Legislature:
Category:
Reset
Active:

proġetti ta' kontra l-għargħar — informazzjoni

Question

In vista tal-proġett li l-gvern ħabbar kontra l-għargħar f'diversi inħawi ta' Malta, jista' l-Ministru jgħid b'liema mod dan il-proġett se jolqot lil Ħal Qormi? Jista' jgħid jekk il-pont fi Triq il-Wied, Ħal Qormi li kien jintuża biex fix-xita n-nies jaqsmu l-wied minn fuqu, iżda wara li ġġarraf mill-għargħar tas-sena 2003 tħalla għal riħu bil-konsegwenza li llum jinsab fi stat perikoluż, hux se jkun parti minn dan il-proġett kontra l-għargħar? Jekk huwa parti mill-proġett, x'se jsir, jiġifieri se jerga' jinbena l-pont jew se ssir xi alternattiva oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 26801, 27760, 28743 u 20807.

Ħal Qormi — Triq il-Mitħna - impact assessment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta, qabel ma bdew jinbnew il-bankini fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi, għamlitx impact assessments fuq: [a] il-mixja tal-ilma tax-xita f'din it-triq li tilqa' fiha ilma li jkun gej minn Birkirkara, Santa Venera u l-Imrieħel u li jibqa' sejjer għall-wied; [b] il-fatt li l-bankini jidhru li se jkunu maħruġin 'il barra u għaldaqstant jistgħu jaffettwaw lil dawk li bil-vetturi jkunu ġejjin minn Triq il-Kanun, Ħal Qormi għal ġo Triq il-Mitħna; [ċ] il-volum u l-konġestjoni tat-traffiku, partikolarment fil-ħinijiet tax-xogħol; u [d] l-operat tal-ħwienet tax-xogħol li hemm f'din it-triq? Jekk Transport Malta għamlet dawn l-assessments x'irriżulta? Transport Malta ma' liema dipartimenti u/jew entitatjiet governattivi ikkordinat qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li jsiru dawn il-bankini kif qed isiru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal -Qormi — Triq il-Mitħna u Triq il-Wied - zebra cross fil-bidu ta' juction

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir wara t-talbiet li saru lil Transport Malta biex iż-zebra crossing li hemm fil-bidu tal-junction ta' Triq il-Mitħna u Triq il-Wied f'Ħal Qormi, ma tibqax tippreżenta l-periklu li tippreżenta biex persuni jaqsmu minn fuqha, u dan peress li qiegħda fil-bidu ta' din il-junction u l-vetturi li jduru fuq in-naħa tagħha jsibuha mill-ewwel ma' wiċċhom? Jista' jara x'jista' jsir peress li din l-istess zebra crossing qed tkun kaġun ukoll li kull meta tagħmel ix-xita jinżamm ħafna ilma u sussegwentement toħloq inkonvenjent għal kulmin jgħaddi bil-mixi minn fuq il-bankini? Jista' jgħid x'azzjoni se tittieħed biex jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet u fl-istess waqt ikun hemm alternattiva xierqa minn fejn jaqsmu n-nies?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta kitbet lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal - Qormi fit-23 t’Awwissu 2011, fejn ġie spjegat dak kollu li għandu jsir.

Ħal Qormi — tindif ta' culvert

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel id-dipartiment konċernat biex il-culvert li kien sar biex jinġabar l-ilma tax-xita u għaldaqstant inaqqas l-ilma mit-toroq fi Triq il-Kbira, għal Triq il-Blata, għal Triq il-Wied, f'Ħal Qormi jinżamm nadif mhux biss mill-ħmieġ iżda wkoll minn ġrieden kbar li nfestaw dan il-culvert; liema ġrieden mal-ilma tax-xita jinġarru mgħarrqa għal ġol-wied u wara x-xita jkun hemm ċimiterju ta' ġrieden kbar mejta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall- Mistoqsijiet Parlamentari numru 28292 u 28293, niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li ir-responsabbiltà tat-tindif tal-culverts imsemmija hija tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi.

mediċini Maalox u Gaviscon

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-mediċini Maalox u Gaviscon għadhomx jingħataw b'xejn lill-pazjenti li huma eligibbli? Jekk kien hemm deċiżjoni li ma jingħatawx, għaliex?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ż-żewġ mediċini msemmija jinstabu bl-isem ġeneriku tagħhom fuq il-Formularju tal-Gvern, fejn dawn jistgħu jingħataw kemm fuq il-kartuna s-safra, kif ukoll fuq il-kartuna r-roża. Dawn il-mediċini jissejħu ‘antacids’, u jintużaw sabiex iserrħu l-pazjent minn sintomi ta’ ħruq ta’ stonku u indiġestjoni. Jingħataw skont rakkomandazzjonijiet riċenti minn aġenziji internazzjonali li ma jirrakomandawx li dawn il-mediċini jintużaw frekwenti u għal tul ta’ żmien.

