Legislature:
Category:
Reset
Active:

informazzjoni dwar il-premises tal-ex Malta Shipbuilding

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31301, jista' l-Ministru jpoġġi r-rapport tal-perit li qal li l-baċir ma tiġrilux ħsara jekk idum mimli bl-ilma? Min hu dan il-perit? Dan il-perit kien xi darba involut f'iddisinjar u bini ta' xi baċir? Jaf il-Ministru li l-art tal-baċir diġà kienet bil-konkos u nfaqa' u qed jidher il-ħadid u jekk is-sitwazzjoni bid-deċiżjoni li ttieħdet hux se tkompli tiggrava l-ħsara? Jista' l-Ministru jagħti l-lista tal-vapuri li rabtu mal-mollijiet 1, 2, 3, 4, 5, 6 u fil-baċir? Kemm ħallsu dawn il-vapuri għall-irmiġġ? Jista' jagħti informazzjoni dwar il-blat li jitqatta' minn hemmhekk? Għal liema proġetti se jintuża l-blat li tqatta'? Liema kumpanija privata għamlet u qed tagħmel dan ix-xogħol u x'makkinarju użat? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikati statutorji tal-krejnijiet li qed jintużaw? Min huma l-impjegati u x'pagi għandhom? Jista' jqiegħed il-balance sheet tal-aħħar sena finanzjarja tax-xogħol li sar?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-ebda ħin ma ntqal li r-rapport tal-perit ta xi parir li l-baċir mhu ser jiġrilu l-ebda ħsara jekk jitħalla mimli bl-ilma. Ir-rapport tal-perit jgħid li jekk il-baċir jimtela’ bl-ilma il-parti li tkun taħt l-ilma, u għalhekk li ma tkunx qed tara arja, tibbenifika billi titnaqqsilha id-deterjorazzjoni li normalment tiġri meta l-konkos ikun kontinwament espost għall-ilma u l-arja, bħal meta l-baċir jimtela’ u jerġa’ jitbattal. Pero’ il-perit qal ukoll li dik il-parti li tissejjaħ il-waterline, se tkun qed tiddeterjora b’rata aktar mgħaġġla minħabba l-elementi tal-arja u l-ilma. Il-baċir jista’ wkoll ibagħti minn ingress ta’ ilma wara l-faċċati tiegħu (wara l-liner) minħabba danni fix-xquq ta’ bejn il-faċċati. Minkejja dan jidher li l-baċir kien diġa’ jbagħti minn ingress ta’ ilma minn wara l-istruttura tiegħu (li ġej b’mod kontinwu mill-blat) u għalhekk ċertu ħsara kienet diġa’ qegħda ssir anke’ waqt li kien qed jitħalla vojt. Mhuwiex minnu li l-art tal-bacir kellha xi hsara jew li xi parti minnha kellha l-ħadid jidher. Id-deċiżjoni li l-baċir għandu jimtela’ bl-ilma u jitħalla mimli għal żmien temporanju ittieħdet fuq bażi kummerċjali biex ikun jista’ jingħata servizz lil numru ta’ vapuri li jitolbu rmiġġ fis-sit tal-Ex Malta Shipbuilding. Permezz tal-baċir il-tul tal-mollijiet żdiet b’580 metru. Dan huwa ta’ benefiċċju kummerċjali u għalhekk huwa aħjar milli l-baċir kien jitħalla vojt u mingħajr użu ta’ xejn kif kien sa ftit żmien ilu. Illum jirmiġġaw tal-anqas żewg vapuri kbar fuq kull naħa tal-baċir u dan ifisser aktar dħul għall-kumpanija Governattiva, Ricasoli Tank Cleaning Ltd, li qegħda topera dan il-baċir flimkien ma’ numru ta’ mollijiet ohra fis-sit tal–Marsa. Kieku l-baċir tħalla vojt, xorta waħda riedet issirlu manutenzjoni wara xi snin minħabba l-element tax-xemx u l-ilma li kontinwament ġej minn ġol-blat. Minkejja li l-baċir jinsab mimli bl-ilma, xejn ma jwaqqaf milli l-baċir jerġa’ jitbattal mill-ilma u ssirlu spezzjoni kull tant żmien biex wieħed jara jekk saritx xi ħsara, u jekk ikun il-każ, kemm din hija serja u saħansittra ssir l-manutenzjoni neċessarja. L-informazzjoni mitluba rigward il-vapuri li rabtu mal-mollijiet li għalihom hi responsabbli l-kumpanija Ricasoli Tank Cleaning Ltd titqies ta’ natura kummerċjali u għall-benefiċċju tas-sidien ta’ dawn l-istess vapuri mhix se tingħata fuq bażi ndividwali iżda tista’ tingħata fuq bażi globali. Id-dħul mill-irmiġġ mal-mollijiet numru 3, 4 u 5 li ghalihom hija responsabbli din il-kumpanija, kif ukoll fil-baċir minn mindu dan imtela bl-ilma, jammonta għal €539,938. Il-mollijiet numru 1 u 2 huma responsabbilta’ ta’ Transport Malta, filwaqt li l-moll numru 6 huwa responsabbilta’ tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Ta’ min jiċċara li ma tqatta’ u mhu qed jitqatta l-ebda blat mis-sit tal-Marsa. Il-proġett li għalih qed tirreferi l-mistoqsija parlamentari huwa dak tal-GHRC fejn qed jinġieb blat kbir biex jitqatta’ fil-sit tal-Marsa in konnessjoni mal-proġett ta’ bieb il-Belt. Il-kumpanija privata li qed tagħmel dan ix-xoghol hija subcontractor tal-GHRC, imqabbda mill-korporazzjoni biex tqatta’ dan il-blat permezz ta’ makkinarju li nġieb mill-istess kumpanija. Dettalji dwar il-proġett għandhom jintalbu mingħand il-korporazzjoni GHRC. Il-krejnijiet li qed jintużaw minn din il-kumpanija ġew ċertifikati minnha stess u għalhekk kopja taċ-ċertifikati għandha tintalab ukoll mingħand il-GHRC. L-istess jgħodd għal-lista tal-impjegati, il-pagi tagħhom kif ukoll il- balance sheet tax-xogħol li sar fuq dan il-proġett.

