Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjoni pendenti għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, ilha tliet snin u nofs applikata għar-Residenza San Vinċenz de Paul għax tbati mid-dementia u kienet tgħix waħedha; imma qatt ma ġiet admitted fir-Residenza minkejja li tqegħdet fuq il-waiting list u mill-informazzjoni li ngħatat suppost il-każ tagħha huwa high priority? Jista' jgħid x'se jagħmel dwar din l-istess anzjana li kellha tiddaħħal f'home privata u issa wara li ilha tliet snin u nofs tħallas mal-€1000 fix-xahar għal board and lodging biss u spiċċawlha l-flus? Se jieħu l-passi meħtieġa biex din l-anzjana jew tiġi ssusidjata fl-istess home, kif ġieli sar ma' anzjani oħra, jew inkella tiġi admitted fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Oncology u s-Science Centre — xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Filwaqt li għaddejja l-attività ta' kostruzzjoni fl-Oncology and s-Science Centre, jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti qed isiru biex is-servizz tal-helicopter li jwassal pazjenti li jeħtieġu servizz mediku ta' emerġenza mill-gżira ta' Għawdex għall-Isptar Mater Dei jibqa jingħata? X'qed issir/jew sar biex tiġi assigurata s-sigurtà tal-pazjenti kif ukoll dik tan-nurses meta wieħed jikkunsidra li l-attività ta' kostruzzjoni fl-Oncology and Science Centre qed tinkludi l-użu ta' cranes?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif jista jara kulħadd fil-madwar tal-Isptar Mater Dei qegħdin isiru numru ta’ proġetti nazzjonali fosthom dak taċ-ċentru l-ġdid tal-onkoloġija, kif ukoll dak tal-Life Sciences Park. Kif isir f’kull proġett ieħor ta’ kostruzzjoni ta’ dan it-tip hemm in-neċċessita’ li jittellgħu numru ta’ tower cranes fuq is-siti ta’ dawn iż-żewġ proġetti nazzjonali - jiġifieri fuq is-sit taċ-ċentru tal-onkoloġija; kif ukoll fuq is-siti tal- life sciences park - li dawn tal-aħħar jinsabu ftit metri l-bogħod mill-Isptar Mater Dei. Il- helipad li tinsab ġewwa l-Isptar Mater Dei, għalhekk, ser ikollha numru ta’ tower cranes fil-viċinanzi tagħha. Sabiex tiġi eliminata kompletament kull possibilita’ ta’ riskju li qatt jista’ jinqala’ waqt titjiriet lejn l-Isptar Mater Dei minn helicopters użati mill-Forzi Armati ta’ Malta waqt l-attivita’ ta’ kostruzzjoni, ittieħdet id-deċiżjoni, flimkien mal-istess Forzi Armati ta’ Malta, li b’ mod temporanju titjiriet tal- helicopter jibdew jiġu operati mill- helipad li tinsab ġewwa l-Isptar San Luqa. Għal dan il-għan qegħdin isiru arranġamenti sabiex din il- helipad terġa tiġi reinstated . Sa ftit tas-snin ilu din il- helipad kienet tintuża u jien infurmat li ma hemmx wisq xogħol li jrid isir sabiex din il- helipad terġa titħaddem. Is-servizz tal- helicopter li jwassal pazjenti li jeħtieġu servizz mediku ta’ emerġenza qiegħed jissokta lejn l-Isptar Mater Dei; u ser ikompli jissokta bla ebda waqfien sakemm il- helipad ġewwa l-Isptar San Luqa tkun reinstated . Tajjeb li nerġa nfakkar wkoll li l- helipad ġewwa l-Isptar San Luqa ser tkun qed tintuża b’ mod temporanju sakemm il- helipad il-ġdida ġewwa l-Isptar Mater Dei tkun lesta. Kif kelli l-okkażżjoni li ntenni f’diversi okkażżjonijiet oħra, nerġa nfakkar li ser tinbena helipad ġdida fuq Block D1 fl-Isptar Mater Dei - u dan minħabba l-massa ta’ żvilupp ta’ bini għoli li ser ikun hemm fil-madwar tal-Isptar Mater Dei. It- tender għall-proġett tal-bini tal- helipad il-ġdida ġewwa l-Isptar Mater Dei jinsab fi stadju avvanzat ta’ aġġudikazzjoni.

