Sptar Mater Dei — pazjenti li jkunu għamlu operazzjoni - professjoni jew status
Question
Jista' l-Ministru jelenka l-professjoni jew status tal-pazjent skont it-tip ta' operazzjoni li għamel fl-Isptar Mater Dei, matul is-sena 2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-professjoni jew status ta’ pazjent ma jiġix imniżżel fir-reġistru tal-operazzjonijiet (surgical operations register). Għaldaqstant, din l- informazzjoni ma tistax tiġi elenkata.
Jista' l-Ministru jgħid fejn se jiġi trasferit il-head office tal-AirMalta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-bżonnijiet għall-uffiċini tal-linja tal-ajru ġew evalwati mill-ġdid. Dan minħabba t-tnaqqis fin-numru tal-impjegati, il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni aħjar bejn id-dipartimenti u l-bejgħ tal-propjieta’ fejn hemm l-uffiċini attwali tal-kumpanija lill-Gvern.
L-Air Malta identifikat post fejn tkun tista tibni il-Head Office tagħha u fejn id-dipartimeni kollha tagħha jkunu taħt saqaf wieħed. Fil-perjodu interim il-kumpanjia qiegħda tevalwa l-għażliet varji ta’ kiri ta’ uffiċini.
testijiet bażiċi li mhux qed isiru fil-bereġ fl-irħula
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-testijiet mediċi bażiċi bħat-testijiet taz-zokkor u tal-kolesterol eċċ. m'għadhomx isiru fil-bereġ tal-irħula, u n-nies qed jintbagħtu fil-health centres? Jista' jgħid liema huma dawk it-testijiet mediċi bażiċi li kienu jsiru fil-bereġ u issa ġie deċiż li ma jsirux aktar hemm, iżda qed isiru fil-health centres? Jista' jgħid liema huma dawk it-testijiet li għadhom isiru fil-bereġ tal-irħula? Jista' jgħid jekk il-bereġ fl-irħula hux se jagħlqu jew hux qed issir xi riforma fihom? Jekk qed issir riforma, x'tip ta' riforma hi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-bereġ qatt ma kien jittieħed demm jew kampjun ieħor biex isiru xi testijiet bażiċi iżda kien isir il-mili ta’ formoli biex isiru kwalunkwe test fiċ-ċentru tas-saħħa.
Dan m’għadux isir fil-bereġ għax it-tabib m’għandux aċċess għall-
medical file
tal-pazjenti minn dan il-lokal u b’hekk ma kienx ikollu rekord minn xhiex ibgħati u liema testijiet ħa qabel. Dan kien qiegħed iwassal għal duplikazzjonijiet ta’ testijiet u nuqqas ta’ kontinwita’ fil-kura tal-pazjent li setgħet tkun ta’ periklu għal l-istess saħħa tiegħu.
Bl-introduzjoni ta’ sistema ikkompjuterrizata, li diġà nfirxet fiċ-ċentri tas-saħħa kollha u li eventwalment sejra tiġi introdotta fil-bereġ wkoll, it-tabib se jkollu aċċess għat-testijiet li għamel il-pazjent fil-passat u jerġgħu jibdew jiġu ordnati ‘
paperless requests
’ għat-testijiet kollha mill-berġa. B’dan il-mod il-pazjent jibda jinqeda aħjar u b’aktar kontinwita’ u għanqas perikolu fil-kura tiegħu.
It-testijiet li għadhom isiru mill-bereġ huwa dak tal-urina permezz tad-
dipstick
.
formularju mediku li fih jitniżżlu l-mediċini kollha available fl-isptarijiet u fl-ispiżeriji tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jippubblika l-formularju mediku li fih jitniżżlu l-mediċini kollha available fl-isptarijiet u fl-ispiżeriji tal-gvern sabiex it-tobba jkunu jafu x'mediċini jistgħu jiktbu u min hu intitolat għalihom, u dan sabiex it-tobba ma jiktbux mediċini li l-gvern ma jissupplixxix?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li b’mod uffiċċjali l-Formularju tal-gvern ġie aċċessibbli pubblikament fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tas-Saħħa skont iċ-ċirkulari numru 237/2009. Perjodikament il-Formularju jiġi rivedut u aġġornat. Dawn l-emendi flimkien mal-Formularju aġġornat jiġu mħabbra b’mod uffiċċjali minn ċirkulari mibgħuta mill-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità.