Għawdex — Dipartiment tal-Vat - kwestjoni dwar il-ħinijiet li l-uffiċċju jkun miftuħ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31726, jista' l-Ministru jgħid hux infurmat sewwa x’qiegħed jiġri peress li s-servizz provdut imsemmi mill-Ministru li qiegħed temporanjament jingħata minn skrivani tal-Inland Revenue f’Għawdex, kull meta l-iskrivana tal-VAT ma tkunx disponibbli mhux qed jingħata servizz tajjeb biżejjed għal diversi raġunijiet, fosthom għax il-bieb tad-Dipartiment tal-VAT ikun magħluq u t-telephone ma jirrispondih ħadd, kif ukoll minħabba li s-servizz temporarju provdut li jingħata mill-iskrivani tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni f'Għawdex mhux wieħed sħiħ u ekwivalenti għal dak li jingħata mill-iskrivana li taħdem mad-Dipartiment tal-VAT Ghawdex u anke minħabba li s-servizz li qed isir huwa biss ta’ timbru u xejn iktar għax min ikollu bżonn ta’ iktar minn timbru qed jintalab imur darb'oħra? Fiċ-ċirkostanzi jikkonsidra l-Ministru li sakemm timtela l-vakanza fl-uffiċċju tal-VAT f’Għawdex, jibgħat skrivan jew skrivana mid-Dipartiment tal-VAT ta' Malta misluf/a f’Għawdex, jew inkella l-iskravani fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni ġewwa Għawdex li jipprovdu dan is-servizz temporarju għandhom jipprovdu dan is-servizz mill-uffiċċju tal-VAT u jagħmlu x-xogħol kollu li soltu jsir minn dan l-uffiċċju meta l-unika skrivana li taħdem bir-reduced hours ma tkunx tista' tattendi għax-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li b’mod immedjat d-Dipartiment tal-VAT inkariga spettur tal-VAT sabiex ikun jista’ jaqdi dmiru fl-uffiċju ta’ Għawdex fuq bażi part-time sabiex ikun jista’ jiġi ndirrizat dan in-nuqqas. Sadanittant, id-Dipartiment ser jibqa’ jagħmel l-almu tiegħu sabiex jara li l-vakanza li hemm timtela.