Residenza San Vincenz de Paul — anzjani li daħlu bil-lejl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew admitted anzjani fir-Residenza San Vincenz de Paul bil-lejl, bejn Jannar 2012 u it-8 ta' Marzu 2012, ġurnata b'ġurnata? Għaliex ġew admitted bil-lejl u mhux matul il-ġurnata?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Athenonol mal-fuel unleaded tal-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux jiżdied l-athenonol mal-unleaded fuel tal-karozzi? Jekk iva: a) kif qed jaffetwa l-konsum; b) xi ħsara qed issir fuq il-magna tal-karozza; ċ) kemm (bejn wieħed u ieħor) tiġi l-ispiża sabiex issir il-modifikazzjoni meħtieġa biex tiġi evitata xi ħsara; u d) min se jagħmel tajjeb jekk ċerta vettura diġà ħarbu ħsarat kaġun ta' hekk?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-terminu korrett huwa ethanol u mhux athenonol. Ninsab infurmat li l-Enemalta mhix qed iżżid l-ethanol mal- fuel tagħha, inkluż l- unleaded petrol.

Applikazzjonijiet għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-applikazzjonijiet għar-Residenza San Vinċenz de Paul tal-koppja anzjana li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament li jgħixu waħidhom u li t-tnejn huma dipendenti, iżda ukoll għaliex hemm problemi ta' saħħa mentali u għaldaqstant ir-risku għal saħħithom ikompli jikber?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-applikazzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ġew approvati mill-Bord tal-Ammissjoni għar-Residenza ta’ San Vincenz. B’hekk l-applikazzjoni tal-imsemmija anzjani ġew imqiegħedha fil-lista ta’ stennija għal din ir-residenza.

Korp tal-Pulizija — entry requirements għall-Kuntistabbli

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diploma fl-IT mill-MCAST tissodisfax l-entry requirements għall-Kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li kif kienu r-rekwiżiti fl-aħħar sejħa għall-ingaġġ fil-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli, il-kwalifiki msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti. Però wieħed dejjem għandu jivverifika meta jkun hemm sejħa ghall-applikazzjonijiet fil-Gazzetta tal-Gvern.

kunsilli lokali — informazzjoni dwar kuntratti ta' ġbir ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31723 u jagħti d-dettalji tal-kuntratti ta' ġbir tal-iskart [bieb bieb], ġbir tal-iskart bulky (bieb bieb), knis ta' toroq u postijiet oħra pubbliċi u tindif tal-latrini li ngħataw mill-kunsilli lokali ta' Malta u Għawdex mis-sena 2008 sal-aħħar tas-sena 2011, sena b'sena, kuntratt b'kuntratt, lil min u b'kemm u t-tul ta' żmien li jkopri kull kuntratt? Jista' jgħid jekk dawn il-kuntratturi humiex jingħataw id-differenza fil-prezz għall-għoli tad-diesel u/jew fuel ieħor, kull meta jogħla l-fuel? Jista' jara li dawn il-kuntratti u d-dettalji msemmija fl-ewwel parti ta' din il-mistoqsija u kuntratti oħra li jistgħu jingħataw mill-kunsilli lokali, jibdew jiġu ppubblikati fuq il-website tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali bil-għan li jkun hemm trasparenza u dan għaliex dan huwa infiq ta' flus il-poplu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Intant infurmat li l-kuntratti l-ġodda jistipulaw li l-kuntratturi għandhom jingħataw mill-Kunsilli Lokali d-differenza fil-prezz tal-fuel li jista’ jkun hemm. Infurmat ukoll illi l-allokazzjoni tal-Kunsilli Lokali f’dak li jirrigwardja l-funzjoni statutorja tal-gbir ta’ skart domestiku kull sena tiżdied biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha ikkoncernati. Għalhekk id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ser jieħu l-passi neċessarji sabiex il-Kunsilli Lokali kollha jaderixxu. Waqt li nfakkar li kull sejħa għall-offerti u kwotazzjoni mill-Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali jkunu reklamati fil-ġurnal The Malta Independent kull nhar ta’ Erbgħa, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali se jieħu l-passi meħtieġa biex l-istess kuntratti jibdew ikunu ppubblikati fis-sit elettroniku tiegħu.