Addozzjoni tat-tfal — Dewmien fil-kors ta' tħejjija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk li japplikaw biex jaddottaw tarbija jiridu jistennew sena tal-anqas sabiex jagħmlu l-kors ta' tħejjija? Ma jidhirlux li dan huwa dewmien esaġerat? Jista' jgħid kif se jindirizza din il-problema?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol li jitwettaq mill-Adoption Service hu riflessjoni tar-riżorsi umani fit-taqsima, li hu ekwivalenti għal 5 full-timers. Dan jinkludi 10 sieghat ta’ leader u kordinatrici, li huma responsabbli wkoll mill-amministrazzjoni tas-servizz, żvilupp ta’ proċeduri interni u ma' pajjiżi diversi, xogħol fuq standards mad-Dipartiment tal-iStandards u żamm ta' statistika, fost oħrajn. Il-ħaddiema f’dan il-qasam għandhom ‘ full caseload ’ li f’Diċembru 2011 kienet tikkonsisti f’medja ta’ 32 każ kull persuna. Barra minn hekk il-ħaddiema jagħmlu medja ta' 62 post-adoption report kull wieħed kull sena u jagħtu t-taħriġ lill-individwi/ġenituri li jkunu se jaddottaw.

Applikazzjonijiet għal Learning Support Assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġu proċessati l-applikazzjonijiet ta' dawk li applikaw għal Learning Support Assistants? Meta se jiġu ngaġġati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma kien hemm l-ebda sejħa għal learning support assistants. Kien hemm żewġ sejħiet: 1. Supply Learning Support Assistants 2. Learning Support Assistants II L-applikazzjonijiet ġew ipproċessati u qegħdin isiru l- interviews tas- supply learning support assistants u se jibdew dalwaqt tal-Learning Support Assistants II.

Ħal Saflieni — żona għall-kaċċa ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28134, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi d-distanza miċ-ċimiterju għall-area msemmija jiġifieri Ħal Saflieni - Ħal Luqa?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċimiterju tal-Addolorata mhux biss ikopri ċ-ċimiterju nnifsu, imma wkoll iż-żona tal-madwar, hekk kif jidher fil-mappa li qed inpoġġi fuq il-mejda. Il-mistoqsijiet parlamentari numru 28134 u 31351 ma jispeċifikawx iż-żoni preċiżi fiċ-ċimiterju jew f’Ħal Saflieni, għaldaqstant l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ma tistax tingħata. Nitolbu jindika fuq mappa ż-żona preċiża.

Sptar Mater Dei — tobba connected man-network

Question

Peress li t-tobba privati tal-familja ilhom li ġew imwiegħda li se jiġu connected man-network tal-Isptar Mater Dei biex ikunu jistgħu jaraw ir-riżultati tal-pazjenti, jista' l-Ministru jgħid meta din il-wegħda se titwettaq?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ewwel fażi tas-sistema myHealth, li bieha se jkun possibbli li t-tobba privati tal-familja jkollom aċċess għal riżultati mediċi tal-pazjenti tagħhom, se tkun varata fil-31 ta’ Jannar 2012.

pazjenta bi problema fl-istonku — appuntament

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u għaliex pazjenta bi problema fl-istonku, minkejja li ġiet riferuta mit-tabib tal-familja tagħha, ingħatat appuntament għal Ottubru 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħti iktar dettalji dwar il-pazjenta li qiegħed tirreferi għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari.

