżor dejjem jieħu medja ta’ ġimgħatejn
Leg 11 PQ #30020 Sitting 407 2011-11-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — tobba u speċjalisti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tobba u speċjalisti li bħalissa qed jagħtu s-servizz tagħhom fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-numru ta' konsulenti u tobba li jagħtu s-servizz tagħhom ġewwa l-Isptar Ġenerali t'Għawdex huma kif ġej: Numru ta' tobba stazzjonati ġewwa l-Isptar: 16 General Practitioners Numru ta' konsulenti stazzjonati ġewwa l-Isptar: 12 Numru ta' Senior Registrars stazzjonati ġewwa l-Isptar:2 Numru ta' tobba li jiġu regolarment minn Malta: 2 (1 General Practitioner, 1 Senior Registrar) Numru ta' konsulenti li jiġu regolarment minn Malta:12.

Search lights ħdejn l-iskola ta' Ħal Luqa

Question

Tista' l-Ministru tara li s-search lights li hemm mal-iskola ta' Ħal Luqa, ħdejn id-daħla tal-Kindergarten, jibdew jinxtegħlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fejn u kif qegħdin il-flood lights huwa diffiċli u perikoluż biex jintlaħqu ħalli jinbidlu l-bozoz. Hemm il-ħsieb li jsir xogħol biex il-flood lights jittellgħu fuq iċ-ċinta tal-bejt tal-iskola ħalli jkun aċċessibbli għall-electricians.

Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali — uffiċċju distrettwali ta' Ħal Luqa

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk id-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali, qattx ħaseb biex jitrasferixxi l-Uffiċċju Distrettwali tiegħu f'Ħal Luqa f'post aktar addattat, bil-għan li jkun: [a] aċċessibli; [b] aktar spazjuż u arjuż; [c] joffri privatezza lil dawk kollha li jmorru biex jinqdew minn hemmhekk; [d] ikollu waiting area kif jixraq għal min ikun qed jistenna biex jinqeda; u [e] ikollu ambjent xieraq għall-impjegati li jaħdmu f'dan l-uffiċċju; eċċ.?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru jinsab fi stadju li jwettaq xogħolijiet ta’ tisbiħ fl-Uffiċju Distrettwali ta’ Ħal Luqa għall-bidu tas-sena d-dieħla u fejn ser tittieħed inkonsiderazzjoni tal-aspetti kollha msemmija fil-mistoqsija.

Ħal Qormi — Triq in-Nassab - alarm ta' ħanut

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija ma ħassethiex responsabbli li ssib min ħalla l-alarm idoqq fis-sigħat bikrin tal-lejl fit-Triq in-Nassab, Ħal Qormi u li bil-konsegwenza ta' dan tant residenti ma setgħux jorqdu, minkejja r-rapporti li saru mill-istess residenti? Jista' jgħid kif il-pulizija hija responsabbli li żżomm il-buon ordni u f'każ ta' storbju bil-lejl, permezz ta' alarm ta' wieħed mill-ħwienet tax-xogħol f'din it-triq, ma ħaditx il-passi meħtieġa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-daqq ta’ alarm fi Triq in-Nassab li probabbli qed tirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ġie nvestigat mill-Pulizija nhar it-2 ta’ Novembru 2011. Dan l-alarm kien ta’ garaxx li hu f’kumpless ta’ garaxxijiet bi drive-in u li hu magħluq b’kancell imsakkar u fil-ħinijiet ta’ matul il-lejl ma jkun hemm ħadd fih. Kien għalhekk li l-Pulizija ma setgħetx tidħol mill-ewwel. Madanakollu l-Pulizija għamlet l-istħarriġ tagħha u s-sid tal-alarm inkwistjoni ġie mswissi skont il-liġi u sabiex minnufih jagħmel it-tiswijiet neċessarji fuq dan l-alarm.

Qorti — legal aid - servizz ta' social worker

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif persuni li jkunu eliġibbli għal-Legal Aid, qed ikunu mġegħla jħallsu għal servizzi ta' social worker li jiġu mqabbda mill-Qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

B’referenza għal-mistoqsija tal-Onororevli Membru ninsab infurmat li meta jkun hemm parti bl-għajnuna legali normalment ma jitqabbadx social worker iżda jekk ikun hemm xi ċirkustanzi partikolari fejn dan jitqabbad u dan bil-kunsens tal-partijiet, allura tħallas il-parti li ma tkunx bl-ghajnuna legali. Jista’ jkun il-każ ukoll li l-Qorti tirreferi l-parti li tkun bl-għajnuna legali għand l-Aġenzija Appoġġ li joffru dan is-servizz mingħajr ħlas.