Ħal Qormi — informazzjoni dwar il-health centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-catchment tal-Health Centre ta' Ħal Qormi, jiġifieri Ħal Qormi, Siġġiewi u Ħaż Żebbuġ, hux jinkorpora lokalitajiet oħra? Veru li qed jintbagħtu nies għal servizzi f'din il-health centre minn lokalitajiet oħra? Jekk iva għaliex u x'impatt qed ikollu fuq s-servizzi li diġà jingħataw minn din il-health centre, jiġifieri fuq ir-residenti ta' Ħal Qormi, Siġġiewi u Ħaż Żebbuġ u fuq ir-riżorsi umani li jagħtu s-servizz? Jista' jgħid jekk ġiex studjat jekk jistgħux per eżempju jinħolqu waiting lists għas-servizzi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Qormi jieħu ħsieb jagħti xi servizzi lil-lokalitajiet ta’ barra l-catchment area tiegħu. Dawn is-servizzi huma: 1. Visti mit-tabib tal-familja fid-djar Barra Ħal-Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, it-tabib imur ukoll jinvista n-nies ta’ Ħal-Luqa, Ħal-Kirkop, Hal-Safi, iż-Żurrieq, l-Imqabba u il-Qrendi li jaqgħu taħt il- catchment area tal-Furjana. Din il-miżura ittieħdet minn meta infetaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Qormi minħabba l-attivita’ baxxa u l- catchment area żgħira ta’ dan iċ-ċentru tas-saħħa ikkomparata ma’ dik tal-Furjana. Barra minn hekk huwa aktar prattikabli għax dawn l-irħula jinstabu aktar viċin Ħal-Qormi. 2. Visti tal-għajnejn (oftalmoloġija) Minħabba li n-numru ta’ speċjalisti f’dan il-qasam huwa limitat, dan qiegħed jingħata minn tlett ċentri tas-saħħa biss, li wieħed minnhom hu dak ta’ Ħal-Qormi. Għalhekk pazjenti mil- catchment area ta’ Raħal Ġdid qed jattendu f’dan iċ-ċentru tas-saħħa. 3. Tehid ta’ demm lill-pazjenti Barra Ħal-Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, pazjenti mill- catchment area tal-Furjana u B’Kara qiegħed jiġu offruti li jinqdew minn dan iċ-ċentru fejn l-attivita’ hi ferm anqas u għalhekk iż-żmien biex jinqdew il-pazjenti jkun qasir. Dawn is-servizzi mhux qiegħed joħolqu impatt hażin fuq l-istaff jew iċ-ċittadini tas- Siġġiewi, Ħal-Qormi u Ħaż-Żebbuġ. Dan l-arrangament qiegħed issir biex ma jkunx hemm waiting lists hu għalhekk il-pazjenti jinqdew aktar malajr għall-ħtieġijiet mediċi tagħhom.

Sptar Karen Grech — infermiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn se jġib l-infermiera għas-sala l-ġdida li se tinfetaħ fl-Isptar Karen Grech, in vista tan-nuqqas ta' infermiera li s-settur tas-saħħa għandu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li qed jiġu ngaġġati infermiera mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità mir-riżultati li ġew ippublikati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku fit-23 ta’ Frar 2012, wara sejħa għal infermiera. Parti mill-infermiera ingaġġati qed jiġu allokati għall-Isptar Karin Grech.

settur tas-saħħa — impjegati li se jitnaqsilhom l-overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jitnaqqas l-overtime li jingħata lill-impjegati fis-settur tas-saħħa minħabba l-miżura tat-tnaqqis ta' €8.5 miljuni mill-vot tas-settur? Jekk iva, liema huma l-impjegati u l-oqsma milquta fis-settur tas-saħħa u b'kemm? Jekk iva, jista' jgħid jekk hux se jintroduċi xi sistema ta' xogħol ġdida biex isir ix-xogħol li kien isir minn impjegati waqt il-ħin tal-overtime?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li, kif rikjest mill-Public Service Management Code (Sezzjoni 3.2.1.) l-overtime għandu jiġi utilizzat biss b’mod eċċezzjonali u li perjodikament għandu jiġi revedut l-overtime li qed isir, bil-għan li jiġi ekonomizzat l-overtime u tiżdied il-produttività b’mezzi oħrajn. Biex jintlaħaq dan il-għan, il-Ministeru, b’mod regolari, jagħmel moniteraġġ tal-overtime li qed jiġi utilizzat u jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex issir ekonomija mill-overtime kif rikjest mill-istess Public Service Management Code, u anke sabiex tintlaħaq il-miżura tat-tnaqqis ta’ €8.5 miljun.