Drenaġġ f'Wied is-Sewda Ħal-Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex ma jibqax jigi flushed ilma tad-drenaġġ f'Wied is-Sewda f'Ħal Qormi li kull darba joħloq riskji u problemi lir-residenti li jgħixu fi Triq il-Wied f'Hal Qormi u l-madwar u lil dawk kollha li jgħaddu minn dawn it-toroq? Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jigi flushed l-ilma tad-drenagg f'Wied is-Sewda? Jista' jgħid x'inhuma l-effetti ambjentali fuq il-wied kawża ta' dan l-ilma tad-drenaġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn ispezzjoni li saret f’Wied is-Sewda fejn hemm numru ta’ lqugħ li jżommu l-ilma tax-xita warajhom minn uffiċjali ta’ dan il-Ministeru, għalkemm kien innotat li l-ilma maħżun jidher maħmuġ, ma jidhirx li hemm xi sbroff ta’ drenaġġ peress li m’hemmx sistema tad-drenagg ghaddejja fl-inħawi u lanqas ma jidher li hemm xi ilma ħiereg mill-irziezet li hemm fil-qrib. Madankollu qed isiru spezzjonijiet biex inkomplu nagħmlu moniteraġġ taż-żona.

anzjan li applika għar-Residenza San Vincenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ tal-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ilu li applika biex jidħol fir-Residenza San Vincenz de Paul minn Ottubru 2010 u li qiegħed f'dar privata għall-anzjani, iżda issa spiċċawlu l-flus u ma jistax jibqa' f'din ir-residenza anke minħabba l-fatt li l-qagħda tiegħu qed tiddeterjora, peress li jeħtieg kura medika kontinwa u fid-dar privata fejn qiegħed din il-kura ma tingħatax?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjan li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant applika biex jidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz fis-27 t’Ottubru 2010. L-applikazzjoni ġiet imqiegħedha fil-lista ta’ stennija għal-San Vinċenz. Jekk is-saħħa tal-imsemmi anzjan ideterjorat huwa mportarti li ssir applikazzjoni għall-upgrade tal-każ biex b’hekk il-każ jerġa jidher quddiem il-Bord tal-Ammissjoni. Din l-applikazzjoni tista’ tinkiseb mill-Kunsilli Lokali, mis-sit eletroniku u fiċ-Ċentru Servizz Anzjan il-Belt.

MEPA — strutturi li nbnew għal skopijiet agrikoli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' strutturi li nbnew qabel ma twaqqfet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal skopijiet agrikoli, fis-sens, jekk dawn jiġux sanzjonati mill-awtorità jew le?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont artiklu 70 tal-Att tal-2010 dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, "l-Awtorità tista’ tagħti li jingħata permess biex jinżammu fuq art bini jew xogħolijiet oħra mibnija jew magħmula fuqha, jew biex jitkompla kull użu ta’ art, li jkun sar mingħajr permess taħt dan l-Att". F'każijiet bħal dawn, xorta trid issir applikazzjoni għall-permess ta' żvilupp u l-Awtorita` hija obbligata li tipproċessa tali applikazzjoni skond il-provvedimenti kollha tal-Att, tal-policies u tar-regolamenti oħra li huma applikabbli għall-każ.

Tribunal tal-Konsumaturi — deċiżjoni pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Konsumaturi tal-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tat-Tribunal tal-Konsumaturi, ilha pendenti ħdax-il xahar, għaliex is-seduta tas-smiegħ inżammet f'Marzu 2011?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Enemalta — ħlas lis-security officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm overtime u travelling expenses li għandhom jitħallsu lis-security officers impjegati mal-Korporazzjoni Enemalta għas-sena 2011? Jista' jgħid għaliex dawn għadhom ma tħallsux u meta se jitħallsu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi sat-22 ta’ Frar ta’ din is-sena l-Korporazzjoni Enemalta għandha 27 siegħa overtime xi tħallas lill-security officers. Dan l-overtime li sar fl-2011, jammonta għal € 291.76 u ser jitħallas f’Payroll 3/2012. Il-korporazzjoni m’għandha l-ebda travelling expenses xi tħallas.