Ħal Qormi — Triq il-Ġnien - ġnien abbandunat

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ġnejna li hemm wara l-Blokk 9 u 10 fi Triq il-Ġnien, Ħal Qormi u li hija proprjetà tal-gvern, qed titħalla fi stat ta' abbandun bil-konsegwenza li qed jinxteħet ħmieġ u żibel ieħor u siġar li kibru żżejjed għad-dannu ta' kulmin joqgħod fl-akkwata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Furjana — Divizjoni tal-Edukazzjoni - cleaners part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif qed jaħdmu l-cleaners li hemm part-time fid-Divizjoni tal-Edukazzjoni, fil-Furjana, jiġifieri x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Min jiddeċiedi dwar dawn il-ħinijiet? Min jiddeċiedi kif jieħdu l-leave? Kemm għandhom sigħat ta' vacation leave u sick leave?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-part time cleaners jaħdmu 4 sigħat kull jum. Hemm minnhom jibdew fis-6.00am u hemm minnhom jibdew fit-8.00am. Min jidħol fis-6am jispiċċa fl-10am u min jibda fit-8am jispiċċa fil-12.00pm. Dawn jaqgħu taħt r-responsabilta tad-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi u l-ħinijiet ġew deċiżi skont l-esigenza. Il-Leave jittieħed skont it-talba li jagħmel il-ħaddiem u skont l-esiġenza tas-servizz. Dawn għandhom pro-rata vacation leave u sick leave.

Breast Clinic — applikazzjoni għall-prosthesis

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ilha applikata kważi tliet xhur għal prosthesis mal-Breast Clinic u minkejja li madwar xahar u nofs ilu ċemplulha biex tieħu l-qisien, sal-lum għadha mingħajr il-prosthesis? Ma jidhirlux li dawn huma każijiet li jimmeritaw urġenza sabiex nassiguraw li n-nisa milquta jingħataw id-dinjità kollha li tixirqilhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna msemmija kellha viżta bil-għan li ssirilha prosthesis fil-11 ta’ Settembru 2011. L-ordni saret fit-18 ta’ Settembru iżda, minħabba dewmien min-naħa tal-aġent, din waslet fl-iSptar Mater Dei fid-29 t’Ottubru 2011. Il-persuna kkonċernata għandha tiġi kkuntattjata f’dawn il-jiem biex tkun tista’ tiġbor il-prosthesis tagħha.
Leg 11 PQ #29399 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — tisqija tar-raba'

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ir-raba' li hemm fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex jiġi msoqqi bl-ilma tal-vit u mhux bl-ilma tal-ġibjun li hemm fl-istess sptar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ilma tal-ġibjun fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex jintuża kollu għall-irrigazzjoni, u t-tisqija bl-ilma mhux mill-ġibjun saret sakemm tiġi stallata sistema ġdida ta' irrigazzjoni li hija parti f'tender li nħarġet u qiegħda fil-fażi tal-aġġudikazzjoni.
Leg 11 PQ #29400 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — anastetisti

Question

Billi hemm nuqqas ta' anastetisti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, u mhemmx anastetisti residenti fl-istess sptar, imma l-isptar qed jagħmel użu minn anastetisti mibugħta mill-Isptar Mater Dei f’Malta, tista' l-Ministru tgħid meta se jiġu impjegati anastetisti li jkunu residenti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u b'hekk jiġi indirizzat ir-riskju li l-isptar jinqabad b'emerġenzi u ma jkollux anastetisti biżejjed biex jaħdem?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li hemm sejħa biex jiġi ngaġġat anastetist residenti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, lesta biex tiġi ppublikata skont il-proċeduri stabbiliti.
Leg 11 PQ #29401 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — overtime