Ġbir ta' arloġġi temporanji tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhi s-sistema jew prassi ta’ ġbir tal-arloġġi temporanji tad-dawl li jintużaw mill-gabbani/stands tal-festi wara li tintemm il-festa konċernata? Liema huma l-proċeduri li l-Korporazzjoni Enemalta qed tuża meta taqla’ dawn l-arloġġi temporanji tad-dawl minn fuq il-high tension wires li jkunu mqabbdin magħhom għall-istess użu tal-istess sidien tal-gabbani? Jekk dawn l-arloġġi jinġabru mill-istess ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta, dawn fejn qed jittieħdu/jinżammu sakemm jiġu rtirati mill-istess sidien? Jista’ jgħid ukoll jekk jeżistix xi tip ta’ reġistru fejn jiġi ffirmat l-isem tal-individwu u jekk tiġix irreġistrata l-karta tal-identità tal-istess individwu li jiġbor dan l-arloġġ mill-Uffiċċju/Distrett ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proċess biex jitneħħa s-servizz temporanju li jintuża għall-gabbani/stands tal-festi jikkonsisti billi ssir appuntament mal-klijent fuq is-sit, fejn hemmhekk jinqara il-meter u jiġi skonnettjat minn mas-sistema tal-elettriku. Il-konsumatur jieħu l-kaxxa bil-meter u jiffirma fuq il-formola. Meta l-appuntament ma jinżammx, ġeneralment il-kaxxa bil-meter tinqala’ minn nies tal-Enemalta u tittieħed f’uffiċċju tad-distrett ikkonċernata. Meta l-konsumatur jiġi biex jieħu l-kaxxa jintalab juri l- I.D. card tiegħu u jiffirma l-formola.

Sptar Mater Dei — Pyschiatric Unit - Television

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fejn jieklu u jkunu l-pazjenti tal-Pyschiatric Unit fl-Isptar Mater Dei ilhom ġimgħa mingħajr television? Jista' jara li dawn il-pazjenti jkollhom dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-television tal-pazjenti tal-Psychiatric Unit fl-isptar Mater Dei ma jistax jiġi rranġat għax mhux aktar possibli li jinstabu l-ispare parts għalih. Għaldaqstant tqiegħed television ieħor minnufih.

Liċenzja għal Security

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Avviz Legali 66 tal-2012 li ħareġ fid-9 ta' Frar 2012 hux se jerġa' jinbidel? Dan għaliex securities u bouncers qed japplikaw għal din il-liċenzja ġdida u qegħdin jiġu infurmati mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li l-ewwel iridu jagħmlu kors ieħor, meta l-avviz legali msemmi jgħid ċar u tond li min jissottometti l-applikazzjoni qabel il-31 ta' Marzu 2012 m'għandux għalfejn jagħmel kors ieħor? Jista' l-Ministru jgħid jekk hiex se tgħola l-ħlas tal-liċenzja meta kulħadd jaf x'miżerja ta' pagi għandhom dawn l-impjegati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Mhuwiex maħsub li se jkun hemm xi emendi għall-Avviż Legali 66 tal-2012. Ninsab infurmat illi fil-fatt dawk il-persuni li ser japplikaw għal-liċenzji fil-kategoriji l-ġodda skont Regolament 3 tal-istess Avviż Legali mhux qed ikunu mitluba jagħmlu kors ieħor. Fir-rigward tal-prezz tal-liċenzji, nixtieq ninforma lill-Onovervoli Interpelant illi ma hemm l-ebda ħsieb illi dan jogħla.

Ċentru Ħidma Soċjali — Taqsima għall-Għomja - regolamenti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-aħħar daħlux xi regolamenti ġodda fit-tmexxija taċ-Ċentru Ħidma Soċjali - Taqsima għall-Għomja? Jekk iva, jista' l-Ministru jispeċifika x'regolamenti ġodda daħlu u għaliex? Jekk le, jista' jgħid għaliex il-klijenti qed jiġu ssikkati fl-attività tagħhom hemmhekk?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għanijiet taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum huma li l-persuni li jattendu, ikollhom ħajja aħjar kif ukoll jibbenifikaw minn taħriġ li jgħinhom sabiex ikunu aktar indipendenti matul ħajjithom. Għaldaqstant qed jiġu strutturati il-programmi li jsiru matul il-ħinijiet fiċ-Ċentru. Il-klijenti taċ-Ċentru Ħidma Soċjali - Taqsima għall-Għomja qed jigu inkoraġġati wkoll biex jieħdu sehem f’dawn il programmi li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalihom. Għaldaqstant ma daħlu l-ebda tip ta’ restrizzjonijiet, anzi il-klijenti qed ikollhom iktar ċans li jieħdu sehem f’attivitajiet bħal pottery classes u ħruġ inklussiv fil-komunità.