ħlas għas-servizz tat-Telecare

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija r-rata ta' ħlas li l-anzjani jħallsu għas-servizz tat-Telecare: [a] meta issir l-istallazzjoni; [b] il-kera kull xahar u [c] xi ħlas ieħor?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li r-rati ta’ ħlas kif mitluba mill-Onor. Interpellant dwar is-Servizz tat-Telecare huma hekk: a) Meta ssir l-istallazzjoni ma jsir ebda ħlas. b) Il-kera għas-servizz hija ta 5 euro u 3 cents kull xagħrejn. Ma jsir l-ebda ħlas jekk persuna jkollha il-Karta r-Roza valida. c) M'hemm l-ebda ħlas ieħor għas-Servizz tat-Telecare.

informazzjoni dwar il-market correction allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom tinħadem u tingħata l-market correction allowance lil ċerti ħaddiema fis-settur pubbliku?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-market correction allowance tingħata f'każijiet fejn is-Settur Pubbliku jħoss li għandu bżonn jattira lejh persuni li huma meqjusa esperti fil-qasam tax-xogħol tagħhom. Dan isir fejn, fil-biċċa l-kbira tagħhom, is-salarji offruti mis-Settur Privat huma ferm aktar attraenti, u b'hekk is-Settur Pubbliku jitlef ħafna mir-riżorsi umani tant neċessarji għall-operat tiegħu. L-allowance tinħadem billi jiġu kkunsidrati l-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenza tal-individwu, flimkien mar-responsabbiltajiet meħtieġa fil-pożizzjoni partikolari. Il-market correction allowance tiġi maħduma billi jiġu kkunsidrati ukoll is-salarji attwalment imħallsa fis-Settur Privat għall-persuni li jokkupaw gradi ekwivalenti. L-allowance tingħata l-aktar f'dawk is-setturi fejn hawn nuqqas ta' nies imħarrġa sew, speċjalment fil-qasam tat-teknoloġija u l-IT, u fil-każ ta’ konsulenti esperti f'diversi oqsma.

Siġġiewi — Triq San Ġwann - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien esaġerat biex isiru x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru fi Sqaq nru 2 fi Triq San Ġwann is-Siġġiewi u li qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti? Jista' jindirizza din is-sitwazzjoni sabiex ix-xogħol li għandu jsir, isir fi żmien raġjonevoli?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 31884.

Għammieri — postijiet vakanti ta' drivers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx postijiet vakanti ta' drivers fl-Għammieri? Ħarġet internal call biex jimtlew dawn il-vakanzi? Jekk iva, instabu n-nies? Jekk ma nstabux nies, jista' jgħid jekk hux se jkun hemm sejħa pubblika biex jimtlew dawn il-postijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ma joħroġx sejħiet għal drivers minn barra s-Servizz Publiku f’Direttorat partikolari, imma tinħareġ sejħa b’mod ġenerali mifruxħa fuq il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku biex jintlew il-vakanzi li jkun hemm fid-diversi Direttorati. Dawn is-sejħiet jinħarġu mill-Uffiċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru liema sejħiet jkunu miftuħa għal dawk il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li jkunu eligibli. Il-Ministeru ġieli ħareġ ukoll espressjoni ta’ interess għall-ħaddiema tal-Ministeru tiegħu li juru nteress li jagħmlu xogħol ta’ drivers.

Mediċini li jingħataw b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pazjenta mibgħuta barra minn Malta għall-kura, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatment, mhix tingħata l-mediċini li ġew ordnati lilha biex tieħu wara l-intervent kirurġiku li sarilha fl-isptar ta' barra u dan meta l-familja ta' din il-pazjenta mhix f'qagħda finanzjarja li titgħabba bi spejjeż ta' din ix-xorta? Il-mediċini in kwistjoni huma: hylo-comod u alergio-comod u blefaret u europical.