persuni li għandhom l-e ID u oħrajn li rreġistraw għalih
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni f'Malta li għandhom l-e ID? Kemm persuni fil-fatt irreġistraw għal dan is-servizz minn meta ġie mniedi? Kemm hemm tobba li għandhom l-e ID? Kemm hemm tobba li rreġistraw għal dan is-servizz? Jista' jgħid għaliex jekk tirreġistra għal My Health, ma tistax tara jew taċċessa discharge letters jew case summaries meta dawn huma importanti ħafna għall-moniteraġġ li jrid isir sussegwentement mit-tobba tal-familja?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li malli pazjent jidħol fis-sistema tal-myHealth, ikun jista’ jara kull case summary jew discharge letter tiegħu li nħolqu mit-tobba tal-Isptar Mater Dei mill-2008 sal-lum. Dan l-aċċess jista’ wkoll jagħtih lit-tabib tal-familja tiegħu permezz tal-istess sistema.
Għal statistika dwar kemm il-persuna għandha l-e-ID (inkluż tobba), u kemm-il persuna abbonat għas-servizz tal-myHealth permezz tal-myGov, nitlob lill-Onor. Interpellant issaqsi lill-Ministru responsabbli għas-servizz tal-e-ID.
Jista' l-Ministru jagħti lista tat-tipi differenti ta' operazzjonijiet li saru mis-sena 2008 sal-aħħar tas-sena 2011, kull tip, u sena b'sena, pereżempju kemm operazzjonijiet tat-tunsilli, ċesarja, hip replacements, kataretti eċċ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema area fir-Residenza San Vinċenz de Paul qed isir n-night shelter, jiġifieri dan ifisser li ħa post xi attività jew operat ieħor fir-residenza jew f'xi area ġdida li ma kienet tintuża għal xejn? Jista' jgħid kemm se jesa anzjani dan in-night shelter? Kemm huwa pproġettat li jiswa dan in-night shelter?
Kif se tkun is-sistema u xi kriterji se jintużaw biex jidħlu fih l-anzjani? Min se jkun responsabbli għal dan in-night shelter, l-amministrazzjoni tar-residenza jew xi entità jew xi persuni oħra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-night shelter ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul se jakkmoda 8 anzjani li jgħixu waħedhom u għadhom indipendenti fil-bżonnijiet ta' kulljum. Il-post identifikat ma ħa l-ebda post ta’ attivita jew operat ieħor ġewwa r-Residenza. Il-post jinsab qrib il-Blokk Papa Ġwanni Pawlu II. Dan l-aħħar il-post kien mitluq u ma kellu ebda użu partikolari, għajr ġieli intuża bħala maħżen.
Il-proġett huwa stmat li jiswa sittin elf Ewro (€60,000) u x-xogħol qed isir mill-ħaddiema tar-Residenza stess. Il-
management
tar-Residenza se jkun responsabbli mill-post u d-dħul tal-anzjani se jkun regolat minn bord maħtur apposta u indipendenti mir-Residenza, bħalma jsiru fiz-zewġ
night shelters
l-oħra.
Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji — ilmenti pendenti minn konsumaturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ilmenti pendenti minn konsumaturi mal-Consumers' Complaints Manager tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji għal perjodu bejn is-sena 2008 u Jannar 2012? Minn kemm ilhom pendenti, sena b'sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Kommunità — postijiet ta' assistenti soċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu applikaw għall-postijiet ta' assistenti soċjali fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Kommunità permezz tas-sejħa li kienet saret fi Frar 2010? Dawn l-applikazzjonijiet ġew ipproċessati? Jekk iva, kemm intagħżlu u kemm ġew ingaġġati assistenti soċjali u xi kriterji ntużaw għall-għażla tagħhom? Jekk l-applikazzjonijiet ma ġewx ipproċessati, għaliex? Se jkunu proċessati fil-futur u meta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’ rċieva elf, sitt mijja u sebgħa u erbgħin (1,647) applikazzjoni għall-post ta’ Assistent Soċjali, li minnhom ġew assorbiti sitt mijja u ħamsa u ħamsin (655) persuna, skont il-ħtieġa tal-istess Ministeru.
Għaldaqstant, preżentament m’hemm l-ebda vakanza oħra ipprovata għar-reklutaġġ f’dan il-grad.
informazzjoni dwar appuntamenti tal-visti tan-nuċċali
Question
Peress li hemm health centresli qed jagħtu appuntamenti għall-visti għan-nuċċali għal sentejn oħra, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-appuntamenti bid-dati mogħtija mill-health centres għal visti tan-nuccali, health centre b'health centre, bin-numru ta' appuntamenti, xahar b'xahar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
problema għall-anzjani li jridu jagħmlu e ID minħabba aċċess għal ċerti websites
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif qed jistenna li anzjani jmorru l-Belt Valletta biex jirreġistraw u jagħmlu l-e ID ħalli jkunu jistgħu jidħlu fil-website MY HEALTH, u/jew it-Tobba tal-Familja, li jieħdu ħsiebhom id-dar? Jista' jgħid jekk hux se jsiru xi arrangamenti speċjali għall-anzjani, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din is-sistema fl-aħjar interess ta' saħħithom u l-kura tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tar-reġistrazzjoni tal-eID.
Ma dan kollu nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-domanda għandha tiġi ndirizzata lill-Ministru responsabbli għall-entità li tipprovdi s-servizz ta’ l-e-ID.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Petroleum Division tal-Korporazzjoni Enemalta hix se tiġi privatizzata? Jekk se tiġi privatizzata, x'se jiġri mill-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta li jaħdmu f'din id-diviżjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 22825.
kunsilli lokali — informazzjoni dwar kuntratti ta' ġbir ta' skart
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti ta' ġbir tal-iskart [bieb bieb], ġbir tal-iskart bulky (bieb bieb), knis ta' toroq u postijiet oħra pubbliċi u tindif tal-latrini li ngħataw mill-kunsilli lokali ta' Malta u Għawdex mis-sena 2008 sal-aħħar tas-sena 2011, sena b'sena, kuntratt b'kuntratt, lil min u b'kemm u t-tul ta' żmien li jkopri kull kuntratt?
Jista' jgħid jekk dawn il-kuntratturi humiex jingħataw id-differenza fil-prezz għall-għoli tad-diesel u/jew fuel ieħor, kull meta jogħla l-fuel?
Jista' jara li dawn il-kuntratti u d-dettalji msemmija fl-ewwel parti ta' din il-mistoqsija u kuntratti oħra li jistgħu jingħataw mill-kunsilli lokali, jibdew jiġu ppubblikati fuq il-website tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali bil-għan li jkun hemm trasparenza u dan għaliex dan huwa infiq ta' flus il-poplu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Peress illi l-informazzjoni hekk kif mitluba mill-Onorevoli Membru għadha qed tinġabar, it-tweġiba ser tingħata f'xi seduta oħra.
Residenza San Vinċenż De Paul — tmexxija tan-night shelter
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tmexxija tan-night shelter fir-Residenza San Vinċenz de Paul hijiex se tkun f'idejn ex impjegat/uffiċjal tar-residenza u l-mara tiegħu flimkien? Jekk iva, għaliex intgħażlu huma u ma saritx sejħa b'mod trasparenti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li r-responsabilta tat-tmexxija tan-Night Shelter taqa’ taħt il-management ta' San Vinċenz de Paul u s’issa ma’ ġie identifikat l-ebda individwu.