informazzjoni dwar xiri ta' mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt ġewx identifikati mid-Dipartiment tas-Saħħa mediċini ġeneriċi li kienu substandard jew saħansitra mediċini foloz? Jekk iva, liema kienu dawn il-mediċini u għalxiex jintużaw? X'inhu jagħmel il-Ministeru sabiex ikun ċert li l-mediċini li qegħdin jinxtraw fil-pajjiż qegħdin ikunu ta' kwalità tajba?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kull kunsinna ta’ mediċina li tinxtara u tasal għand id-Dipartiment Ċentrali tal-Procurement and Supplies tgħaddi minn quality check qabel ma din tiġi rilaxxata u distribwita lill-entitajiet. Dawn il-verifikazjonijiet jinkludu wkoll kundizzjonijiet relatati mal-liċenzja tal-prodott. Għaldaqstant, għall-informazzjoni relatata ma’ x’inhu jsir sabiex jiġi żgurat li l-mediċini li jinxtraw huma ta’ kwalità tajba, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Sptar Zammit Clapp — Dar residenzjali għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Isptar Zammit Clapp hux se jkun wieħed mid-djar residenzjali għall-anzjani kif ġie msemmi fid-diskors tal-budget? Jekk huwa hekk, jista' jgħid jekk din id-dar għall-anzjani hix se tkun immexxija mill-kumpanija Care Malta? Jekk le, kif se tkun immexxija u minn min?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Isptar Żammit Clapp, li bħalissa għaddej minn proċess ta’ refurbishment, ser tkun Nursing Home għall-Anzjani. It-Tender li ħareġ għall-management ta’ din id-Dar intrebħet mill-kumpanija CareMalta.