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li wara li ġie nvestigat il-każ, nstab li s’issa ma waslet l-ebda applikazzjoni tal-pazjent imsemmi, fil-’Medicines Entitlement Unit’ u fit-’Treatment Abroad Coordination Office’ għal dawn il-mediċini. Barra minn hekk, l-ebda waħda mill-mediċini msemmija ma tinstab fil-Formularju tal-Gvern. Mandankollu d-dipartiment qed jagħmel kuntatt mal-konsulent konċernat biex jiverrifika l-każ.

Ħal Safi — Detention Officers li se jispiċċaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jżomm lil dawk id-Detention Officers li huma impjegati f'Ħal Safi u li se jispiċċaw mis-servizz tal-Forzi Armati għaliex għalqu l-25 sena servizz? Jekk dawn id-detention officers se jispiċċaw, il-Gvern se jimpjega lil ħaddieħor minflokhom jew se jerga' jingaġġa lilhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' uffiċjali li jservu fis-Servizz ta' Detenzjoni huwa suġġett għal evalwazzjoni kontinwa skont il-ħtiġijiet tal-mument u tas-sitwazzjoni li tkun tapplika minn żmien għal żmien. Dan japplika għal komponenti kollha tas-Servizz inkluż dawk li jkunu qed iservu fih skont l-arranġamenti speċifiċi li jirrigwardjaw ex-membri tal-Forzi Armati li jkunu għadhom ma laħqux l-25 sena servizz. Infurmat ukoll li proprju bħalissa għaddejja evalwazzjoni tas-sitwazzjoni f'dan ir-rigward.

kura għall-kundizzjoni hypopituitarism

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kura għall-kundizzjoni hypopituitarism m'għadhiex tingħata b'xejn mill-isptar lil dawk li huma finanzjarjament ristretti? Jista' jgħid għandux il-ħsieb li din il-kura terġa' tibda tingħata? Jekk iva, meta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kundizzjoni ’Hypopituitarism’ hija waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi mniżżla fil-lista ta’ Skeda V fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318), u l-mediċini meħtieġa għall-kura ta’ din il-kondizzjoni li jinstabu fil-Formularju tal-Gvern jingħataw mingħajr ħlas lil kull minn għandu din il-kundizzjoni.

Ir-rotta mill-Isptar Mater Dei għas-Siġġiewi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ir-rotta tat-trasport pubbliku 209 għall-Isptar Mater Dei mis-Siġġiewi u lura, mhux qed twaqqaf il-pubbliku fl-area ħdejn Mater Dei, iżda qed tniżżel lin-nies fl-area tal-Università, bil-konsegwenza li n-nies iridu jimxu ħafna għad-destinazzjoni tagħhom fl-isptar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li rotta 209 tittermina fl-interchange ‘Mater Dei’ li hu qrib il-bieb ta’ wara tal-isptar. Fil-fatt din il-waqfa hi eqreb għal nofs is-swali tal-isptar mill-waqfa ‘Sptar’ ta’ qrib il-bieb ta’ quddiem. Intant qed isiru tħejjijiet għal riorganizzazzjoni tal-bus stops madwar l-isptar biex titjieb l-aċċessibilità għall-passiġġieri.

Residenza San Vinċenz de Paul — pazjenti taħt is-sena 60 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm pazjenti taħt is-60 sena li ddaħħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paul mis-sena 2008 sal-aħħar tas-sena 2011, minħabba diżabilità u li m'għandhomx familjari biex jieħdu ħsiebhom skont l-età u f'liema swali? Għaliex qed jiġu admitted fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pazjenti taħt is-60 sena huma kif jidher hawn taħt : Sena Nisa Irġiel 2008 2 2 2009 3 3 2010 4 3 2011 2 5 Dawn il-pazjenti qed jiġu ammessi fir-Residenza San Vinċenz de Paul minħabba iċ-ċirkostanzi mediċi li huma ta’ natura partikulari u komplikati.