materjal għad-djar tal-anzjani tal-gvern immexxija mill-privat
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif id-djar tal-anzjani tal-gvern (Mellieħa, Bormla u Żejtun) li huma mmexxija mill-privat, jieħdu supply ta’ materjal bħal ingwanti, catheters, pillolli eċċ. mir-Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-djar tal-anzjani imsemmija (Mellieħa, Bormla u Zejtun) huma tal-Gvern mmexxija parti mill-Gvern u parti mill-privat. Billi huma Djar tal-Gvern dawn jieħdu supply ta` materjal bħal ingwanti, catheter,s eċċ. mir-Residenza San Vinċenz de Paul. Skont il-każ, il-pilloli jinġabru mill-Ispizeriji ta` l-Għażla Tiegħek, rispettivament.
Għawdex — Dipartiment tal-Vat - kwestjoni dwar il-ħinijiet li l-uffiċċju jkun miftuħ
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tal-VAT f'Għawdex ħafna drabi qed ikun magħluq? (per eżempju dan id-dipartiment kien magħluq l-Erbgħa 4 ta’ Jannar u t-Tnejn 23 ta’ Jannar 2012)? Jaf li konsegwenza ta’ dan li l-pubbliku li jkollu bżonn imur fdan l-uffiċċju mhux qed jinqeda kif suppost u qed ikollu jerġa' jmur diversi drabi oħra? Jaf li skrivana waħda f’dan l-uffiċċju li taħdem bir-reduced hours ma tistax tagħti servizz effiċjenti lill-pubbliku? Jista’ jgħid meta se jintbagħat replacement għall-principal officer li spiċċa f’Marzu tas-sena l-oħra biex forsi x-xogħol f’dan l-uffiċċju jkun jista' jibda jiffunzjona kif suppost?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi filwaqt li d-Dipartiment tal-VAT qiegħed jieħu l-passi neċessarji sabiex timtela’ l-vakanza ġewwa l-uffiċċju tiegħu f’Għawdex, is-servizz provdut qiegħed temporanjament jingħata min skrivani tal-Inland Revenue f’Għawdex kull meta l-iskrivana tal-VAT li aċċennajt għaliha ma tkunx disponibbli.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29028, jista’ l-Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien li tittieħed deċiżjoni finali li persuna li diġà għaddiet bord quddiem it-tobba tal-Bord tal-Invalidità għal iktar minn tliet darbiet, u għalqet il-50 sena, tiġi meqjusa bħala persuna li hija mgħoddija bord permanenti? Jaf il-Ministru li dawn in-nies vulnerabbli qed ikollhom jonfqu ħafna flus kull darba li jiġu biex iġeddu ż-żmien minħabba li jkollhom jagħmlu ċertifikati ġodda?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor Interpellant li biex persuna tikkwalifika għall-pensjoni tal-invalidità il-kundizzjoni medika tagħha trid ‘tkun ta’ natura permananti’. L-enfasi hija fuq in-natura tal-kundizzjoni fiżika u mentali ta’ persuna u mhux l-età u barra minn hekk l-istess Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318) jitlob li kull każ ikun rivedut mill-aspett mediku ta’ lanqas kull tliet snin.
Tajjeb jiġi ċċarat li meta ssir revizjoni l-persuna kkonċernata tintalab li tissottometti informazzjoni dwar il-kundizzjoni tagħha. Dan isir billi timtela’ formola apposta mit-tabib kuranti tal-persuna. M'hemmx il-ħtieġa li l-persuna kkonċernata tirrikorri għand speċjalista.
Barra minn hekk fejn il-persuna tkun qegħda tirċievi kura fi sptar jew klinika tal-Gvern, il-Bord tad-Dipartiment ikollu aċċess għal din l-informazzjoni biex jiġi determinat id-dritt tal-pażjent li jkompli jirċievi l-pensjoni msemmija u b’hekk il-persuna ma jkollhiex għalfejn tibgħat ċertifikati dwar il-kundizzjoni tagħha..
Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt ġewx identifikati mid-Dipartiment tas-Saħħa mediċini ġeneriċi li kienu substandard jew saħansitra mediċini foloz? X'inhu jagħmel il-Ministeru sabiex ikun ċert li l-mediċini li qegħdin jinxtraw fil-pajjiż qegħdin ikunu ta' kwalità tajba?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li biex prodott mediċinali jitpoġġa fuq is-suq f’Malta irid jiġi ireġistrat. Fil-proċess tar-reġistrazzjoni tiġi evalwata l-kwalità tal-prodott kemm għall-mediċini ġeneriċi kif ukoll mediċini ta’ referenza. F’każ ta’ mediċini ġeneriċi, jiġi assigurat li dawn huma ekwivalenti għall-mediċini ta’ referenza. Jekk jiġu identifikati prodotti fuq is-suq li ma jkunux skont il-liċenzja tar-reġistrazzjoni, dawn jinġabru minn fuq is-suq.
Fl-Unjoni Ewropea teżisti sistema fejn informazzjoni fuq mediċini li jistgħu jkunu mhux tal-kwalita’ mistennija jew jista’ jkollhom diffett f’xi lott, tiġi ikkomunikata mal-istati membri kollha, biex jekk ikun hemm bżonn tinġabar minn fuq is-suq. Malta bħala stat membru fl-Unjoni Ewropea hija nvoluta f’din is-sistema.
L-Awtorità dwar il-Mediċini tieħu kampjuni ta’ xi prodotti mediċinali minn fuq is-suq u dawn jiġu evalwati f’laboratorju.
Kif ġie spjegat, biex prodotti mediċinali jitpoġġew fuq is-suq dawn iridu jkunu irreġistrati. Il-prodotti mediċinali jitqassmu f’katina tal-provista mill-manifattura sal-ispiżeriji li hija rregolata.
Mediċina ffalsifikata hija mediċina li l-kontenut tagħha u/jew isimha u/jew is-sors tagħha jkunu ppreżentati apposta b’mod qarrieqi. Il-mediċini ffalsifikati jista’ jkun fihom ingredjenti tajbin jew ħżiena, ammont ħażin ta’ ingredjenti, nuqqas ta’ ingredjenti jew ippakkjar iffalsifikat. Il-falsifikazzjoni tapplika kemm għall-mediċini oriġinaturi kif ukoll għall-mediċini ġeneriċi.
Sa issa ma nstabux prodotti mediċinali ffalsifikati fil-katina tal-prodotti rregolati f’Malta. Kien hemm żewġ każijiet ta’ prodotti ffalsifikati iżda dawn ma kienux fil-katina tal-provista legali għall-pazjenti Maltin.
L-Unjoni Ewropea ppublikat leġislazzjoni ġdida li hija intenzjonata biex tkompli tnaqqaas ir-riskju ta’ prodotti mediċinali iffalsifikati minn fuq is-suq. Dawn il-liġijiet qed jiġu addottati fil-liġijiet lokali u jiġu fis-seħħ fil-bidu tal-2013.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — post vakanti ta' chief security officer
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-rekwiżiti mitluba mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal post vakanti ta' chief security officer u li ġie rreklamat mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ mingħajr talba għal rekwiżiti? X'inhuma l-kriterji tal-għażla? Kemm kien hemm persuni li applikaw? Kif sar ix-short listing? Fuq liema kriterji?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rreklamat il-post vakanti ta’ Head of Security skond ir-rekwiżiti li jidru hawn taħt;
“Applicants must be in possession of a degree related to security management or a related area, issued by the University of Malta or any other recognized institution. Candidates must also have at least five (5) years experience as Head of Security. Applicants having experience within the Police Force and/or in private investigation agencies shall be preferred.”
Il-Kriterji tal-għażla huma maqsuma bejn il-kwalifiki, esperjenza u adegwatezza għall-post vakanti
Kien hemm 37 applikazzjoni fejn 5 kienu eliġibli (2 minnhom barranin).
Ġew
short listed
3 applikazzjonijiet abbażi tal-kwalifiki mitluba.