informazzjoni dwar il-premises tal-ex Malta Shipbuilding

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x’użu qiegħed isir mill-premises tal-ex Malta Shipbuilding fil-Marsa minn mindu għalqu t-Tarznari fl-2010 sal-lum? Jista' jagħti wkoll dettalji speċifiċi jekk inkrewx xi partijiet mill- premises lil xi kumpaniji privati Maltin jew barranin u x’attività dawn il-kumpaniji qegħdin iwettqu fid-diversi partijiet tal- premises : Quay wall 1, quay wall 2, quay wall 3, quay wall 4, quay wall 5, quay wall 6 , il-Baċir, l-i steel stockyard , u l-fabrication workshop? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra x'tip ta’ kuntratti saru ma' dawn il-kumpaniji u b’liema prezz xahar b’xahar minn mindu għalqu t-tarznari sal-lum? Min għandu t-tmexxija ġenerali ta’ dawn il-premises u min qiegħed jiffinalizza u jiffirma l-kuntratti tal-kirjiet? Jekk min iddeċieda li jiftaħ il-baċir u jħallih miftuħ indefinitivament ħa xi parir tekniku u jafx li baċir miftuħ għal tul ta’ żmien issirlu ħsara kbira fl-istruttura tiegħu? Min għandu r-responsabilità ġenerali ta’ dawn il-premises u x’inhu jagħmel fil-konkret u fit-tul biex il-premises u l-makkinarju tal-bini tal-vapuri ma ssirlux iżjed ħsara? Jekk hux qegħdin isiru negozjati ma' kumpaniji internazzjonalment biex fil-premises jerġa' jibda jkun hemm attività serja ta’ industrija tal-azzar bħalma hija l-industrija tal-wind-farming, u/jew xogħol tal-azzar li għalih dawn il-premises ġew mibnija bi flus il-poplu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi l-premises tal-Ex Malta Shipbuilding fil-Marsa għadhom proprjetà tal-Gvern u fil-preżent qegħdin fdati taħt it-tmexxija ta’ kumpanija governattiva jisimha Ricasoli Tank Cleaning Ltd (RTCL). Din il-kumpanija kienet twaqqfet mill-Gvern waqt il-privatizzazzjoni tat-Tarzna sabiex tamministra l-faċilitajiet tar-reception plant li jinsab ġo Ricasoli, li ma kienx gie privatizzat mal-kumplament tal-faċilitajiet tat-Tarzna. Parti mill- Management ta’ din il-kumpanija jopera wkoll mis-sit tal-Ex Malta Shipbuilding permezz ta’ uffiċċju żgħir li ġie allokat mill-Gvern lill-kumpanija b’mod temporanju. Għaldaqstant il-kumpanija ingħatat ukoll ir-responsabbilta’ li tieħu ħsieb is-sit tal-Ex Malta Shipbuilding u d-diversi mollijiet li jinsabu f’dan is-sit, sakemm il-Gvern jiddeċiedi x’għandu jsir minn dan is-sit fil-futur. Permezz ta’ dan qiegħed jingħata servizz lil numru ta’ vapuri li jkollom bżonn moll fejn jorbtu. Id-dħul mill-irmiġġ qiegħed imur għand din il-kumpanija biex jgħinha tiffinanzja l-operat tagħha. Il-kumplament tas-sit tal-Marsa, li hu temporanjament fdat fil-kustodja ta’ din l-istess kumpanija, qiegħed jiġi amministrat f’isem il-Gvern u kull parti mis-sit li tgħaddi għal xi użu lil xi entita’ pubblika jew privata tkun normalment koperta b’kuntratt direttament mal-Gvern għal żmien definit. Il-kumpanija RTCL titħallas management fee mill-Gvern għall-amministrazzjoni ta’ dawn is-siti meta dawn jiġu allokati lil terzi. Dan minħabba li l-kumpanija tiffaċilita l-komunikazzjoni mal-klijenti, twassal għal ftehim bejn il-Gvern u l-entita’ permezz ta’ kuntratt, u tibqa’ tikkoordina l-aċċess fis-sit mal-entitajiet involuti, kif ukoll tipprovdi sigurta lis-sit b’mod ġenerali kif ukoll lill-makkinarju li għad hemm fuq dan is-sit. Il-makkinarju mhu qed issirlu l-ebda manutenzjoni iżda qiegħed ikun mħares minn serq jew ħsarat intenzjonati fuq bazi ta’ 24 x 7 security . Fost l-entitajiet li ngħataw partijiet mis-sit għal użu definit kienu l-Arriva Malta Ltd, it-Transport Malta, il-Heritage Malta u l-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC). Dawn l-entitajiet kollha, ħlief Heritage Malta, iffirmaw kuntratt għal żmien definit direttament mal-Gvern permezz tal-Government Property Department. L-iskeda ta’ hawn taħt tagħti d-dħul li kellu l-Gvern mingħand kull entità. Dħul tal-Gvern minn Entitajiet Pubbliċi jew Privati li għamlu użu mis-sit tal-Ex Malta Shipbuilding Entita’ Pubblika/Privata Żmien Dħul Arriva Malta Ltd Privata 3 xhur €13,680 Transport Malta Pubblika 3 xhur €13,500 GHRC Pubblika 18 il-xhar €36,000 Huwa minnu li riċentement ġie deċiż li l-baċir tal-Ex Malta Shipbuilding jingħata l-ilma u jitħalla mimli bl-ilma sabiex jipprovdi post akbar għall-irmiġġ tal-vapuri. Dan sar wara rapport tekniku minn perit imqabbad mill-kumpanija RTCL. Qabel ma’ l-baċir imtela’ bl-ilma ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex il-baċir ikun jista’ jerġa’ jitbattal meta jkun hemm il-ħtieġa. Ta’ min jiċċara li l-kumpanija RTCL m’ghandha l-ebda nkarigu li tagħmel xi marketing għas-sit tal-Ex Malta Shipbuilding jew li tidħol f’xi diskussjonijiet jew negozjati ma’ kumpaniji lokali jew barranin għall-użu futur ta’ dan is-sit. Meta l-kumpanija tirċievi xi proposti f’dan ir-rigward, hija tgħaddihom għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern li għandu entitajiet oħra speċjalizzati biex jagħmlu dan ix-xoghol. Il-kumpanija qegħda biss tiddiskuti rikjesti għal użu temporanju minn partijiet tas-sit tal-Marsa, dejjem b’konsultazzjoni mal-Gvern li għandu d-dritt ta’ l-aħħar deċiżjoni dwar jekk jakkomodax dawn ir-rikjesti jew le.

Irregolarità fir-rotta 62

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk it-Task Force dwar ir-Riforma fit-Trasport Pubbliku hux konxju tal-irregolarita' fir-rotta 62 għas-Siġġiewi mill-Belt, Valletta, u li dan il-fatt qed jikkawza inkonvenjent u tbatija kbira lir-residenti Siġġiewin li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk it-Task Force hux se tieħu l-passi meħtieġa sabiex din is-sitwazzjoni ta' din ir-rotta mill-Belt tigi rimedjata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mill-istudji kollha tagħna li jinkludu l-moniteraġġ tar-rotta 62 jidher li sa llum is-servizz fuq din ir-rotta reġa ġie għan-normal u għalkekk minn Novembru ‘l hawn ma jidhirx li kien hawn aktar problemi f’dan ir-rigward. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandha xi informazzjoni differenti, nistedinha tgħaddijili.

liċenzja tat-TV

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif wara dak li ġie mħabbar fil-budget fir-rigward tal-liċenzja tat-TV, xorta waħda ħarġu kontijiet għas-sena 2012, jiġifieri r-renewal hija minn Diċembru 2011 sa Diċembru 2012? Fil-budget ma ntqalx li mis-sena d-dieħla din il-liċenzja mhux se tinġabar aktar?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari numru 30936.