Persuni miżżewwġa li jieħdu ħsieb l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jindirizza l-inġustizzja ta' persuni miżżewwġa li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom iżda ma jingħatawx il-benefiċċju ta' carers bħal fil-każ ta' dawk ix-xebbiet jew ġuvintur u dan għaliex ħafna minn dawn il-persuni għandhom bżonn jaħdmu bil-qliegħ, iżda biex jieħdu ħsieb dawn l-anzjani, qed jibqgħu d-dar b'sagrifiċċju għall-familja tagħhom?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lil Onor Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet bejn numru ta’ dipartimenti tal-Gvern bil-għan li l-anżjani tagħna jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu aktar fil-komunità. F’dawn id-diskussjonijiet qed jiġi kkunsidrati wkoll l-aspett tal-benefiċċji soċjali li jitħallsu lil persuni li jkunu qed jassistu anzjani fid-dar tagħhom.

Sptar Mater Dei — Maintenance Department

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-stocks u l-ordnijiet fil-maintenance department tal-Isptar Mater Dei huma miżmumin jew neqsin? Ma jidhirlux li f'ċirkostanzi bħal dawn jekk jinqalgħu xi ħsarat fl-Isptar b'mod urġenti mhux se jkunu jistgħu jiġu rranġati? F'dawn iċ-ċirkostanzi x'se jagħmel l-Ministru?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-stocks u l-ordnijiet fil-maintenance department tal-Isptar Mater Dei ma humiex miżmumin izda hemm uħud minnhom li huma neqsin. Il -maintenance department għandu f’idejh spare parts li huwa ikunsidrat importanti biex jintużaw immedjatament meta jkun hemm bżonn. Minn żmien għal żmien din il-lista ta’ dan it-tip ta’ spare parts tiġi riveduta u dan it-tip ta’ spare parts jiżdidu kif u jekk ikun meħtieġ. Hemm ukoll arranġameti biex meta jkun hemm bżonn urġenti ta’ xi stock u dan ma jkunx għand il - maintenance department, dan jinxtara immedjatament.

Childcare Assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm childcare assistants impjegati? Tista' tgħid humiex full-time jew part-time? Kemm hemm full-time u kemm part-time u f'liema childcare centre? Fir-rigward ta' childcare assistants impjegati part-time, tista' tgħid jekk hiex se timpjegahom full-time? Jekk iva dan meta? Jekk le, għaliex? Tista' tgħid għaliex fil-ħinijiet tal-ftuħ u tal-għeluq, peress li childcare assistants jidħlu u joħorġu f'ħinijiet varji, qed ikun hemm childcare assistant li jkollha tieħu ħsieb aktar tfal milli huwa stabbilit skont ir-regolamenti? Tista' tassigura li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata u dan sabiex ikun assigurat is-saħħa u sigurtà tat-tfal? Għaliex mhemmx childcare assistants li jkunu bħal relievers biex jieħdu post dawk iċ-childcare assistants li jkunu bil-vacation leave jew bis-sick leave, u dan sabiex ikun assigurat li f'kull ħin it-tfal li jattendu jkollhom il-ħarsien meħtieġ? Tista' tgħid kemm-il ċentru taċ-childcare se jinfetaħ ġdid, f'liema lokalità, meta u kemm childcare assistants se jkunu impjegati? Kif se jkunu impjegati ċ-childcare assistants? Full-time jew part time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Isptar Mater Dei — Nuqqas ta' stocks

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-jiem li għaddew ma kienx hemm faxex ta' lastiku u stick zinc oxide strapping għall-pazjenti fl-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid jekk hemmx aktar affarijiet out of stock fl-Isptar? X'inhuma? X'qed isir biex ma jibqax ikun hemm affarijiet out of stock fl-Isptar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li Stick Zinc Oxide Strapping huwa in stock u l-faxex tal-lastiku hemm żewġ tipi ta’ qisien li huma in stock. Hemm qies ieħor li għandu jasal fl-stores fi żmien ġimgħatejn.