Arblu tat-traffic lights imwaħħal f'nofs apertura ta' proprjetà privata

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif Transport Malta iddeċidiet li twaħħal arblu tat-traffic lights fi Triq il-Ġdida f'Ħal Luqa f'nofs apertura fuq il-faċċata ta' proprjetà privata u li llum tintuża bħala Club ta' Luqa FC? Jista' jgħid x'passi se tieħu Transport Malta biex tikkoreġi din is-sitwazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-post imsemmi fejn twaħħal l-arblu kien diskuss mal-kunsill lokali. Minn dak in-nhar 'l hawn, l-arblu nqala' u se jinstab post alternattiv ieħor għalih. Sal-lum għad ma' saret l-ebda komunikazzjoni min-naħa tal-kunsill lokali rigward il-post alternattiv.

Pilloli Concerta — ADHD

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli Concerta li jingħataw lill-adoloxxenti li jbatu bl-ADHD mhux qed jingħataw b'xejn lill-ġenituri b'limitazzjonijiet finanzjarji?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mediċina methylphenidate hydrochloride tinstab fil-Formularju tal-Gvern iżda mhux bid-ditta Concerta . Il-kundizzjoni ‘Disturbi Psikjatriċi Kroniċi li jibdew mit-Tfulija’ hija kundizzjoni li se tiġi ntrodotta uffiċjalment kif tidħol fis-seħħ ir-riforma ta’ Skeda V, jiġifieri mis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-Avviż Legali 81 tal-2012.

Ħal Far — Industrial Estate - Qtugħ tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni ta' qtugħ fis-servizz tad-dawl, nhar il-Ġimgħa, 2 ta' Marzu 2012 għal sagħtejn u s-Sibt 3 ta' Marzu 2012 għal għaxar sigħat sħaħ fl-Industrial Estate ta' Ħal Far? Jidhirlu l-Ministru li dan il-qtugħ fis-servizz tad-dawl qed iħalli impatt fuq l-industrija li topera minn hemmhekk? Jista' l-Ministru jgħid jekk ikkalkulax kemm sewa dan l-impatt? Jekk iva kemm? Jekk le, għaliex ma ġiex ikkalkulat? X'qed jagħmel il-gvern biex jassigura li dawn is-sitwazzjonijiet ma jkunux ripetuti f'area bħal din fejn l-effett jista' jkun li jitnaffar l-investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi is-servizz tad-dawl fl-inħawi ta’ Ħal Far u ż-Żurrieq ġie maqtugħ il-Ġimgħa 2 ta’ Marzu fit-20:15 minħabba cable fault. Il-konsumaturi kollha ngħataw id-dawl sat-23:04 fit-2 ta’ Marzu. Fil-ġurnata ta’ wara, t-3 ta’ Marzu kien hemm vultaġġ baxx fejn dan ġie rrapurtat fit-08:00 u wara nvestigazzjoni nstabet terminazzjoni tal-linja tal-11kV bil-ħsara u għalhekk affetwat parti minn Ħal Far, Żurrieq u l-Qrendi. Id-dawl gie maqtugħ minħabba li riedu jsibu l-ħsara u t-tiswijiet li tlestew sal-18:10. Għaxar substations fl-Industrial Estate ta’ Hal Far ġew affetwati u l-load li ttieħdet minn dawn is-substations meta ġew mixgħula kienet ta’ 500KW. Ma ttieħdux kalkoli tal-flus fuq l-impatt ta’ dawn il-ħsarat. Il-ħin biex tissewwa t-tieni ħsara kien itwal minn normali peress li kien hemm żewġ ħsarat separati fuq l-istess network u għalhekk id-dawl seta’ jingħata biss meta l-ħsarat kollha tlestew.

Tribunal tal-Konsumaturi — deċiżjoni pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Konsumaturi tal-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tat-Tribunal tal-Konsumaturi, ilha pendenti ħdax-il xahar, għaliex is-seduta tas-smiegħ inżammet f'Marzu 2011?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li s-sentenza dwar dan il-każ għanda tingħata in difett ta’ ostakolu, f’Marzu.

apparat mediku li għandu l-VAT

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-apparat mediku li għandu l-VAT fuqu u b'kemm hija r-rata?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-apparat mediku dejjem kellu rata ta’ 18% VAT fuqu ħlief l-apparat mediku għal użu esklussiv ta’ persuni b’disabilita’ li għandu rata mnaqqsa ta’ 5%.