Nursing Officers u Deputy Nursing Officers li ġew infurmati li se jiġu trasferiti

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tan-Nursing Officers u Deputy Nursing Officers li ġew infurmati li se jiġu trasferiti, u tkun organizzata u identifikata b'dan il-mod, jigifieri skont dawk: a. in-Nursing Officers u Deputy Nursing Officers li talbu trasferiment huma; b. l-infermiera li ġew promossi għal Nursing Officers u li se jingħataw Sala għall-ewwel darba; u ċ. in-Nursing Officers u Deputy Nursing Officers li ma talbux li jiġu trasferiti. Jista' jgħid xi speċjalizzazzjoni, i.e. kwalifiki akkademiċi u esperjenza, għandhom dawk in-Nursing Officers u Deputy Nursing Officers [persuna, persuna]; li ma talbux biex jiġu trasferiti, iżda d-dipartiment infurmahom li se jittrasferihom? Għaldaqstant, jista' jgħid ukoll xi kriterji qed jintużaw biex jingħataw it-trasferimenti fil-konfront ta' dawk in-Nursing Officers u Deputy Nursing Officers li ma talbux li jiġu trasferiti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei, — trasferimenti ta' Nursing Officers u Deputy Nursing Officers

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif l-ammont ta' trasferimenti f'daqqa ta' Nursing Officers u Deputy Nursing Officers mill-Isptar Mater Dei, se jgħinu fiż-żamma tal-istabbilità u fl-izvilupp ta' dan l-isptar akut f'pajjiżna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-Isptar Mater Dei hemm 95 deputy nursing officer u 63 nursing officer li minnhom 8 deputy nursing officers u 7 nursing officers biss ser jiġu trasferiti ‘l barra mill-istess sptar. Dan l-eżerċizzju qed iseħħ biex jissaħħu l-istrutturi tal-management fl-isptarijiet l-oħra. L-istabbilta’ fl-istrutturi maniġerjali tal-Isptar Mater Dei mhix se tintmess. It-trasferimenti se jseħħu fuq perjodu ta’ ftit ġimgħat; in-numru li se jiġi trasferit huwa żgħir (inqas minn 9%). B’hekk, l-istabbilta fl-istrutturi tal-management tan-nursing fl-isptar akut ta’ Mater Dei qed tiġi garantita.

Operazzjonijiet kanċellati ġurnata qabel

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex operazzjonijiet qed jiġu kanċellati ġurnata qabel biss, wara li uħud mill-pazjenti u/jew familjari tagħhom ikunu ħadu leave mix-xogħol?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont informazzjoni li tinġabar mill-operating theatres fis-sena 2011 għall-Isptar Mater Dei, ir-raġunijiet l-aktar komuni għaliex tħassru l-operazzjonijiet li jkunu diġa tpoġġew fuq il-lista tal- operazzjonijiet kienu dawn: 1. Il-pazjent ma jiġix għall-operazzjoni. 2. Minħabba xi kontraindikazzjoni medika. 3. Il-pazjent irrifjuta l-operazzjoni. 4. Ikun hemm operazzjonijiet fuq l-istess lista li jkunu damu iżjed milli kien mistenni. 5. Il-pazjent ma’ kellux bżonn l-operazzjoni, għaliex il-kundizzjoni tiegħu tkun inbidlet. 6. Minħabba li jkun hemm xi każ urġenti li jkun irid jiġi operat minnufieħ. 7. Il- pazjent ma jkunx ippreparat sew għall-operazzjoni, per eżempju, ma jkunx sajjem.

Appuntament ta' pazjent

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u għaliex, pazjent li ġie mibgħut l-emerġenza mit-tabib tal-familja tiegħu biex jiġi drained mill-ilma f'żaqqu, ingħata appuntament għal Mejju 2013?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħti iktar dettalji dwar il-pazjent li qiegħed tirreferi għalih fil-mistoqsija parlamentali.