Question

Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni l-overtime li qed isir fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex mhux qed jitħallas fil-ħin? Meta tħallas l-aħħar overtime? Meta se jsiru l-pagamenti dovuti lil min għandu jieħu l-flus tal-overtime?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fil-paga li jmiss ser jitħallas overtime li sar sa Ġunju. Bħalissa qiegħed jiġi ċċekjat l-overtime ta' Lulju, Awwissu u Settembru u dawn se jitħallsu fil-paga ta' wara.
Leg 11 PQ #29402 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — kuntratturi li jissupplixxu l-affarijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qegħdin lura fil-pagamenti l-Isptar Ġenerali t'Għawdex mal-aġenti tal-mediċini, mal-kuntratur li jissuplixxi l-ikel, mal-kuntrattur li jissuplixxi l-ħobż, fil-kontijiet tad-dawl u ilma, fl-overtime li għandu jagħti lill-ħaddiema u fi ħlasijiet oħra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li qegħdin jittieħdu l-passi neċessarji sabiex kontijiet pendenti jitħallsu fl-iqsar żmien possibbli.
Leg 11 PQ #29403 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — Health Assistants - allowances

Question

Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni l-Health Assisstants li jaħdmu fil-wards fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex ma jieħdux l-istess allowance li jieħdu l-istess kollegi tagħhom li jaħdmu fil-wards fl-Isptar Mater Dei f'Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-health assistants fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex qedgħin jieħdu l-allowance li huma ntitolati għalih.
Leg 11 PQ #29404 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — suffetti tal-asbestos

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jinbidlu s-suffetti tal-asbestos li għad baqa' fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħol ta' tneħħija ta' suffetti tal-asbestos diġà beda u l-istallazzjoni ta' suffett ġdid ikun jista' jitkompla meta jingħataw il-kuntratti relatati u jikkumplimentaw dan ix-xogħol.

Enemalta — servizz għal-lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Korporazzjoni Enemalta qed tieħu fit-tul biex tipprovdi s-servizz sabiex ikun jista' jitħaddem il-lift fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li hija blokka appartamenti proprjetà tal-gvern u li dan is-servizz huwa essenzjali minħabba każijiet akuti ta' mobbilità li jeżistu, u dan peress li jidher li l-Awtorità tad-Djar ma tistax tiżblokka din il-problema mal-Korporazzjoni Enemalta? Għaldaqstant, jista' jgħid meta dan is-servizz se jingħata?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni ġiet irreġistrata fl-14 t’Ottubru 2011. Fl-20 t’Ottubru 2011 sar l-appuntament mal-klijent; madankollu l-installazzjoni tal-elettriku tal-lift ma kinitx kompluta u allura s-servizz ma setax jiġi pprovdut. Il-klijent ġie kkuntatjat f’dawn il-ġranet u issa kkonfermat li l-installazzjoni hija kompluta. Is-servizz tal-elettriku minn naħa tal-Enemalta ġie mgħoti.

Sptar Mater Dei u Sptar Karen Grech — trasferiment ta' anzjani fil-homes

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema homes u/jew sptarijiet/kliniċi, ġew trasferiti anzjani minn Sptar Mater Dei u/jew Sptar Karen Grech matul din l-aħħar sena? Kemm qed jitħallsu fuq dawn il-homes għal kull persuna? Il-gvern qiegħed jassigura li dawn il-homes u/jew sptarijiet /kliniċi għandhom standard aċċettabbli tal-kura u li l-ambjent li qed jinżammu fih l-anzjani huwa wieħed addattat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-homes u/jew sptarijiet/kliniċi li ġew trasferiti anzjani minn Sptar Mater Dei u/jew Sptar Karen Grech matul din l-aħħar sena huma dawn: Dar tal-Mellieħa, Dar tal-Mosta, Dar tal-Imtarfa, Dar taż-Żejtun, Dar tal-Floriana, Dar tal-Imsida, Dar ta’ Bormla, Residenza ta’ San Vinċenz de Paul, Swali ta’ San Ġorġ Preca, Santa Bernardetta u St.Jean Antide, Casa Serena, Villa Messina, Casa Arkati, Central Home, Roseville u Capua. Dawn il-faċilitajiet imsemmija hawn fuq kollha għandhom liċenzja mid-Dipartiment tal-Health Care Services Standards, kif ukoll id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità għandu team ta’ nies li jżuru dawn il-postijiet minn żmien għall-żmien, skont il-bżonn, biex jevalwaw il-livell ta’ kura li qed tingħata kif ukoll l-ambjent biex b’hekk jaċċertaw li dan ikun addattat. L-Onor. Interpellant jista’ jara r-rati ta’ ħlas b’mod kunfidenzjali.